MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU

GĦAD-XXIX JUM DINJI TAL-MORDA

 

“L-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8).

Ir-relazzjoni ta’ fiduċja hija l-bażi tal-kura tal-morda.

 

Għeżież ħuti,

 

Iċ-ċelebrazzjoni tad-XXIX Jum Dinji tal-Morda, li jaħbat fil-11 ta’ Frar, Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija ta’ Lourdes, huwa mument f’waqtu biex niddedikaw attenzjoni speċjali lill-persuni morda u lil dawk kollha li jakkumpanjawhom, kemm fil-postijiet li huma apposta għall-kura tagħhom u kemm fil-familji u fil-komunità. Il-ħsieb imur b’mod partikolari għal dawk kolha li fid-dinja kollha qegħdin ibatu mill-effetti tal-pandemija tal-Coronavirus. Lil kulħadd, speċjalment lill-aktar foqra u emarġinati, nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi, u niżgurahom miż-żelu u l-affett tal-Knisja.

 

1. Is-suġġett ta’ dan il-Jum huwa ispirat mill-vers evanġeliku li fih Ġesù jikkritika l-ipokrezija ta’ dawk li jgħidu iżda mbagħad ma jagħmlux (ara Mt 23:2-12). Meta wieħed jirriduċi l-fidi għall-ezerċizzju verbali sterili, mingħajr ma jidħol fl-istorja u fil-ħtiġijiet tal-ieħor, allura tiġi nieqsa l-koerenza bejn l-istqarrija tal-fidi u l-ħajja reali. Ir-riskju huwa gravi, għalhekk Ġesù juża espressjoni qawwija, biex inkunu attenti mill-periklu li naqgħu fl-idolatrija tagħna nfusna, u jafferma: “L-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa” (v. 8).

 

Il-kritika li Ġesù jagħmel lil dawk li “kliem biss għandhom, imma fatti xejn” (v. 3) hija ta’ għajnuna għal kulħadd u dejjem, għaliex ħadd ma huwa meħlus mill-ħażen tal-ipokrezija, ħażen gravi ħafna, li l-effetti tiegħu jkunu li jżommna milli niffjorixxu bħala wlied tal-istess Missier, imsejħin biex ngħixu fraternità universali.

 

Quddiem il-kundizzjoni ta’ bżonn tal-aħwa, Ġesù joffri mudell ta’ mġiba għalkollox oppost għall-ipokrezija. Jipproponi li nieqfu, nisimgħu, nibdew relazzjoni diretta u personali mal-ieħor, inħossu empatija u nitħassruh jew nitħassruha, inħallu lilna nfusna nitwaħħdu mat-tbatija tiegħu jew tagħha sakemm naslu biex fil-qadi nieħdu ħsiebu jew ħsiebha (ara Lq 10:30-35).

 

2. L-esperjenza tal-mard iġġagħalna nħossuna vulnerabbli u, fl-istess ħin, inħossu ġo fina l-ħtieġa tal-ieħor. Il-kundizzjoni tagħna ta’ ħlejjaq issir iktar ċara u nesperimentaw b’mod ċar id-dipendenza tagħna minn Alla. Fil-fatt, meta nkunu morda, l-inċertezza, il-biża’, xi kultant anki l-ħasda jidħlu fi qlubna u f’moħħna; insibuna f’sitwazzjoni li fiha ma nistgħu nagħmlu xejn, għaliex saħħitna ma tiddependix mill-kapaċità u mit-“taħbit” tagħna (ara Mt 6:27).

 

Il-marda timponi fuqna mistoqsija dwar is-sens, li fil-fidi ddur lejn Alla: domanda li tfittex tifsira u direzzjoni ġdida għall-eżistenza tagħna, u li xi drabi mhux dejjem insibu tweġiba għaliha mill-ewwel. L-istess ħbieb u qraba tagħna mhux dejjem huma kapaċi jgħinuna f’din it-tfittxija iebsa.

