MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-106 JUM DINJI TAL-MIGRANT U TAR-RIFUĠJAT 2020

 [27 ta’ Settembru 2020]

 

Bħal Ġesù Kristu, imġiegħla jaħarbu

Nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw il-persuni spostati internament

 

Fil-bidu ta’ din is-sena, fid-diskors tiegħi lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat fi ħdan is-Santa Sede, fost l-isfidi tad-dinja ta’ żmienna semmejt it-traġedja ta’ dawk li huma spostati internament: “Il-kunflitti u l-emerġenzi umanitarji, li jsiru iżjed gravi minħabba fit-taqlib fil-klima, iżidu fl-għadd ta’ dawk li jkollhom jiċċaqilqu minn djarhom u jirriflettu fuq il-persuni li diġà qegħdin fi stat serju ta’ faqar. Ħafna pajjiżi milquta minn dawn is-sitwazzjonijiet huma neqsin mill-istrutturi meħtieġa biex jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li ġew evakwati” (9 ta’ Jannar 2020).

 

Is-Sezzjoni Migranti u Rifuġjati tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali ppubblikat l-“Orjentamenti Pastorali fuq il-Persuni Spostati Internament” (Belt tal-Vatikan, 5 ta’ Mejju 2020), dokument biex inebbaħ u janima l-azzjonijiet pastorali tal-Knisja f’dan il-qasam partikulari.

 

Kien għalhekk li qtajtha li niddedika dan il-Messaġġ lid-dramma tal-persuni spostati internament, traġedja spiss inviżibbli, li l-kriżi dinjija kkawżata mill-pandemija Covid-19 iktar intensifikat. Fil-fatt, din il-kriżi tant hi qawwija, gravi u mifruxa ġeografikament, li tat dimensjoni ġdida wkoll lil emerġenzi umanitarji oħra li qed jolqtu miljuni ta’ persuni, u poġġiet inizjattivi u għajnuniet internazzjonali, essenzjali u urġenti biex isalvaw il-ħajjiet umani, isfel nett fl-aġendi politiċi nazzjonali. Imma “dan mhuwiex iż-żmien li ninsew. Il-kriżi li qed naffrontaw ma għandhiex tnessina tant emerġenzi oħra li magħhom qed iġibu t-tbatija ta’ tant persuni” (Messaġġ Urbi et Orbi, 12 ta’ April 2020).

 

Fid-dawl tal-ġrajjiet traġiċi li mmarkaw is-sena 2020, nixtieq inwassal dan il-Messaġġ, iddedikat lill-persuni spostati internament, lil dawk kollha li sabu ruħhom jgħixu u għadhom qed jgħixu esperjenzi ta’ prekarjetà, ta’ abbandun, ta’ emarġinazzjoni u ta’ rifjut minħabba fil-Covid-19.

 

Nixtieq nitlaq mill-ikona li nebbħet lill-Papa Piju XII biex jikteb il-Kostituzzjoni appostolika Exsul familia (1 ta’ Awwissu 1952). Fil-ħarba lejn l-Eġittu ċ-ċkejken Ġesù jduq, flimkien mal-ġenituri tiegħu, il-qagħda traġika ta’ wieħed li kellu jħalli daru u rifuġjat “immarkata mill-biża’, mill-inċertezza u mill-inkwiet (ara Mt 2:13-15,19-23). B’xorti ħażina, fi żminijietna, miljuni ta’ familji jistgħu jagħrfu lilhom infushom f’din ir-realtà tan-niket. Kważi kuljum it-televiżjoni u l-gazzetti jagħtu l-aħbarijiet dwar refuġjati li jaħarbu mill-ġuħ, mill-gwerra, minn perikli serji oħra, biex ifittxu l-kenn u ħajja li tixirqilhom għalihom u għall-familji tagħhom” (Angelus, 29 ta’ Diċembru 2013). F’kull wieħed u waħda minnhom hemm preżenti Ġesù, imġiegħel, bħal fi żmien Erodi, jaħrab biex isalva ġildu. Fl-uċuħ tagħhom aħna msejħin nagħrfu l-wiċċ ta’ Kristu bil-ġuħ, bil-għatx, għeri, marid, barrani u fil-ħabs li qed jisfidana (ara Mt 25:31-46). Jekk nagħrfuh, inkunu aħna li nirringrazzjawh li stajna niltaqgħu miegħu, inħobbuh u naqduh.

