Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

GĦAR-RANDAN 2022

 

“Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.

Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd” (Gal 6:9-10a).

 

Għeżież ħuti,

 

Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb għal tiġdid personali u komunitarju li jwassalna għall-Għid ta’ Ġesù Kristu li miet u rxoxta. Għall-mixja tar-Randan tal-2022 nagħmlu sew nirriflettu fuq l-eżortazzjoni ta’ San Pawl lill-Galatin: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd” (Gal 6:9-10a).

 

1. Żrigħ u ħsad

F’din is-silta l-Appostlu jevoka x-xbieha taż-żrigħ u tal-ħsad, tant għażiża għal Ġesù (ara Mt 13). San Pawl ikellimna dwar kairós: iż-żmien it-tajjeb biex wieħed jiżra’ l-ġid fid-dawl tal-ħsad. X’inhu għalina dan iż-żmien it-tajjeb? Bla dubju huwa r-Randan, imma hi wkoll il-ħajja kollha fuq din l-art, li tagħha b’xi mod ir-Randan hu xbieha.[1] Fil-ħajja tagħna spiss jerfgħu rashom ir-regħba u s-suppervja, il-kilba biex ikollna, biex niġimgħu u nikkunsmaw, kif jurina dak ir-raġel iblah tal-parabbola tal-Vanġelu, li ħaseb li ħajtu kienet fiż-żgur u hienja minħabba l-ħsad kbir li ġabar fil-ħażna tiegħu tal-qamħ (ara Lq 12:16-21). Ir-Randan jistedinna għall-konverżjoni, biex nibdlu l-mentalità tagħna, biex hekk il-ħajja ssib il-verità u l-ġmiel tagħha mhux tant f’kemm ikollha imma f’kemm tagħti, mhux tant f’kemm iġġemma’ imma f’kemm tiżra’ t-tajjeb u taqsmu ma’ ħaddieħor.

 

L-ewwel bidwi hu Alla nnifsu, li b’ġenerożità “jkompli jiżra’ fl-umanità żerriegħa tajba” (Enċiklika Fratelli tutti, 54). Matul ir-Randan aħna msejħin inwieġbu għad-don ta’ Alla billi nilqgħu l-Kelma tiegħu “ħajja u qawwija” (Lhud 4:12). Is-smigħ assidwu tal-Kelma ta’ Alla jimmatura doċilità pronta għall-ħidma tiegħu fina (ara Ġak 1:21) li biha ħajjitna ssir għammiela. Jekk dan diġà jhennina, kemm hi ikbar is-sejħa li nkunu “ħaddiema ma’ Alla” (1 Kor 3:9), billi nagħmlu użu tajjeb mill-preżent (ara Efes 5:16) biex aħna wkoll niżirgħu billi nagħmlu l-ġid! Din is-sejħa biex niżirgħu t-tajjeb ma għandniex narawha bħala piż, imma bħala grazzja li biha l-Ħallieq iridna magħquda b’mod ħaj mal-ġenerożità għammiela tiegħu.

 

U l-ħsad? Forsi ż-żrigħ kollu mhuwiex fid-dawl tal-ħsad? Bla dubju. Ir-rabta stretta bejn żrigħ u ħsad San Pawl stess jisħaq fuqha, meta jgħid: “Min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna” (2 Kor 9:6). Imma xi ħsad hu dan? L-ewwel frott tal-ġid miżrugħ għandna fina stess u fir-relazzjonijiet tagħna ta’ kuljum, imqar fl-iċken ġesti ta’ tjieba. F’Alla, ebda att ta’ mħabba, hu kemm hu żgħir, u l-ebda “taħbit ġeneruż” ma huma mitlufa (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 279). Bħalma s-siġra tingħaraf mill-frott tagħha (ara Mt 7:16,20), hekk il-ħajja mimlija b’opri tajba hi kollha dawl (ara Mt 5:14-16) u xxerred il-fwieħa ta’ Kristu fid-dinja (ara 2 Kor 2:15). Meta, ħielsa mid-dnub, naqdu lil Alla, dan ikattar fina frott ta’ qdusija għas-salvazzjoni ta’ kulħadd (ara Rum 6:22).

 

Fir-realtà, nistgħu naraw biss parti żgħira mill-frott ta’ dak li niżirgħu ladarba, skont il-proverbju evanġeliku, “wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad” (Ġw 4:37). Sewwasew meta niżirgħu għall-ġid tal-oħrajn inkunu nieħdu sehem fil-ġenerożità ta’ Alla: “Hi ħaġa nobbli u għolja li nkunu kapaċi ntellqu proċessi li l-frott tagħhom se jinġabar minn oħrajn, bit-tama tagħna tistrieħ fuq il-qawwa moħbija tat-tajjeb li nkunu żrajna” (Enċiklika Fratelli tutti, 196). Meta niżirgħu l-ġid għall-oħrajn, dan jeħlisna mil-loġika dejqa tal-gwadann personali u jagħti lill-għemil tagħna n-nifs wiesa’ tal-gratwità, u hekk jiftaħna għax-xefaq tal-għaġeb tal-pjanijiet kollhom tjieba ta’ Alla għalina.