 

F’dan ir-rigward, hija emblematika l-figura ta’ Ġob. Martu u ħbiebu ma jirnexxilhomx jakkumpanjawh fid-diżgrazzja tiegħu, anzi, jakkużawh u jkabbru fih is-solitudni u l-fixla. Ġob jaqa’ fi stat ta’ abbandun u ma jħossux mifhum. Iżda proprju qalb din id-dgħufija estrema, ibiegħed minnu kull ipokrezija u jagħżel it-triq tas-sinċerità lejn Alla u lejn l-oħrajn, u jwassal il-karba insistenti tiegħu lil Alla, li fl-aħħar iwieġbu, u jiftaħlu orizzont ġdid. Jikkonfermalu li t-tbatija li qiegħed iġarrab mhix piena jew kastig, lanqas ma hi stat li fih tbiegħed minn Alla jew sinjal tal-indifferenza tiegħu. Hekk, mill-qalb miġruħa u mfejqa toħroġ dik id-dikjarazzjoni qawwija u mqanqla lejn il-Mulej: “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek” (42:5).

 

3. Il-marda għandha dejjem wiċċ, u mhux wieħed biss: għandha l-wiċċ ta’ kull marid, anki ta’ dawk li jħossuhom li mhux jagħtu kashom u mwarrba, vittmi ta’ inġustizzji soċjali li jiċħdulhom id-drittijiet essenzjali (ara Fratelli tutti, 22). Il-pandemija attwali tellgħet fil-wiċċ ħafna nuqqasijiet fis-sistemi tas-saħħa u nuqqasijiet fl-għajnuna li tingħata lill-persuni morda. Lill-anzjani, lil dawk l-iktar dgħajfin u vulnerabbli, mhux dejjem hija ggarantita l-kura u mhux dejjem hija mogħtija b’mod indaqs. Dan jiddependi mill-għażliet politiċi, mill-mod kif wieħed jamministra r-riżorsi u mill-impenn ta’ dawk li għandhom rwol ta’ responsabbiltà. Li wieħed jinvesti fir-riżorsi tal-kura u fl-għajnuna lil persuni morda hija prijorità marbuta mal-prinċipju li s-saħħa huwa ġid primarju komuni. Fl-istess ħin, il-pandemija poġġiet fid-deher ukoll id-dedikazzjoni u l-ġenerożità ta’ dawk li jaħdmu fis-saħħa, tal-voluntiera, ħaddiema, saċerdoti, religjużi, li bi professjonalità, ċaħda tagħhom infushom, b’sens ta’ responsabbiltà u mħabba lejn il-proxxmu għenu, ħadu ħsieb, farrġu u qdew ħafna morda u l-familjari tagħhom. Armata siekta ta’ rġiel u nisa li għażlu li jħarsu lejn dawn l-uċuħ, u jitgħabbew bil-piż tal-feriti tal-pazjenti, li ħassewhom qrib tagħhom minħabba l-fatt li lkoll jagħmlu parti mill-familja umana.

 

Fil-fatt, li tkun qrib ta’ xi ħadd huwa balzmu prezzjuż, li jsostni u jikkonsla li min ibati fil-mard. Bħala Nsara, ngħixu din il-qrubija bħala espressjoni tal-imħabba ta’ Ġesù Kristu, is-Samaritan it-tajjeb, li b’kompassjoni għamel lilu nnifsu qrib lejn kull bniedem, miġruħ bid-dnub. Magħqudin miegħu għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, aħna msejħin biex inħennu bħall-Missier u biex inħobbu, b’mod partikolari, l-aħwa morda, dgħajfin u li jbatu (ara Ġw 13:34-35). U din il-qrubija ngħixuha mhux biss fuq livell personali iżda wkoll fuq dak komunitarju: fil-fatt l-imħabba tal-aħwa fi Kristu tnissel komunità li kapaċi tfejjaq, li ma tabbanduna lil ħadd, li tinkludi u tilqa’ fuq kollox lil dawk li huma l-iktar dgħajfin.

 

Dwar dan, nixtieq infakkar dwar l-importanza tas-solidarjetà fraterna, li tesprimi ruħha konkretement fil-qadi u tista’ tieħu forom differenti ħafna minn xulxin, ilkoll orjentati biex isostnu lill-proxxmu. “Li taqdi jfisser tieħu ħsieb ta’ dawk li huma dgħajfin fil-familji tagħna, fis-soċjetà tagħna, fil-poplu tagħna” (Omelija f’La Habana, 20 ta’ Settembru 2015). F’dan l-impenn kull wieħed minna, quddiem il-ħarsa ta’ dawk li huma l-iktar fraġli, huwa kapaċi “jwarrab fil-ġenb ħtiġijietu, l-aspettattivi, u x-xewqat ta’ omnipotenza tiegħu. […] Il-qadi jħares dejjem lejn il-wiċċ ta’ ħuh, imiss laħmu, iħoss il-qrubija, f’ċerti każi jasal biex ‘iġarrabha’, u jfittex li jġib ’il quddiem l-aħwa. Għal din ir-raġuni l-qadi ma huwa qatt ideoloġiku, ladarba ma jaqdix ideat, imma persuni” (ibid.).

 

4. Biex ikun hemm terapija tajba, huwa deċiżiv l-aspett ta’ relazzjoni, li permezz tiegħu wieħed jista’ jersaq lejn il-persuna marida b’mod ħolistiku. Li wieħed jivvalorizza dan l-aspett jgħin ukoll lit-tobba, lill-infermiera, lill-professjonisti u l-voluntiera biex jerfgħu t-toqol ta’ dawk li jbatu biex jakkumpanjawhom fit-triq tal-fejqan, grazzi għar-relazzjoni interpersonali ta’ fiduċja (ara d-Dokument Ġdid tal-Ħaddiema tas-Saħħa [2016], 4). Għalhekk jeħtieġ li jiġi mwaqqaf patt bejn dawk li huma fil-bżonn tal-kura u dawk li jikkurawhom; patt imsejjes fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproku, fuq is-sinċerità, fuq id-disponibbiltà, hekk li jintgħeleb kull ħajt tas-saħħa u tinżamm relazzjoni tajba mal-familji tal-pazjent.

 

Proprju din ir-relazzjoni mal-persuna marida ssib għajn bla tarf ta’ motivazzjonijiet u ta’ qawwa fil-karità ta’ Kristu, bħalma turi x-xhieda millenarja ta’ rġiel u nisa li tqaddsu fil-qadi tal-morda. Fil-fatt, mill-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu toħroġ dik l-imħabba li hija kapaċi tagħti sens sħiħ kemm lill-kundizzjoni tal-marid u kemm ta’ dawk li jieħdu ħsiebu. Dan jgħidu ħafna drabi l-Vanġelu, billi juri li l-fejqan imwettaq minn Ġesù ma huwa qatt ġesti maġiċi, iżda dejjem frott ta’ laqgħa, ta’ relazzjoni interpersonali, li fiha mad-don ta’ Alla, offrut minn Ġesù, tikkorrispondi l-fidi ta’ dak li jilqa’ dan id-don, bħalma juru l-kelmiet li Ġesù spiss kien itenni: “Il-fidi tiegħek salvatek”.

 

5. Għeżież ħuti, il-kmandament tal-imħabba, li Ġesù ħalla lid-dixxipli tiegħu, isib it-twettiq konkret tiegħu wkoll fir-relazzjoni mal-morda. Soċjetà hija iktar umana iktar ma tieħu ħsieb tal-membri tagħha dgħajfin u batuti, u tkun taf tagħmlu b’effiċjenza animata mill-imħabba tal-aħwa. Nippruvaw nilħqu dan il-għan u b’xi mod infittxu li ħadd ma jibqa’ waħdu, li ħadd ma jħossu mwarrab u abbandunat.

 

Nafda lill-persuni kollha morda, lill-ħaddiema tas-saħħa u lil dawk kollha li huma impenjati qrib dawk li jbatu, f’idejn Marija, Omm tal-ħniena u Saħħa tal-morda. Mill-Għar ta’ Lourdes u mis-santwarji kollha tagħha mxerrda mad-dinja kollha, hija tħares il-fidi u t-tama tagħna, u tgħinna biex nieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba tal-aħwa. Fuq kulħadd u fuq kull wieħed u waħda minn qalbi nagħti l-barka tiegħi.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 20 ta’ Diċembru 2020, ir-IV Ħadd tal-Avvent.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Mons. Renato Borg