 

Il-persuni spostati qed joffrulna din l-opportunità ta’ laqgħa mal-Mulej, “imqar jekk għajnejna jbatu biex jarawh: bi lbiesu mqatta’, b’saqajh imġiddma, b’wiċċu mbenġel, b’ġismu pjaga waħda, mhux kapaċi jitkellem il-lingwa tagħna” (Omelija, 15 ta’ Frar 2019). Hija sfida pastorali li għaliha msejħin inwieġbu bl-erba’ verbi li indikajt fil-Messaġġ għal dan l-istess Jum fl-2018: nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw. Magħhom issa rrid inżid sitt pari ta’ verbi li jikkorrispondu għal azzjonijiet konkreti ħafna, marbuta bejniethom f’relazzjoni ta’ kawża-effett.

 

Hemm bżonn nagħrfu biex nifhmu. L-għarfien huwa pass meħtieġ biex wieħed jifhem lill-persuna l-oħra. Dan jgħallimhulna Ġesù nnifsu fl-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws: “Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh” (Lq 24:15-16). Meta nitkellmu dwar migranti u dwar dawk spostati ħafna drabi neħlu man-numri. Imma din mhix kwistjoni ta’ numri, dawn huma persuni! Jekk niltaqgħu magħhom naslu biex insiru nafuhom. U meta nsiru nafu l-istejjer tagħhom jirnexxilna nifhmuhom. Inkunu nistgħu nifhmu, ngħidu aħna, li dik il-qagħda prekarja li aħna doqna b’tant tbatija minħabba l-pandemija hija element kostanti fil-ħajja ta’ dawk li huma spostati.

 

Hemm bżonn nersqu qrib biex naqdu. Donnha ħaġa ovvja, imma spiss ma hix. “Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu” (Lq 10:33-34). Il-beżgħat u l-preġudizzji – tant preġudizzji – iġagħluna nżommu d-distanzi mill-oħrajn u spiss iżommuna milli “nsiru proxxmu” tagħhom u li naqduhom bi mħabba. Li nersqu qrib tal-proxxmu tagħna spiss ifisser ukoll inkunu lesti nirriskjaw, kif għallmuna tant tobba u infermiera f’dawn l-aħħar xhur. Din li nkunu qrib tal-oħrajn biex naqduhom tmur lil hemm mis-sens purament ta’ dmir; l-akbar eżempju ħalliehulna Ġesù meta ħasel ir-riġlejn tad-dixxipli tiegħu: neħħa l-mantar minn fuqu, niżel għarkupptejh u ħammeġ idejh (ara Ġw 13:1-15).

 

Biex nirrikonċiljaw ruħna hemm bżonn nisimgħu. Dan jgħallimhulna Alla nnifsu li, meta bagħat lil Ibnu fid-dinja, ried jagħti widen għall-karba ta’ wġigħ tal-umanità b’widnejn umani: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, […] biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:16). L-imħabba, dik li tirrikonċilja u ssalva, tibda mis-smigħ. Fid-dinja tal-lum kotru l-messaġġi, imma tlifna l-attitudni li nisimgħu. Imma huwa biss permezz ta’ smigħ umli u attent li nistgħu naslu biex nirrikonċiljaw ruħna tassew. Matul l-2020, għal ġimgħat is-skiet saltan fit-toroq tagħna. Skiet drammatiku u inkwetanti, li imma offrielna l-okkażjoni li nisimgħu l-karba ta’ min hu l-iżjed dgħajjef, tal-ispostati u tal-pjaneta tagħna marida gravament. U, waqt li smajna, kellna l-opportunità li nirrikonċiljaw ruħna mal-proxxmu tagħna, ma’ tant persuni mwarrbin, magħna nfusna u ma’ Alla, li qatt ma jegħja joffrilna ħnientu.

 

Biex nikbru hemm bżonn naqsmu mal-oħrajn. L-ewwel komunità Nisranija kellha l-qsim ma’ xulxin bħala wieħed mill-elementi li fuqhom kienet mibnija: “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (Atti 4:32). Alla ma riedx li r-riżorsi tal-pjaneta tagħna jkunu biss għall-benefiċċju tal-ftit. Le, ma riedx hekk il-Mulej! Jeħtieġ nitgħallmu naqsmu ma’ xulxin biex nikbru flimkien, mingħajr ma nħallu lil ħadd barra. Il-pandemija fakkritna kif ilkoll kemm aħna qegħdin fuq l-istess dgħajsa. Meta ntbaħna li għandna l-istess ħwejjeġ iħassbuna u l-istess beżgħat komuni, fhimna mill-ġdid li ħadd ma jsalva waħdu. Biex nikbru tassew jeħtieġ nikbru flimkien, naqsmu ma’ xulxin dak li għandna, bħal dak it-tfajjel li lil Ġesù offrielu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet… U kienu biżżejjed għal ħamest elef ruħ (ara Ġw 6:1-15)!

