Laikos

 

 

Messaġġ tal-Papa Franġisku lill-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika
Il-Belt tal-Vatikan
27 ta’ Novembru 2022


 
Għeżież ħuti tal-FIAC,
 
Wara l-elezzjoni tar-responsabbli l-ġodda tal-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika, nifraħ lil dawk li ħadu l-impenn li jmexxu l-Forum għall-perjodu li jmiss, li jsegwi l-mixja mibdija iżjed minn 30 sena ilu.
 
Fi żmienu, il-Venerabbli Kardinal Eduardo Pironio ra l-ħtieġa li joħloq dan il-forum biex il-ħajja tal-Azzjoni Kattolika setgħet tikkontribwixxi fl-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, mogħnija bil-partikularità ta’ kull post u kultura.
 
Ħafna minnkom segwew b’determinazzjoni din l-intuwizzjoni u qiegħdu l-ħiliet tagħhom u x-xewqa tagħhom li jħabbru l-Vanġelu f’dan is-servizz, anki bid-diffikultajiet taż-żmien, għax ma kinux għadhom jeżistu l-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ tqarrib bejn il-pajjiżi li jeżistu llum.
 
Ċertament, il-kuntest dinji li qed isieħeb il-fażi ġdida mhuwiex l-istess wieħed ta’ tletin sena ilu, u laqas bħal tat-tmexxija ta’ qabel.
 
Il-konsegwenzi soċjali tal-pandemija, kif ukoll dawk personali, ikomplu jinfluwenzaw il-modi u l-perspettivi ta’ ħajja u tal-futur ta’ ħafna persuni.
 
F’xi ambjenti reġa’ xiref l-individwaliżmu ta’ salvazzjoni skont il-qies tal-persuna, biex ma nitkellmux fuq il-pjaga tal-vjolenza bejn pajjiżi u aħwa, li qed thedded ix-xewqa tal-fraternità universali.
 
Madankollu, il-mumenti diffiċli jistgħu jkunu stimulanti u jinbidlu fi żminijiet ta’ tama. Kif kien jgħid il-Kardinal Pironio, bniedem tat-tama: “Kemm hu importanti li nkunu sinjal fil-ħajja! Imma mhux sinjal vojt jew tal-mewt, imma sinjal ta’ dawl li jġib it-tama. It-tama kapaċi tegħleb id-diffikultajiet, in-nuqqas ta’ ftehim, is-slaleb li jitfaċċaw fil-ħajja ta’ kuljum”.
 
Fl-istess waqt, bħala Knisja, għaddejjin minn mument li fih għandna bżonn li l-ispirtu sinodali jniżżel għeruqu fil-mod ta’ kif inkunu Knisja; dan ifisser it-taħriġ li nimxu flimkien fl-istess direzzjoni. Jiena konvint li dan hu dak li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju. Ħa terġa’ tikseb l-għarfien li hi poplu f’mixja u li dan irridu nagħmluh flimkien. Għalhekk, nixtieq nitlobkom tħeġġu b’dan l-ispirtu lill-gruppi tal-Azzjoni Kattolika fid-diversi Knejjes lokali. Fi spirtu sinodali rridu nitgħallmu nisimgħu lil xulxin, u nerġgħu nitgħallmu mill-ġdid l-arti li nitkellmu ma’ xulxin mingħajr ħitan u preġudizzji, anki u b’mod partikulari, ma’ dawk li huma fit-trufijiet, biex infittxu “l-qrubija li hija t-triq ta’ Alla”.
 
F’dan il-kuntest, insejjaħ lill-membri tat-tmexxija l-ġdida biex ikunu rġiel u nisa ta’ smigħ.
 
Nittama li ma jkunux “diriġenti” tal-iskrivanija, tad-dokumenti jew taż-Zoom, u ma jaqgħux fit-tentazzjoni tal-istrutturaliżmu istituzzjonali li jippjanifika u jorganizza skont statuti, regolamenti u proposti li ntirtu minn ta’ qabel, li kienu tajbin u utli fi żmienhom imma li llum jista’ ma jkollhomx iżjed sens.
 
Nitlobkom tisimgħu:
 
L-ewwel: isimgħu lill-irġiel, in-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ u t-tfal tad-demm u l-laħam, fir-realtajiet tagħhom, fil-karbiet siekta tagħhom espressi fil-ħarsiet tagħhom u fil-biki profond tagħhom. Żommu widnejkom miftuħa biex ma tagħtux tweġibiet għal mistoqsijiet li ma jagħmel ħadd, lanqas biex tgħidu kliem li ħadd ma hu interessat jisma’ u li ma jiswa għal xejn. Agħtu widen għall-ġdid b’widnejn miftuħa u b’qalb ta’ Samaritan.
 
It-tieni: isimgħu t-taħbita tas-sinjali taż-żminijiet, il-Knisja ma tistax tibqa’ fit-trufijiet tal-istorja, mitlufa fl-affarijiet tagħha, fil-bużżieqa minfuħa tagħha. Il-Knisja hi msejħa tisma’ u tara s-sinjali taż-żminijiet, tagħmel mill-istorja, bil-kumplessitajiet u l-kontradizzjonijiet tagħha, l-istorja tas-salvazzjoni. Jeħtieġ inkunu Knisja tassew profetika, b’sinjali u ġesti li juru li teżisti possibbiltà oħra ta’ konvivenza, ta’ relazzjonijiet umani, ta’ ħidma, ta’ mħabba, ta’ poter u ta’ servizz.
 
Fl-aħħar nett, biex dan ikun possibbli, għandna bżonn nisimgħu l-leħen tal-Ispirtu. F’kull epoka, l-Ispirtu jiftaħna għall-ġdid tiegħu; “jgħallem dejjem lill-Knisja l-bżonn ħaj li hi toħroġ, il-bżonn fiżjoloġiku li tħabbar, li ma tibqax magħluqa fiha nfisha”. Waqt li l-ispirtu tad-dinja jġagħalna nikkonċentraw biss fuq il-problemi u l-interessi tagħna, fuq il-ħtieġa li nkunu rilevanti, fuq id-difiża soda tal-appartenenza tagħna u tal-grupp tagħna, l-Ispirtu jeħlisna mill-ossessjoni tal-urġenzi u jistedinna nimxu f’toroq qodma u dejjem ġodda: dawk tax-xhieda, tal-faqar u tal-missjoni, biex jeħlisna minna nfusna u jibgħatna fid-dinja.
 
Forsi tistgħu taħsbu li l-proposta li nisimgħu mhijiex biżżejjed, imma dan mhux smigħ passiv, hu s-smigħ attiv li jagħti r-ritmu lix-xogħol tagħna; hi l-ispirazzjoni meħtieġa biex inkunu Knisja li tieħu nifs missjunarju. Dan hu dak li għamlet il-Verġni Mbierka, għax hi semgħet, qamet u mxiet biex tmur tiżra’.
 
Nitlob li intom tagħmlu minn dan il-perjodu żmien ta’ grazzja, bil-qlubija li tagħrfu tisimgħu, is-serenità li tiddixxernu u l-kuraġġ li xxandru bil-ħajja u mill-ħajja.
 
Grazzi ħafna li lqajtu din l-isfida. Nitlob lil Alla għal kull wieħed u waħda minnkom. Nitlobkom ma tieqfu qatt titolbu għalija.
 
Ġesù jberikkom, u l-Verġni Mqaddsa tindukrakom.
 
Ħukom,

Franġisku



miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard