Laikos

 

Messaġġ tal‑Papa Franġisku fl‑okkażjoni tal‑Jum Internazzjonali tal‑Persuni b'Diżabilità 2022

 

Għeżież ħuti!

Kif jgħid l‑Appostlu Pawlu, kollha kemm aħna nżommu t‑teżor tal‑ħajja f’ġarrar tal‑fuħħar. (Ara 2 Kor. 4:7) IlJum Internazzjonali tal‑Persuni b’Diżabilità jistedinna nagħrfu li l‑fraġilità tagħna bl‑ebda mod ma toskura, “id‑dawl tal‑Vanġelu tal‑glorja ta’ Kristu”, iżda minflok tiżvela li, “il‑qawwa straordinarja tagħha tappartjeni lil Alla u ma tiġix minna.” (2 Kor 4:4,7) Kull wieħed u waħda minna, apparti minn xi mertu jew distinzjoni, rċevejna l‑Vanġelu kollu kemm hu, u ma’ dan, l‑impenn ferrieħi li nipproklamawh. “Kollha kemm aħna msejħa biex noffru lill‑oħrajn xhieda vera tal‑imħabba ta’ Alla li ssalva, li minkejja l‑imperfezzjonjiet tagħna joffrilna l‑viċinanza, il‑kelma u s‑saħħa tiegħu, li jagħtu tifsira lil ħajjitna.” (Evangelii Gaudium, 121) Li naqsmu l‑Vanġelu mal‑oħrajn, fil‑fatt, mhuwiex dover afdat biss lil xi wħud, imma ħtieġa assoluta għal dawk kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù u jgawdu l‑ħbiberija tiegħu.[i] 

Il‑fiduċja f’Alla, l‑esperjenza tal‑imħabba tenera u l‑konfort tal‑ħbiberija tiegħu, mhumiex il‑privileġġ tal‑ftit jew il‑prerogattiva ta’ dawk biss li rċevew formazzjoni sħiħa u fit‑tul. Pjuttost, il‑ħniena tiegħu tiġi manifestata b’mod partikolari lil dawk li, minflok li jafdaw fihom infushom, iħossu s‑sejħa li jagħtu lilhom infushom lill‑Mulej u jidentifikaw ruħhom ma’ ħuthom.

 

Dan iġib miegħu għerf, li jkabbar bil-mod il-mod, l-għarfien tal‑limiti tagħna u jħallina napprezzaw dejjem aktar l-għażla mimlija mħabba ta’ Alla li jgħinna fid‑dgħufija tagħna. Għarfien li jilliberana mis‑swied ta’ qalb – anke għal raġunijiet tajba – u jiftħilna qalbna għat-tifħir. Il‑ferħ li jiddi minn dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù u jafdaw ħajjithom fih mhuwiex xi illuzjoni jew nuqqas ta’ esperjenza; hija l‑qawwa tal‑qawmien tiegħu mill‑mewt li tolqot ħajjiet  mimlija fraġilità.

Verament, nistgħu nitkellmu dwar maġisteru ta’ fraġilità li, jekk jingħata widen, jagħmel is‑soċjetà aktar umana u fraterna, li tgħinna nifhmu li l‑kuntentizza hija ħobż li ma jistax jittiekel waħdu. Kemm  jista’ għarfien aktar tal‑ħtieġa li ngħinu lil xulxin jgħinna biex ikollna relazzjonijiet inqas ostili ma’ dawk ta’ madwarna! U kemm tista’ r‑realizzazzjoni li popli sħaħ ma jistgħux isalvaw lilhom infushom, tqanqalna biex insibu soluzzjonijiet għall‑konflitti bla sens li qed nesperjenzaw!

F’dan il‑Jum, rridu nżommu f’moħħna t‑tbatijiet ta’ dawk in‑nisa u l‑irġiel kollha b’diżabiltà li jgħixu ġo nofs gwerra, jew li ġarrbu diżabilità bħala riżultat ta’ kunflitti armati. Kemm nies – fl‑Ukrajna jew f’positijiet oħra fejn hemm gwerra – jibqgħu priġunieri ta’ ġlied kontinwu, u m’għandhomx lanqas il-possibiltà li jaħarbu? Jeħtieġ jingħataw attenzjoni speċjali u l‑aċċess għal għajnuna umanitarja għandu jiġi iffaċilitat b’kull mezz possibbli.