 

Hemm bżonn ninvolvu biex nippromovu. Fil-fatt hekk għamel Ġesù mal-mara Samaritana (ara Ġw 4:1-30). Il-Mulej resaq lejha, semagħha, kellem lil qalbha, biex imbagħad mexxieha lejn il-verità u bidilha f’ħabbara tal-Bxara t-tajba: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid dan il-Messija?” (v. 29). Xi drabi, il-ħeġġa biex naqdu lill-oħrajn ma tħalliniex naraw l-għana li hemm fihom. Jekk irridu tabilħaqq nippromovu l-persuni li nkunu qed noffrulhom l-għajnuna tagħna, jeħtieġ ninvolvuhom u nagħmluhom protagonisti tal-istess fidwa tagħhom. Il-pandemija fakkritna kemm hi essenzjali l-korresponsabbiltà, li huwa biss bis-sehem ta’ kulħadd – anki ta’ kategoriji spiss sottovalutati – li nistgħu naffrontaw il-kriżi. Jeħtieġ “insibu l-kuraġġ li niftħu spazji fejn kulħadd jista’ jħossu msejjaħ u nħallu jinbtu għamliet ġodda ta’ ospitalità, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà” (Meditazzjoni fi Pjazza San Pietru, 27 ta’ Marzu 2020).

 

Hemm bżonn nikkollaboraw biex nibnu. Dan hu li l-Appostlu Pawlu jirrakkomanda lill-komunità ta’ Korintu: “Nitlobkom, l-aħwa, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda” (1 Kor 1:10). Il-bini tas-Saltna ta’ Alla hu impenn komuni għall-Insara kollha u għalhekk hu meħtieġ nitgħallmu nikkollaboraw, bla ma nħallu terfa’ rasha t-tentazzjoni ta’ għira, tilwim u firdiet. U fil-kuntest attwali ntennu: “Dan mhuwiex iż-żmien tal-egoiżmu, għax l-isfida li qed naffrontaw hi komuni għalina kollha u ma tagħmilx distinzjoni bejn persuni” (Messaġġ Urbi et Orbi, 12 ta’ April 2020). Biex nippreservaw id-dar komuni u nġibuha tixbah dejjem iżjed il-pjan oriġinali ta’ Alla, irridu nħabirku biex niggarantixxu l-koperazzjoni internazzjonali, is-solidarjetà globali u l-impenn lokali, mingħajr ma nħallu barra lil ħadd.

 

Nixtieq nagħlaq b’talba mnebbħa mill-eżempju ta’ San Ġużepp, b’mod partikulari meta kellu jaħrab lejn l-Eġittu biex isalva lill-Bambin.

 

Missier, inti fdajt f’idejn San Ġużepp dak li kellek l-aktar għażiż: Ġesù Bambin u ommu, biex iħarishom mill-perikli u mit-theddid tal-ħżiena.

 

Agħti lilna wkoll li nħossu l-ħarsien u l-għajnuna tiegħu. Hu, li daq it-tbatija ta’ min ikollu jaħrab minħabba l-mibegħda ta’ min għandu s-setgħa, ħa jfarraġ u jipproteġi lil dawk ħutna kollha li, minħabba l-gwerer, il-faqar u l-bżonn, iħallu darhom u arthom biex iterrqu bħala rifuġjati lejn postijiet iżjed fiż-żgur.

 

Għinhom biex, għall-interċessjoni tiegħu, ikollhom il-qawwa li jibqgħu mexjin’ il quddiem, il-faraġ fid-diqa, il-kuraġġ fit-tiġrib.

 

Agħti lil min jilqagħhom xi ftit mill-ħlewwa ta’ dan il-missier ġust u għaref, li ħabb lil Ġesù bħala veru ibnu u wieżen lil Marija tul il-mixja kollha.

 

Hu, li kien jaqla’ ħobżu b’ħidmet idejh, ħa jipprovdi lil dawk li l-ħajja serqitilhom kollox, u jroddilhom id-dinjità ta’ xogħol u s-serenità ta’ saqaf fuq rashom.

 

Dan nitolbuhulek b’Ibnek Ġesù Kristu, li San Ġużepp salva bil-ħarba lejn l-Eġittu, u għall-interċessjoni tal-Verġni Marija, li huwa ħabb bħala raġel fidil tagħha skont ir-rieda tiegħek. Amen.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 13 ta’ Mejju 2020, Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Fatima

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard