Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAT-II JUM DINJI TAN-NANNIET U TAL-ANZJANI

24 ta’ Lulju 2022

 

“Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu” (Salm 92:15)

 

Għażiża, għażiż!

 

Il-vers tas-Salm 92 “sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu” (v. 15) hu aħbar tajba, “vanġelu” fil-veru sens tal-kelma, li fl-okkażjoni tat-tieni Jum Dinji tan-Nanniet u tal-Anzjani nistgħu nħabbru lid-dinja. Dan imur kontra l-kurrent meta mqabbel ma’ dak li d-dinja taħseb dwar din l-età tal-ħajja; u anki mal-atteġġjament irrassenjat ta’ xi wħud minna l-anzjani, li jkomplu mexjin bi ftit li xejn tama u mingħajr ma jistennew xejn iżjed mill-futur.

 

Ħafna tbeżżagħhom ix-xjuħija. Iqisuha bħal xi xorta ta’ marda li magħha aħjar tevita kull kuntatt: ix-xjuħ ma jinteressawniex – jaħsbu dawn – u aħjar joqogħdu kemm jista’ jkun ’il bogħod, forsi flimkien bejniethom, fi strutturi li jieħdu ħsiebhom u jeħilsuna milli nitgħabbew bit-taħbit tagħhom. Din hija l-“kultura tal-iskart”: dik il-mentalità li, waqt li ġġagħalhom iħossuhom differenti mill-iżjed dgħajfa u barranin għad-dgħufija tagħhom, tawtorizzahom jimmaġinaw mixjiet separati bejn “aħna” u “huma”. Imma, fir-realtà, ħajja twila – hekk tgħallimna l-Iskrittura – hija barka, u x-xjuħ mhumiex l-imwarrba li minnhom għandek titbiegħed, imma sinjali ħajja tat-tjieba ta’ Alla li jsawwab il-ħajja tiegħu bil-kotra. Imbierka d-dar li tieħu ħsieb ta’ anzjan! Imbierka l-familja li tweġġaħ in-nanniet tagħha!

 

Fil-fatt, ix-xjuħija hija staġun xejn faċli biex tifhmu, imqar għalina li diġà qed ngħixuha. Minkejja li tasal wara mixja twila, ħadd ma ppreparana naffrontawha, kważi taqbadna fuq sieq waħda. Is-soċjetajiet l-iżjed żviluppati jonfqu ħafna għal din l-età tal-ħajja, imma ma jgħinuniex ninterpretawha: joffru pjanijiet ta’ għajnuna, imma mhux proġetti ta’ ħajja.[1] Għalhekk diffiċli tħares lejn il-futur u tifhem dak ix-xefaq li lejh miexi. Minn naħa aħna ttentati neżorċizzaw ix-xjuħija billi naħbu t-tikmix u nagħmlu tabirruħna li bqajna dejjem żgħażagħ, u mill-oħra donna ma nistgħu nagħmlu xejn iżjed ħlief li ngħixu mdejqin, irrassenjati li m’għadx fadlilna “frott x’nagħtu”.

 

It-tmiem tal-impjieg tax-xogħol u l-ulied li issa saru awtonomi jnaqqsulna mill-motivazzjonijiet li fuqhom investejna ħafna mill-enerġija tagħna. L-għarfien li s-saħħa qed tħallina jew ta’ xi marda li titfaċċa jistgħu jdaħħlu fi kriżi ċ-ċertezzi tagħna. Id-dinja – biż-żminijiet mgħaġġla tagħha, li nsibuha bi tqila nżommu l-pass tagħna magħhom – donnha mhix tħallilna alternattivi oħra u twassalna biex ninterjorizzaw l-idea tal-iskart. Hekk togħla lejn is-sema t-talba tas-salm: “Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti” (71:9).

 

Imma l-istess salm – li jilmaħ il-preżenza tal-Mulej fid-diversi staġuni tal-ħajja – jistedinna nkomplu nittamaw: meta jaslu x-xjuħija u x-xagħar abjad, Hu jkompli jagħtina l-ħajja u ma jħallix il-ħażen jgħaffiġna. Jekk nafdaw fih, insibu s-saħħa biex inkattru t-tifħir tagħna (ara vv. 14-20) u niskopru li x-xjuħija mhix biss il-ġisem li b’mod naturali sejjer lura jew iż-żmien għaddej li ma nistgħux naħarbu, imma hija d-don ta’ ħajja twila. Li nixjieħu mhix xi kundanna, imma barka!