 

Il-Kelma ta’ Alla twessa’ u tgħolli iżjed il-ħarsa tagħna: tħabbrilna li l-iktar ħsad veru hu dak eskatoloġiku, dak tal-aħħar jum, tal-jum li fuqu x-xemx ma tgħib qatt. Il-frott imwettaq ta’ ħajjitna u tal-azzjonijiet tagħna hu l-“frott għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:36), li sa jkun it-“teżor fis-smewwiet” (Lq 12:33; 18:22) tagħna. Ġesù nnifsu jinqeda bix-xbieha taż-żerriegħa li taqa’ fl-art, tmut u tagħmel il-frott biex jesprimi l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu (ara Ġw 12:24); u San Pawl jerġa’ jaqbadha biex jitkellem fuq il-qawmien ta’ ġisimna: “Jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx; jinżera’ fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżera’ fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; jinżera’ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali; jekk hemm ġisem naturali hemm ukoll ġisem spiritwali” (1 Kor 15:42-44). Din it-tama hija d-dawl il-kbir li Kristu Rxoxt iġib fid-dinja: “Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu” (1 Kor 15:19-20), biex dawk li huma f’għaqda sħiħa miegħu fl-imħabba, “f’mewt tixbah lil tiegħu” (Rum 6:5), jiġu magħquda wkoll mal-qawmien tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 5:29). “Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom” (Mt 13:43).

 

2. “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid”

Il-qawmien ta’ Kristu jseddaq it-tamiet ta’ din l-art bit-“tama l-kbira” tal-ħajja ta’ dejjem u jixħet diġà fiż-żmien ta’ issa ż-żerriegħa tas-salvazzjoni (ara Benedittu XVI, Enċiklika Spe salvi, 3; 7). Quddiem id-delużjoni iebsa għal tant ħolm li ġie fix-xejn, quddiem it-tħassib għall-isfidi li jinqalgħu, quddiem il-qtigħ il-qalb minħabba l-faqar tal-mezzi tagħna, it-tentazzjoni tkun li ningħalqu fl-egoiżmu individwalistiku tagħna u nistkennu fl-indifferenza għat-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Effettivament, anki l-aqwa riżorsi huma limitati: “Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel” (Iż 40:30). Imma Alla “jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. […] Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu” (Iż 40:29,31). Ir-Randan isejħilna biex inqiegħdu l-fidi u t-tama tagħna fil-Mulej (ara 1 Piet 1:21), għax hu biss bil-ħarsa tagħna msammra fuq Ġesù Kristu rxoxt (ara Lhud 12:2) li nistgħu nilqgħu l-eżortazzjoni tal-Appostlu: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid” (Gal 6:9).

 

Ma negħjewx nitolbu. Ġesù għallimna li hu meħtieġ li nitolbu dejjem, bla ma naqtgħu (ara Lq 18:1). Għandna bżonn nitolbu għax għandna bżonn ta’ Alla. Meta naħsbu li aħna biżżejjed għalina nfusna, din tkun illużjoni perikoluża. Jekk il-pandemija għenitna mmissu b’idejna d-dgħufija personali u soċjali tagħna, dan ir-Randan qed jippermettilna nduqu l-faraġ tal-fidi f’Alla, li mingħajru ma nistgħux inżommu fis-sod (ara Iż 7:9). Ħadd ma jsalva waħdu, għax aħna lkoll fuq l-istess dgħajsa qalb it-tempesti tal-istorja;[2] imma fuq kollox ħadd ma jsalva mingħajr Alla, għax il-misteru tal-Għid ta’ Ġesù Kristu biss jagħti r-rebħa fuq l-ilmijiet mudlama tal-mewt. Il-fidi ma tevitalniex it-tiġrib tal-ħajja, imma tgħinna ngħaddu minnhom magħqudin ma’ Alla fi Kristu, bit-tama kbira li ma tqarraqx u li r-rahan tagħha hi l-imħabba li Alla sawwab fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rum 5:1-5).

