Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAD-LIX JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

 

Aqsmu bil-ħlewwa t-tama li għandkom fi qlubkom (ara 1 Piet 3:15-16)

 

Għeżież ħuti!

 

F�dan iż-żmien immarkat mid-diżinformazzjoni u mill-polarizzazzjoni, fejn ftit ċentri tal-poter jikkontrollaw massa ta� informazzjonijiet mingħajr preċedent, indur lejkom bl-għarfien ta� kemm hemm bżonn � illum iżjed minn qatt qabel � tal-ħidma tagħkom ta� ġurnalisti u komunikaturi. Hemm bżonn tal-impenn kuraġġjuż tagħkom biex inqiegħdu fiċ-ċentru tal-komunikazzjoni r-responsabbilt� personali u kollettiva lejn il-proxxmu.

 

Jiena u naħseb fil-Ġublew li qed niċċelebraw din is-sena bħala perjodu ta� grazzja fi żmien daqshekk imqalleb, nixtieq b�dan il-Messaġġ tiegħi nistedinkom tkunu komunikaturi tat-tama, ibda minn tiġdid tax-xogħol tagħkom u tal-missjoni tagħkom skont l-ispirtu tal-Vanġelu.

 

Inżarmaw il-komunikazzjoni

Wisq drabi llum il-komunikazzjoni ma twassalx tama, imma biża� u qtigħ il-qalb, preġudizzju u korla, fanatiżmu u saħansitra mibegħda. Wisq drabi hi tissimplifika r-realt� biex tqanqal reazzjonijiet istintivi; tuża l-kelma bħala xafra; tinqeda saħansitra b�informazzjoni qarrieqa u mgħawġa bħala arti biex twassal messaġġi maħsuba biex jeċċitaw l-erwieħ, biex jipprovokaw, biex ifieru. Tennejt diġ� kemm-il darba l-ħtieġa li �nżarmaw� il-komunikazzjoni, li nsaffuha mill-aggressivit�. Qatt ma jħalli frott tajjeb li nirriduċu r-realt� għal slogan. Ilkoll naraw kif � mit-talk shows televiżivi għall-gwerer verbali fuq il-media soċjali � qed nirriskjaw li nħallu tieħu r-riedni f�idejha l-paradigma tal-kompetizzjoni, tal-kontrappożizzjoni, tar-rieda tal-ħakma u tal-pussess, tal-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika.

 

Hemm ukoll fenomenu ieħor preokkupanti: dak li nistgħu nsejħulu tad-�dispersjoni pprogrammata tal-attenzjoni� permezz tas-sistemi diġitali, li, huma u jgħarbluna skont il-loġika tas-suq, jimmodifikaw il-perċezzjoni tagħna tar-realt�. Jiġri għalhekk li qed nassistu, spiss bla ma nistgħu nagħmlu xejn, għal xorta ta� atomizzazzjoni tal-interessi, u dan jispiċċa biex jhedded il-qafas ta� kif inkunu komunit�, il-ħila li naħdmu flimkien għal ġid komuni, li nisimgħu lil xulxin, li nifhmu r-raġunijiet tal-oħrajn. Allura donnu jidher illi biex nindividwaw �għadu� li kontrih nistgħu nduru verbalment, hu indispensabbli li naffermaw lilna nfusna. U meta l-ieħor isir �għadu�, meta nixħtu dell fuq wiċċu u fuq id-dinjit� tiegħu biex niżżuffjettaw bih u nwaqqgħuh għaċ-ċajt, tonqos ukoll il-possibbilt� li nnisslu t-tama. Kif għallimna Dun Tonino Bello, il-kunflitti kollha �jsibu l-għeruq tagħhom fit-tixjin tal-uċuħ�.[1] Ma nistgħux inċedu għal din il-loġika.

 

Li nittamaw, fil-verit�, mhu xejn faċli. George Bernanos kien jgħid li �jittamaw biss dawk li kellhom il-kuraġġ li jiddispraw minħabba l-illużjonijiet u l-gideb, li fihom kienu jsibu ċertezza u li, imqarrqin, kienu jifxluhom mat-tama. [�] It-tama hi riskju li rridu ngħaddu minnu. Hija r-riskju tar-riskji�.[2] It-tama hija virt� moħbija, determinata u paċenzjuża. Madankollu, għall-Insara, li jittamaw mhijiex għażla li jistgħu ma jagħmlux, imma kundizzjoni li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha. Kif fakkarna Benedittu XVI fl-Enċilika Spe salvi, it-tama mhijiex ottimiżmu passiv, imma, bil-maqlub, virt� �performattiva�, jiġifieri li kapaċi tibdel il-ħajja: �Min jittama, jgħix b�mod differenti; irċieva ħajja ġdida� (n. 2).