 

Għalhekk, jeħtieġ ngħassu fuqna nfusna u nitgħallmu ngħixu xjuħija attiva anki mill-perspettiva spiritwali, nieħdu ħsieb tal-ħajja interjuri tagħna permezz tal-qari assidwu tal-Kelma ta’ Alla, it-talb ta’ kuljum, il-frekwenza tas-Sagramenti u s-sehem fil-Liturġija. U, flimkien mar-relazzjoni ma’ Alla, ir-relazzjonijiet mal-oħrajn: qabelxejn il-familja, l-ulied, in-neputijiet, billi lilhom noffru mħabbitna mimlija għożża; kif ukoll il-persuni foqra u li qed ibatu, billi għalihom inkunu proxxmu bl-għajnuna konkreta u bit-talb. Dan kollu jgħinna ma nħossuniex biss spettaturi fit-teatru tad-dinja, biex ma nillimitawx ruħna li noqogħdu nħarsu mill-gallarija jew minn wara t-tieqa. Jekk aħna nirfinaw is-sensi tagħna biex nagħrfu l-preżenza tal-Mulej,[2] inkunu bħal “siġar taż-żebbuġ iħaddar fid-dar ta’ Alla” (ara Salm 52:10), inkunu nistgħu nsiru barka għal min jgħix qrib tagħna.

 

Ix-xjuħija mhijiex żmien bla siwi li fih nintefgħu ma’ ġenb u nixħtu l-imqadef fid-dgħajsa, imma staġun li fih nerġgħu nagħmlu l-frott: hemm missjoni ġdida tistenniena u tistedinna nħarsu lejn il-futur. “Is-sensibbiltà speċjali tagħna x-xjuħ, tal-età anzjana, għall-attenzjoni, il-ħsibijiet u s-sentimenti li jagħmluna umani, għandha ssir mill-ġdid vokazzjoni ta’ ħafna. U tkun għażla ta’ mħabba tal-anzjani lejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda”.[3] Dan huwa s-sehem tagħna b’risq ir-rivoluzzjoni tal-ħlewwa,[4] rivoluzzjoni spiritwali u bla armi li nistedinkom, għeżież nanniet u anzjani, issiru protagonisti tagħha.

 

Id-dinja għaddejja minn żmien ta’ prova iebsa, immarkata l-ewwel mit-tempesta mhux mistennija u furjuża tal-pandemija, imbagħad minn gwerra li qed tfieri l-paċi u l-iżvilupp fuq livell dinji. Mhix kumbinazzjoni li l-gwerra reġgħet lura fl-Ewropa fi żmien li fih il-ġenerazzjoni li għexitha fis-seklu li għadda qiegħda tgħib. U dawn il-kriżijiet kbar jirriskjaw li jagħmluna insensibbli għall-fatt li hemm “epidemiji” oħra u xejriet oħra mifruxa ta’ vjolenza li qed jheddu l-familja umana u d-dar komuni tagħna.

 

Quddiem dan kollu, għandna bżonn ta’ bidla profonda, ta’ konverżjoni, li żżarma l-qlub, biex kull wieħed u waħda jista’ jagħraf li l-ieħor huwa ħuh. U aħna, nanniet u anzjani, għandna responsabbiltà kbira: li ngħallmu lin-nisa u lill-irġiel ta’ żmienna kif iħarsu lejn l-oħrajn bl-istess ħarsa sħiħa u ħelwa li biha nħarsu lejn in-neputijiet. L-umanità tagħna aħna rfinajnieha biex nieħdu ħsieb tal-proxxmu u llum nistgħu nqisu ruħna mgħallmin ta’ mod kif wieħd jgħix fil-paċi u jkun attent għall-iżjed dgħajfa. Din tagħna, forsi hemm min jista’ jaħsibha dgħufija jew passività, imma huma dawk ta’ qalbhom ħelwa u umli, u mhux il-vjolenti u dawk li jabbużaw mill-poter, li jirtu l-art (ara Mt 5:5).