 

Ma negħjewx neqirdu l-ħażen ta’ ħajjitna. Is-sawm tal-ġisem li għalih isejħilna r-Randan isaħħaħ l-ispirtu tagħna għat-taqbida kontra d-dnub. Ma negħjewx nitolbu maħfra fis-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni, għax nafu li Alla ma jegħja qatt jaħfer.[3] Ma negħjewx niġġieldu kontra l-konkupixxenza, dik id-dgħufija li timbuttana għall-egoiżmu u għal kull ħażen, u li mal-medda tas-sekli sabet bosta toroq li bihom waqqgħet lill-bniedem fid-dnub (ara Enċiklika Fratelli tutti, 166). Waħda minn dawn it-toroq hija r-riskju ta’ dipendenza fuq il-midja diġitali, li tfaqqar ir-relazzjonijiet umani. Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex nieqfu kontra dawn il-perikli u biex minflokhom inrawmu komunikazzjoni umana iżjed integrali (ara ibid., 43) magħmula minn “laqgħat veri” (ibid., 50), wiċċ imb wiċċ.

 

Ma negħjewx nagħmlu l-ġid fil-karità ħabrieka mal-proxxmu. Matul dan ir-Randan, ejjew nipprattikaw il-karità billi nagħtu bil-ferħ (ara 2 Kor 9:7). Alla “li, lil min jiżra’ jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel” (2 Kor 9:10), jipprovdi għal kull wieħed u waħda minna mhux biss biex ikollna biex nitrejqu, imma biex nistgħu nkunu ġenerużi f’li nagħmlu l-ġid lill-oħrajn. Jekk hu minnu li l-ħajja tagħna hi żmien biex niżirgħu l-ġid, ejjew napprofittaw b’mod partikulari minn dan ir-Randan biex nieħdu ħsieb ta’ min hu qrib tagħna, biex insiru proxxmu għal dawk ħutna li huma midruba tul it-triq tal-ħajja (ara Lq 10:25-37). Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex infittxu, u mhux nevitaw, lil min hu fil-bżonn; biex inkellmu, u mhux ninjoraw, lil min jixtieq min jisimgħu u jgħidlu kelma tajba; biex inżuru, u mhux inwarrbu, lil min qed ibati s-solitudni. Ejjew inqiegħdu fil-prattika s-sejħa biex nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, u nsibu ż-żmien biex inħobbu lill-aktar ċkejknin u li m’għandhomx min jaqbeż għalihom, l-imwarrbin u l-imkasbrin, min hu ddiskriminat u emarġinat (ara Enċiklika Fratelli tutti, 193).

 

3. “Jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu”

Ir-Randan ta’ kull sena jfakkarna li “l-ġid, kif ukoll l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, mhumiex ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem; iridu jibqgħu jinkisbu kuljum” (ibid. 11). Mela ejjew nitolbu lil Alla l-perseveranza kollha sabar tal-bidwi (ara Ġak 5:7) biex ma naqtgħux qalbna f’li nagħmlu l-ġid, pass wara pass. Min jaqa’, ħa jħalli lill-Missier jaqbadlu idu, għax hu dejjem jerfagħna. Min iħossu mitluf, imqarraq mill-ġibdiet tal-ħażen, ħalli ma jdumx ma jerġa’ lura għand Dak li “jaħfer ħafna” (Iż 55:7). F’dan iż-żmien ta’ konverżjoni, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla u fil-komunjoni tal-Knisja, ejjew ma negħjewx niżirgħu l-ġid. Is-sawm iħejji l-art, it-talb isaqqiha, il-karità tagħmilha għammiela. Għandna ċ-ċertezza fil-fidi li “jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu”, u li, bid-don tal-perseveranza, niksbu l-ġid imwiegħed (ara Lhud 10:36) għas-salvazzjoni tagħna u tal-oħrajn (ara 1 Tim 4:16). Jekk nipprattikaw l-imħabba tal-aħwa lejn kulħadd inkunu magħqudin ma’ Kristu, li ta ħajtu għalina (ara 2 Kor 5:14-15) u niggustaw minn qabel il-ferħ tas-Saltna tas-smewwiet, meta Alla għad ikun “kollox f’kulħadd” (1 Kor 15:28).

 

Il-Verġni Marija, li minn ġufha warrad il-Feddej u li kollox ħarset billi “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2:19), tiksbilna d-don tas-sabar u tkun qrib tagħna bil-preżenza materna tagħha, biex dan iż-żmien ta’ konverżjoni jġib il-frott ta’ salvazzjoni eterna.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 11 ta’ Novembru 2021, Tifkira ta’ San Martin, Isqof.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Santu Wistin, Serm. 243, 9,8; 270, 3; En. in Ps. 110, 1.

[2] Ara Mument straordinarju ta’ talb fi żmien l-epidemija (27 ta’ Marzu 2020).

[3] Ara Angelus tas-17 ta’ Marzu 2013.