 

Nagħtu raġuni bil-ħlewwa għat-tama li hemm fina

Fl-Ewwel Ittra ta� Pietru (3:15-16) nsibu sintesi mill-isbaħ li fiha t-tama narawha f�rabta max-xhieda u mal-komunikazzjoni Nisranija: �Lill-Mulej Kristu qaddsu f�qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett�. Nixtieq nieqaf fuq tliet messaġġi li nistgħu nisiltu minn dawn il-kelmiet.

 

�Lill-Mulej Kristu qaddsu f�qalbkom�: it-tama tal-Insara għandha wiċċ, il-wiċċ ta� Kristu Rxoxt. Il-wegħda tiegħu li sa jibqa� dejjem magħna permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu tippermettilna nittamaw anki kontra kull tama u li nilmħu l-frak tat-tajjeb moħbi anki meta kollox jidher mitluf.

 

It-tieni messaġġ jitlobna nkunu lesti nagħtu raġuni għat-tama li hemm fina. Interessanti ninnotaw li l-Appostlu jistedinna nagħtu raġuni tat-tama �lil kull min jitlobkom�. L-Insara mhumiex qabelxejn dawk li �jitkellmu� fuq Alla, imma dawk li jirriflettu l-ġmiel ta� mħabbtu, mod ġdid ta� kif ngħixu kull ħaġa. Huwa meta ngħixu l-imħabba li din tqanqal fl-oħrajn il-mistoqsija u tesiġi t-tweġiba: Għaliex tgħixu hekk? Għaliex intom hekk?

 

Fl-espressjoni ta� San Pietru, fl-aħħar nett, insibu t-tielet messaġġ: it-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata �bil-ħlewwa u bir-rispett�. Il-komunikazzjoni tal-Insara � imma jien ngħid anki l-komunikazzjoni b�mod ġenerali � għandha tkun minsuġa mill-ħlewwa, mill-qrubija: l-istil tas-sieħba fit-triq, li jimxu wara l-ikbar Komunikatur ta� kull żmien, Ġes� ta� Nazaret, li matul it-triq iddjaloga maż-żewġ dixxipli ta� Għemmaws u kebbes il-qalb tagħhom bil-mod kif interpreta l-ġrajjiet fid-dawl tal-Iskrittura.

 

Għalhekk jiena noħlom komunikazzjoni li tagħraf tagħmilna sieħba fit-triq ta� tant ħutna, biex fi żmien hekk imqalleb nerġgħu nkebbsu fihom it-tama. Komunikazzjoni li tkun kapaċi tkellem lill-qalb, mhux reazzjonijiet passjonali ta� għeluq u rabja tqanqal, imma atteġġjamenti ta� ftuħ u ħbiberija; kapaċi tibni fuq il-ġmiel u fuq it-tama anki qalb is-sitwazzjonijiet appartentement iktar iddisprati; li tiġġenera impenn, empatija, interess fl-oħrajn. Komunikazzjoni li tgħinna �nagħrfu d-dinjit� ta� kull bniedem u nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna� (Ittra enċiklika Dilexit nos, 217).

 

Noħlom komunikazzjoni li ma tbigħx illużjonijiet jew biżgħat, imma tkun kapaċi tagħti raġunijiet għat-tama. Martin Luther King qal: �Jekk nista� ngħin lil xi ħadd jiena u miexi �l quddiem, jekk nista� nferraħ lil xi ħadd b�kelma jew kanzunetta� allura ħajti ma nkunx għextha għalxejn�.[3] Biex nagħmlu dan irridu nfiqu mill-�mardiet� tal-protagoniżmu u mill-awtoreferenzjalit�, nevitaw ir-riskju li npaċpċu l-ħin kollu fuqna: il-komunikatur tajjeb jagħmel mod li min qed jisma�, jaqra jew jara, jista� jħossu parteċipi, jista� jħossu qrib, jista� jerġa� jsib l-aħjar parti tiegħu nnifsu u jidħol b�dawn l-atteġġjamenti fl-istejjer irrakkontati. Hekk, meta nikkomunikaw, dan jgħinna nsiru �pellegrini tat-tama�, kif jgħid il-motto tal-Ġublew.

 

Nittamaw flimkien

It-tama dejjem hi proġett komunitarju. Ejjew għal waqt wieħed naħsbu fil-kobor tal-messaġġ ta� din is-sena ta� grazzja: aħna lkoll mistednin � tassew ilkoll! � biex nerġgħu nibdew, biex inħallu lil Alla jerfagħna, biex inħalluh iħaddanna u jfawwarna bil-ħniena tiegħu. F�dan kollu jixxebilku flimkien id-dimensjoni personali u dik komunitarja. Nivvjaġġaw flimkien, nagħmlu l-pellegrinaġġ flimkien ma� tant aħwa, ngħaddu flimkien mill-Bieb Imqaddes.

