MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-“COUNTDOWN”,
AVVENIMENT DIĠITALI TED DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA

10 ta’ Ottubru 2020

 

L-għodwa t-tajba!

Qegħdin ngħixu żmien storiku kkareterizzat minn sfidi iebsin. Id-dinja hija mheżża minn kriżi kkawżata mill-pandemija tal-Covid-19, li qed turina sfida dinjija ikbar: il-kriżi soċjo-ambjentali.

Dan ipoġġina lkoll quddiem il-bżonn ta’ għażla.

L-għażla bejn dak li jiswa u dak li ma jiswiex. L-għażla bejn, min-naħa l-waħda li nkomplu ninjoraw it-tbatija tal-iktar nies fqar u li nittrattaw ħażin id-dar komuni tagħna, id-Dinja, jew min-naħa l-oħra li nimpenjaw ruħna fuq kull livell biex nibdlu l-mod kif aħna qegħdin naġixxu.

Ix-xjenza qed tgħidilna, b’mod aktar preċiż kuljum, li hija meħtieġa azzjoni urġenti – u mhux qed nesaġera, dan tgħidu x-xjenza – jekk irridu li jkollna tama li nevitaw tibdil fil-klima ta’ kobor bla qies u li jkun katastrofiku. Għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti. Dan tgħidulna x-xjenza.

Il-kuxjenza tgħidilna li ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem it-tbatija tal-iktar nies fqar, quddiem in-nuqqas ta’ ugwaljanzi ekonomiċi li dejjem qed jiżdiedu, u quddiem l-inġustizzji soċjali. U l-ekonomija nnifisha ma tistax tkun limitata biss għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni.  [L-ekonomija] għandha bilfors tqis sew l-impatt li qed tħalli fuq l-ambjent u fuq id-dinjità tal-bniedem. Nistgħu ngħidu li l-ekonomija trid tkun krejattiva fiha nnifisha, fil-metodi li tuża u fil-mod kif taħdem. Krejattività.

Nixtieq nistedinkom biex flimkien nibdew vjaġġ. Vjaġġ ta’ bidla u ta’ azzjoni. Vjaġġ li hu magħmul mhux minn ħafna diskors, imma fuq kollox minn azzjonijiet konkreti u urġenti.

Qed insejjaħlu “vjaġġ”, għax jitlob minna li niċċaqalqu, jitlob minna bidla! Minn din il-kriżi ħadd minna m’għandu joħroġ l-istess – ma nistgħux noħorġu l-istess: minn kriżi qatt ma noħorġu l-istess – ; u biex toħroġ minnha tieħu ż-żmien u trid sforz.  Jeħtieġ li nimxu pass pass, ngħinu lil min hu dgħajjef, nipperswadu lil min hu fid-dubju, nivvintaw soluzzjonijiet ġodda u nimpenjaw ruħna biex nagħmluhom.

Imma l-iskop  huwa ċar: li fl-għaxar snin li ġejjin nibnu dinja li kapaċi twieġeb għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, li jinkludu lil kulħadd, mingħajr ma nikkompromettu l-possibiltajiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Nixtieq nistieden lin-nies kollha li jemmnu, insara u mhumiex, lin-nies kollha ta’ rieda tajba, li nibdew dan il-vjaġġ, [nibdew] mill-fidi, jew min ma jemminx, jibda’ mir-rieda tiegħu, mir-rieda tajba tiegħu. Kull wieħed u waħda minna, kemm individwalment, kif ukoll bħala membri ta’ gruppi – familji, komunitajiet ta’ fidi, negozji, assoċjazzjonijiet, għaqdiet – jista’ joffri kontribut siewi.

Ħames snin ilu ktibt l-Ittra Enċiklika Laudato Sì, dedikata għall-kura tad-dar komuni tagħna. Fiha pproponejt il-ħsieb ta’ “ekoloġija integrali”, biex flimkien nirrispondu għall-għajta tad-dinja imma wkoll għall-għajta tal-fqar. L-ekoloġija integrali hija stedina għal viżjoni integrali tal-ħajja, u titlaq mill-konvinzjoni li fid-dinja kollox hu magħqud ħaġa mal-oħra, u li bħalma fakkritna din il-pandemija, aħna niddependu minn xulxin, u niddependu wkoll minn ommna l-art. Minn din il-viżjoni joħroġ il-bżonn li nsibu metodi oħra kif nifhmu l-progress u kif inkejluh, mingħajr ma nillimitaw ruħna biss għad-dimensjoni ekonomika, teknoloġika, finanzjarja u tal-prodott gross, imma nagħtu importanza ewlenija lid-dimensjonijiet etiċi-soċjali u edukattivi.

Nixtieq nissuġġerielkom illum tliet toroq ta’ azzjoni.

Kif ktibt fil- Laudato si’, il-bidla kif ukoll l-orjentazzjoni t-tajba għall-vjaġġ tal-ekoloġija integrali, jitlob li l-ewwelnett isir pass edukattiv (cfr n. 202). Allura l-ewwel proposta tiegħi hija li nippromwovu, f’kull livell, edukazzjoni biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, billi nippruvaw nifhmu li l-problemi tal-ambjent huma marbutin mal-ħtiġijiet tal-bniedem – dan jeħtieġ nifhmuh mill-bidu: il-problemi tal-ambjent huma marbutin mal-ħtiġijiet tal-bniedem – ; edukazzjoni mibnija fuq tagħrif xjentifiku u fuq approċċ etiku. Dan huwa importanti: it-tnejn li huma. Inħoss fija ħeġġa għall-fatt li ħafna żgħażagħ diġà għandhom sensittività ekoloġika u soċjali ġdida, u xi wħud minnhom qed jiġġiedu b’mod ġeneruż biex jiddefendu l-ambjent u l-ġustizzja.