Dan il‑maġisterju ta’ fraġilità huwa kariżma li permezz tiegħu intom – għeżież ħuti b’diżabilità – tistgħu tarikkixxu l‑Knisja. Il‑preżenza tagħkom, “tista’ tgħin tbiddel ir-realtajiet li ngħixu fihom, u tagħmilhom aktar umani u aktar akkoljenti. Mingħajr vulnerabilità, mingħajr limiti, mingħajr ostakli li jeħtieġ nirbħu, ma jkun hemm l‑ebda umanità vera.”[ii] Għal din ir‑raġuni, għandi pjaċir inħabbar li l‑vjaġġ sinodali qed jurina li hu okkażjoni tajba biex fl‑aħħar nisimgħu il‑vuċijiet tagħkom  u li eku ta’ din il‑parteċipazzjoni jista’ jinstab fid‑dokument preparatorju għall-istadju kontinentali tas‑Sinodu.

Hemm naqraw li, “Rapporti numerużi juru n‑nuqqas ta’ strutturi adekwati u modi ta’ kif nakkumpanjaw persuni b’diżabiltà u jsejħu għal modi ġodda ta’ kif nilqgħu l‑kontribuzzjoni tagħhom  u nippromovu l-parteċipazzjoni: minkejja t‑tagħlim tagħha, il‑Knisja tinsab fil‑periklu li timita dak li s‑soċjetà tagħmel biex twarrabhom fil-ġenb. Il‑forom ta’ diskriminazzjoni elenkati – in-nuqqas ta’ smigħ għal dak li jgħidu, il‑ksur tad‑dritt li jagħżlu fejn u ma’ min joqogħdu, iċ‑ċaħda tas‑sagramenti, l‑akkuża tas-saħta, l-abbuż – u oħrajn, jiddeskrivu l‑kultura tal-iskart fil-konfront tal-persuni b’diżabiltà. Dawn ma jitwildux  b’kumbinazzjoni imma għandhom l‑istess għeruq: l‑idea li l‑ħajjiet ta’ persuni b’diżabiltà jiswew inqas minn oħrajn.[iii]

Fuq kollox, is‑Sinodu, bl‑istedina tiegħu biex nimxu flimkien u li nisimgħu lil xulxin, jista’ jgħinna nifhmu kif fil‑Knisja – anke fejn jidħlu persuni b’diżabiltà – ma teżistix l-aħna u huma, imma aħna biss, b’Ġesù Kristu fiċ‑ċentru, fejn kull persuna ġġib id‑doni u l‑limitazzjonijiet tagħha. Dan l‑għarfien, ibbażat fuq il‑fatt li aħna lkoll parti mill‑istess umanità vulnerabbli mifdija u mqaddsa minn Kristu, telimina distinzjonijiet arbitrarji u tiftaħ il‑bieb għall‑parteċipazzjoni ta’ kull membru mgħammed fil‑ħajja tal‑Knisja. U mhux hekk biss, f’dawk il‑postijiet fejn is‑Sinodu kien tassew inklussiv, tawna l‑opportunità li nneħħu preġudizzji profondi. Il-lagħat u l-fraternità jkissru l‑ħitan u jirbħu d-diskriminazzjoni; u għalhekk jien nittama li kull komunità Nisranija tkun miftuħa għall‑preżenza ta’ dawn ħutna b’diżabiltà u li tiżgura li dejjem jiġu milqugħa u inklużi kompletament.

 

Nibdew nirrealizzaw li aħna neżistu bħala aħna u mhux huma, meta d-diżabilità, sew jekk hi temporanja sew jekk hi riżultat tal‑proċess naturali tax‑xjuħija, taffetwa lilna nfusna jew xi ħadd qarib tagħna. Imbagħad nibdew inħarsu lejn ir‑realtà b’lentijiet ġodda u naraw il‑ħtieġa li nwaqqgħu il‑barrieri li għall‑ewwel dehru insinifikanti, Xejn, madankollu, ma jnaqqas it‑twemmin tagħna li l‑ebda diżabilità – temporanja, akkwistata jew permanenti – ma tista’ tbiddel il‑fatt li aħna wlied tal‑istess Missier u ngawdu l‑istess dinjità. Il‑Mulej iħobbna lkoll bl‑istess tenerezza, imħabba paterna  u inkondizzjonata.   

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom għall‑inizjattivi li qed isiru f’dan il‑Jum Internazzjonali tal‑Persuni b’Diżabiltà u jien nakkompanjahom bit‑talb tiegħi. Inberikkom ilkoll minn qalbi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.

 

Franġisku

Ruma, San Giovanni Lateran, it-3 ta’ Diċembru 2022

 

 


 

[i]  Messaġġ għall‑Jum Internazzjonali tal‑Persuni b’Diżabilità, 20 ta’ Novembru 2021.

[ii]  Il-Knisja hi darna.  Sinteżi tal-konsultazzjoni Sinodali speajali għall-persuni b’diżabilità mid-Dekasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja. nr. 2: Ara s-sit tad-Dekasteru Lajċi, il-Familja u l-Ħajja..

[iii] Il-Working Document tal-fażi Kontinentali tas-Sinodu fuq is-Sinodalità. 36.