 

Il-Ġublew għandu ħafna implikazzjonijiet soċjali. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, fil-messaġġ tal-ħniena u t-tama għal min jgħix fil-ħabsijiet, jew fis-sejħa għall-qrubija u għall-ħlewwa ma� min qed ibati jew qiegħed fit-truf.

 

Il-Ġublew ifakkarna li dawk li jaħdmu għall-paċi �jissejħu wlied Alla� (Mt 5:9). U hekk jiftħilna qalbna għat-tama, jurina l-esiġenza ta� komunikazzjoni attenta, umli, riflessiva, li kapaċi turi toroq ta� djalogu. Għalhekk inħeġġiġkom tiskopru u tirrakkontaw il-ħafna stejjer ta� tjieba moħbija qalb it-tinjiet tal-kronaka; timitaw lil dawk li joħorġu jfittxu d-deheb, li jqallbu bla ma jegħjew qalb ir-ramel ifittxu sa l-iċken ċagħka. Kemm hu sabiħ li nsibu din iż-żerriegħa ta� tama u ngħarrfu lill-oħrajn biha. Għin lid-dinja tkun xi ftit inqas truxa għall-karba tal-oħrajn, xi ftit inqas indifferenti, xi ftit inqas magħluqa. Kunu afu dejjem kif tikxfu x-xrariet ta� tajjeb li bihom nistgħu nittamaw. Din il-komunikazzjoni tista� tgħinna ninsġu l-komunjoni, biex inħossuna inqas waħidna, biex niskopru mill-ġdid l-importanza li nimxu flimkien.

 

Tinsewx il-qalb

Għeżież ħuti, quddiem il-kisbiet frenetiċi tat-teknoloġija, nistedinkom tieħdu ħsieb tal-qalb tagħkom, jiġifieri tal-ħajja interjuri tagħkom. Xi jfisser dan? Inħallilkom xi ħjiel.

 

Kunu umli u tinsew qatt il-wiċċ tal-ieħor; kellmu lill-qalb tal-bnedmin li għall-qadi tagħhom qed twettqu l-ħidma tagħkom.

 

Tħallux li r-reazzjonijiet istintivi jiggwidaw il-komunikazzjoni tagħkom. Iżirgħu dejjem it-tama, anki meta hu diffiċli, anki meta dan jiswa prezz, anki meta jidher li mhux jagħmel frott.

 

Fittxu li tħaddmu komunikazzjoni li taf tfejjaq il-ġrieħi tal-umanit� tagħna.

 

Agħtu spazju lill-fiduċja tal-qalb li, bħal fjura dgħajfa imma reżistenti, ma ċċedix għat-tempesti tal-ħajja imma twarrad u tikber fil-postijiet l-iktar impossibbli: fit-tama tal-ommijiet li ta� kuljum jitolbu li għad jerġgħu jaraw lil uliedhom ġejjin lura mit-trunċieri tal-kunflitt; fit-tama tal-missirijiet li jemigraw qalb elf riskju u avventura biex ifittxu futur aħjar; fit-tama tat-tfal li jirnexxilhom jilagħbu, jitbissmu u jemmnu fil-ħajja mqar qalb it-tifrik tal-gwerer u fit-toroq foqra tal-favelas.

 

Kunu xhieda u promuturi ta� komunikazzjoni li mhix ostili, li xxerred kultura tal-kura, tibni pontijiet u tinfed qalb il-ħitan viżibbli u inviżibbli ta� żmienna.

 

Irrakkontaw stejjer mgħaddsa fit-tama, u ħa jkollkom għal qalbkom id-destin komuni tagħna u iktbu flimkien l-istorja tal-futur tagħna.

 

Dan kollu tistgħu u nistgħu nagħmluh bil-grazzja ta� Alla, li l-Ġublew jgħinna nirċievu bil-kortra. Għal dan nitlob u nbierek lil kull wieħed u waħda minnkom u l-ħidma tagħkom.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 24 ta� Jannar 2025, Tifkira ta� San Franġisk ta� Sales.


FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


 

[1] �La pace come ricerca del volto�, f�Omelie e scritti quaresimali, Molfetta 1994, 317.

[2] Georges Bernanos, La libert�, pour quoi faire?, Paris 1995, trad. Tal. �A che serve questa libert��, f�Lo spirito europeo e il mondo delle macchine, Milano 1972, 255-256.

[3] Prietka �The Drum Major Instinct�, 4 ta� Frar 1968.