 

Waħda mill-frott li aħna msejħin inwasslu hi dik li nħarsu d-dinja. “Kollha għaddejna minn ħoġor in-nanniet, li żammewna f’dirgħajhom”;[5] imma llum huwa ż-żmien li nżommu f’ħoġorna – bl-għajnuna konkreta jew imqar biss bit-talb –, flimkien ma’ tagħna, dawk il-ħafna neputijiet imwerwra li għadna ma sirniex nafuhom jew li forsi qed jaħarbu mill-gwerra jew ibatu minħabba fiha. Inħarsu fil-qalb tagħna – kif kien jagħmel San Ġużepp, missier ħelu u attent – iċ-ċkejknin tal-Ukrajna, tal-Afganistan, tas-Sudan ta’ Isfel…

 

Ħafna minna mmaturaw għarfien għaref u umli, li d-dinja tant għandha bżonnu: waħidna ma nsalvawx, il-ferħ huwa ħobż li nikluh flimkien. Ejjew nagħtu xhieda ta’ dan quddiem dawk li jqarrqu bihom infushom li sa jirrealizzaw ruħhom u jsibu suċċess billi jeħduha kontra l-oħrajn. Ilkoll, anki dawk l-iżjed dgħajfa, jistgħu jagħmlu dan: anki meta aħna nħallu lil min jieħdu ħsiebna – spiss persuni ġejjin minn pajjiżi oħra – dan huwa mod kif ngħidu li l-ħajja flimkien mhux biss hi possibbli, imma meħtieġa.

 

Għeżież nanniet, għeżież anzjani, f’din id-dinja tagħna aħna msejħin inkunu dawk li jġibu rivoluzzjoni tal-ħlewwa! Ejjew nagħmluh dan, nitgħallmu nużaw dejjem iżjed u dejjem aħjar l-istrument l-iżjed prezzjuż li għandna f’idejna, u li hu l-iżjed xieraq għall-età tagħna: dak tat-talb. “Insiru aħna wkoll xi ftit poeti tat-talb: nieħdu gost nagħżlu l-kliem tagħna, nagħmlu tagħna dak li tgħallimna l-Kelma ta’ Alla”.[6] L-invokazzjoni fiduċjuża tagħna tista’ tagħmel ħafna: tista’ ssieħeb il-karba ta’ wġigħ ta’ min qed ibati u tista’ tgħin biex jinbidlu l-qlub. Nistgħu nkunu l-“‘kor’ permanenti ta’ santwarju spiritwali kbir, fejn it-talb ta’ supplika u l-għana ta’ tifħir iwieżnu l-komunità li taħdem u tissielet fl-għalqa tal-ħajja”.[7]

 

Mela l-Jum Dinji tan-Nanniet u tal-Anzjani huwa okkażjoni biex ngħidu mill-ġdid, bil-ferħ, li l-Knisja trid tagħmel festa flimkien lil dawk li l-Mulej – kif tgħid il-Bibbja – “xabba’ bil-jiem”. Niċċelebrawha flimkien! Nistedinkom tħabbru dan il-Jum fil-parroċċi u komunitajiet tagħkom; tmorru ssibu l-anzjani l-aktar waħidhom, id-dar jew fir-residenzi fejn qegħdin joqogħdu. Nagħmlu mezz li ħadd ma jqatta’ dan il-jum waħdu. Li jkollu xi ħadd lil min jistenna jista’ jibdel l-orjentament tal-jiem ta’ min ma għadu jistenna xejn tajjeb mill-ġejjieni; u mill-ewwel laqgħa tista’ tinbet ħbiberija ġdida. Iż-żjara lill-anzjani waħidhom hija opra ta’ ħniena fi żmienna!

 

Nitolbu lill-Madonna, Omm tal-Ħlewwa, biex tagħmel minna lkoll artiġjani tar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa, biex flimkien neħilsu lid-dinja mid-dell tas-solitudni u mid-demonju tal-gwerra.

 

Lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom nagħti l-Barka tiegħi, u niżgurakom mill-qrubija tiegħi. U intom, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija!

 

Ruma, San Ġwann Laterna, 3 ta’ Mejju, Festa tal-Appostli San Filippu u San Ġakbu

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 1. Il-grazzja taż-żmien u l-patt bejn l-etajiet tal-ħajja (23 ta’ Frar 2022).

[2] Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 5. Il-fedeltà għaż-żjara ta’ Alla għall-ġenerazzjoni li ġejja (30 ta’ Marzu 2022).

[3] Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 3. L-anzjanità, riżorsa għaż-żgħożija ta’ ħajja mtajra (16 ta’ Marzu 2022).

[4] Katekeżi fuq San Ġużepp – 8. San Ġużepp, missier fil-ħlewwa (19 ta’ Jannar 2022).

[5] Omelija fil-Quddiesa għall-1 Jum Dinji tan-Nanniet u tal-Anzjani (25 ta’ Lulju 2021).

[6] Katekeżi fuq il-Familja – 7. In-nanniet (11 ta’ Marzu 2015).

[7] Ibid.