Bħala tieni proposta, jeħtieġ issir enfasi fuq l-ilma u fuq l-ikel. L-aċċess għall-ilma tax-xorb nadif hu dritt essenzjali u universali. Ma nistgħux ngħaddu mingħajru, għax minnu tiddependi l-ħajja tal-bniedem, u għaldaqstant din hija kundizzjoni biex jista’ jkun hemm kull dritt ieħor u kull responsabbiltà oħra.  Imbagħad l-iskop fundamentali taċ-ċiklu sħiħ ta’ produzzjoni u distribuzzjoni tal-ikel għandu jkun li nassiguraw li kulħadd ikollu ikel adegwat.

It-tielet proposta tiegħi hija dik ta’ bidla fejn tidħol l-enerġija: bidla li ssir pass pass, imma li trid issir bla dewmien, ta’ fjuwils fossili ma’ sorsi ta’ enerġija nodfa.  Fadlilna ftit snin, ix-xjenzjati jikkalkulaw bejn wieħed u ieħor inqas minn tletin sena – fadlilna ftit snin, inqas minn tletin – biex innaqqsu drastikament l-emissjonijiet tal-gassijiet li jħallu greenhouse effect fl-atmosfera.  Din il-bidla jeħtieġ mhux biss li ssir bla telf ta’ żmien u li tkun kapaċi li taqdi l-bżonnijiet ta’ l-enerġija tal-lum u tal-futur, imma trid tkun ukoll attenta għall-impatt fuq il-fqar, fuq il-popolazzjonijiet lokali u fuq min jaħdem fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija.

Mod kif wieħed jinkoraġġixxi din il-bidla huwa li nwasslu lill-kumpaniji biex iħossu l-bżonn li huma wkoll għandhom jimpenjaw ruħhom bla dewmien biex jieħdu ħsieb id-dar komuni, u dan billi jeskludu mill-investimenti lil dawk il-kumpaniji li ma jissodisfawx il-parametri ta’ ekoloġija integrali u jippremjaw lil dawk li jirsistu b’mod konkret f’din il-fażi ta’ bidla, billi jqiegħdu fiċ-ċentru tax-xogħol tagħhom parametri bħalma huma s-sostenibilità, il-ġustizzja soċjali u l-promozzjoni tal-ġid komuni. Ħafna għaqdiet kattoliċi u ta’ twemmin ieħor diġà ħadu r-responsabbiltà li jimxu f’din id-direzzjoni. Hekk naraw li l-art trid tinħadem u nieħdu ħsiebha, ikkultivata u mħarsa; ma nistgħux nibqgħu nagħsruha bħalma nagħsru larinġa! U nistgħu ngħidu li dan, jiġifieri li nieħdu ħsieb l-art, huwa dritt tal-bniedem.

Dawn it-tliet proposti għandha nħarsu lejhom bħala parti minn pakkett ikbar ta’ azzjonijiet li rridu nagħmlu b’kordinament biex naslu biex ikollna soluzzjoni fit-tul għall-problemi.

Is-sistema ta’ ekonomija tal-lum mhix sostenibbli. Ninsabu wiċċ imb’wiċċ quddiem kmand morali u quddiem urġenza prattika, li jeħtieġ li ħafna affarijiet nerġgħu naħsbuhom mill-ġdid: bħalma huma l-mod kif nipproduċu, l-mod kif nikkunsmaw, tiġini f’moħħi l-kultura tagħna tal-iskart, li ma nħarsux fit-tul, l-isfruttament tal-fqar, l-indifferenza lejhom, qegħdin jiżdiedu l-inugwaljanzi, u li għadna niddependu minn għejjun ta’ enerġija li jagħmlu ħsara. Kollha sfidi. Jeħtieġ naħsbu dwarhom.

L-ekoloġija integrali tissuġġerielna mod ġdid ta’ relazzjoni bejnietna u man-natura.  Dan iwassal għal ekonomija ġdida, li fiha t-tkattir tal-ġid huwa indirizzat lejn il-ġid sħiħ tal-bniedem u biex ikun hemm titjib – u mhux il-qerda – tad-dar komuni tagħna.  Dan ifisser politika mġedda, li għandha tkun waħda mill-ogħla forom ta’ imħabba. Iva, għax l-imħabba sseħħ bejn persuni, imma l-politika hija forma oħra ta’ imħabba. Għax tinvolvi lill-popli kollha u tinvolvi lin-natura.

Għaldaqstant nistedieden lilkom ilkoll biex nibdew dan il-vjaġġ. Dan kont ipproponejtu fil-Laudato si’  u anke fl-Enċiklika l-ġdida  Fratelli tutti. U bħalma tissuġġerixxi l-kelma “Countdown”, jeħtieġ nieħdu azzjoni b’mod urġenti. Kull wieħed minna jista’ jkollu xogħol siewi, jekk illum ilkoll kemm aħna nibdew din il-mixja. Mhux għada, illum. Għax il-futur qed jinbena llum, u ma jinbeniex billi kulħadd jaħdem għal rasu, imma fil-komunità, f’armonija.

Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes