DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-PROFESSURI U LILL-ISTUDENTI TAL-
FAKULTÀ TEOLOĠIKA PONTIFIĊJA “MARIANUM”, TA’ RUMA

Aula Paolo VI
Is-Sibt, l-24 ta’ Ottubru 2020

 

Għeżież ħuti,

Insellmilkom u nifirħilkom għas-70 anniversarju mit-twaqqif tal-Fakultà teoloġika tagħkom! Grazzi lilek, Rev. Kanċillier, għall-kliem ġentili tiegħek. Il-Marianum, sa mit-twelid tiegħu, ġie fdat f’idejn is-Serviti ta’ Marija. Nawgura għalhekk lil kull wieħed minnkom li tgħixu s-servizz tagħkom fuq l-eżempju ta’ Marija,  «il-qaddejja tal-Mulej» (Lq 1,38). Stil marjan, stil li minnu tibbenefika ħafna t-teoloġija, il-Knisja u intom ilkoll.

Ta’ min nistaqsu lilna nfusna: il-marjoloġija illum tiswa xi ħaġa għall-Knisja u għad-dinja? Ovvjament it-tweġiba hija iva.  Li tmur fl-iskola ta’ Marija, hija li tmur fl-iskola tal-fidi u tal-ħajja. Hija [Marija] għalliema għax hija dixxiplu, u hi taf tgħallem sew l-alfabet tal-ħajja umana u tal-ħajja nisranija. Iżda hemm ukoll aspett ieħor marbut mal-preżent. Qed ngħixu fi żmien il-Konċilju Vatikan II. L-ebda konċilju ieħor fl-istorja  ma ta lill-marjoloġija daqshekk wisa’ daqs dak iddedikat lilha fil-kapitlu 8 tal-Lumen Gentium, li jagħlaq u f’ċertu sens jiġbor fil-qosor il-kostituzzjoni dommatika kollha fuq il-Knisja. Dan kollu jgħidilna li ż-żmienijiet li qed ngħixu fihom huma żmienijiet ta’ Marija. Iżda għandna bżonn niskopru mill-ġdid lil Marija skont kif iħares lejha l-Konċilju. Bħalma l-Konċilju reġa’ beda juri mill-ġdid is-sbuħija tal-Knisja billi jmur lura lejn l-għejjun, is-sorsi, u jfarfar it-trab li nġabar matul is-sekli, hekk ukoll nistgħu nerġgħu niskopru mill-ġdid l-għeġubijiet ta’ Marija billi mmorru lura fil-qalba tal-misteru tagħha. U hemm joħorġu żewġ elementi li huma enfassiżati sew fl-Iskrittura: Marija hija omm u hija mara. Anke l-Knisja hija omm u mara.

Omm. Hekk sejħitilha Eliżabbetta: «omm il-Mulej» (v. 43), it- Theotokos hija wkoll l-omm tagħna lkoll.  Fil-fatt, Il-Mulej fuq is-salib qal lid-dixxiplu Ġwanni, u fih qal lil kull wieħed u waħda minna: «Hawn hi ommok!» (Ġw 19,27). Ġesù, f’dik is-siegħa li fiha salvana, kien qed jagħtina ħajtu u l-Ispirtu tiegħu; u ma ħalliex li l-ħidma tiegħu tintemm mingħajr ma jagħtina lill-Madonna, għaliex hu jrid  li fil-ħajja tagħna aħna nimxu ma’ omm, anzi ma’ l-aħjar omm fost l-ommijiet (cfr Eżortazzjoni Appostolika Evangellii gaudium, 285). San Franġisk ta’ Assisi ħabbha propju għax hija omm. Inkiteb dwaru li «kien iħobb lil Omm il-Mulej  f’affezzjoni li ma tistax titfisser, għax kienet hi li lil Sidna Ġesù għamlitu ħuna» (Sa. Bonaventura, Legenda major, 9,3: FF 1165). Il-Madonna għamlet lil Alla ħuna, u bħala omm tista’ tagħmel lill-Knisja u lid-dinja aktar fraterni.

Il-Knisja jeħtieġ li terġa’ tiskopri l-qalb tagħha ta’ omm, qalb li tħabbat għall-għaqda; imma din il-qalb għandha bżonnha wkoll l-Art tagħna, biex terġa’ tkun id-dar ta’ wliedha kollha. Il-Madonna tixtieqha, «hi trid twelled dinja ġdida, fejn aħna lkoll aħwa, fejn hemm post għal kull wieħed mormi mis-soċjetà tagħna» (Ittr Enċiklika Fratelli tutti, 278).  Għandna bżonn tal-maternità, ta’ min jiġġenera u jerġa’ jiġġenera l-ħajja permezz tat-tenerezza, għaliex huma biss l-għotja, il-kura u l-qsim bejnietna li jżommu flimkien il-familja.  Nimmaġinaw dinja mingħajr ommijiet: ma fihiex futur. Il-profitti waħedhom ma jiggarantux il-futur, anzi għall-kuntrarju kultant ikabbru d-diżugwaljanzi u l-inġustizzji. L-ommijiet, min-naħa l-oħra, jagħmlu lil kull iben u bint iħossuhom at home, u jagħtu tama.

Il-Marianum huwa għalhekk imsejjaħ biex tkun istituzzjoni fraterna, mhux biss minħabba l-atmosfera sabiħa ta’ familja li tiddistingwikom, imma anke meta tiftħu għal possibiltajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni ma’ istituti oħrajn, li jgħinu biex twessgħu l-orizzonti tagħkom u fl-istess ħin iżżommu l-pass maż-żmien tal-lum. Kultant ikun hemm il-biża’ li wieħed jinfetaħ, għax jaħseb li se jitlef il-karatteristika propja tiegħu, imma meta wieħed jieħu riskju biex jagħti l-ħajja u biex jiġġenera l-futur ma jiżbaljax, għax ikun qed jagħmel l-istess ħaġa li jagħmlu l-ommijiet. U Marija hija omm li tgħallimna l-arti ta’ kif inkunu flimken u kif nimxu flimkien. Allura huwa tant sabiħ li, bħal ġo familja kbira, fil- Marianum jiltaqgħu tradizzjonijiet teoloġiċi u spiritwali differenti, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għad-djalogu ekumeniku u inter-reliġjuż.

Il-Madonna – u dan huwa l-element l-ieħor essenzjali – hija mara. Forsi l-eqdem tagħrif marjoloġiku tat-Testment il-Ġdid jgħid li s-Salvatur «twieled minn mara» (Gal 4,4). Fil-Vanġelu, imbagħad, Marija hija il-mara, Eva l-ġdida, li minn Kana sal-Kalvarju tintervjeni għas-salvazzjoni tagħna (cfr Ġw 2,4; 19,26). Fl-aħħarnett hija l-mara liebsa x-xemx li tieħu ħsieb in-nisel ta’ Ġesù (cfr Apok 12,17). Hekk kif l-omm tagħmel mill-Knisja familja, hekk il-mara tagħmilna poplu. Mhux b’kumbinazzjoni li fir-reliġjożità popolari, in-nies huma miġbudin b’mod naturali lejn il-Madonna. Huwa importanti li l-marjoloġija ssegwi dan bir-reqqa kollha, tippromwovih, fejn hemm bżonn issaffih, u li dejjem tagħti attenzjoni lis- “sinjali taż-żminijiet marjani” li qed ngħixu fi żmienna.

Fosthom, hemm preċiżament ir-rwol tal-mara: essenzjali għall-istorja tas-salvazzjoni, u ma jistax ikun mod ieħor kemm għall-Knisja kif ukoll għad-dinja. Imma kemm hemm nisa li m’għandhomx id-dinjità li tistħoqqilhom! Il-mara, li ġabet lil Alla fid-dinja, trid tkun kapaċi ġġib id-doni tagħha fl-istorja. Il-ġenju tagħha u l-istil tagħha huma meħtieġa. Teħtieġhom it-teoloġija, biex ma tkunx xi ħaġa astratta jew teoloġija ta’ idejat iżda tkun delikata, nattattiva u li tagħti l-ħajja. Il-marjoloġija, b’mod partikulari, tista’ tgħin biex iġġib fil-kultura, anke permezz ta’ l-arti u l-poeżija, is-sbuħija li tnissel it-tama. U hija msejħa biex tfittex spazji li huma iktar dinjitużi għall-mara fil-Knisja: kulħadd għandu dinjità indaqs permezz tal-magħmudija.  Għax il-Knisja, kif diġà għidt, hija mara. Bħal Marija, hija omm, bħal Marija.

Patri Rupnik għamel pittura, li tidher qisha pittura tal-Madonna, imma mhijiex. Tidher qisha close-up tal-Madonna, mentri fil-fatt il-messaġġ huwa close-up. Mhijiex il-Madonna fi close-up f’din il-pittura. Hija qed tilqa’ lil Ġesù, u b’idejha, qishom bħal taraġ, qed tgħinu jinżel. Hija is- synkatabasis ta’ Kristu permezz tal-Madonna: Alla li jinżel. Ġesù hu preżentat bħala tifel, imma fl-istess ħin Mulej, bil-Liġi f’idu. Imma anke bħala bin mara, dgħajjef, għaliex bl-id l-oħra qed iżomm mal-mant tal-Madonna. Dan ix-xogħol ta’ Patri Rupnik huwa proprjament messaġġ. U min hi Marija għalina? Hija dik li tgħin lil Kristu jinżel għal kull wieħed u waħda minna: Kristu l-milja ta’ Alla, Kristu l-bniedem li sar dgħajjef għalina, Kristu l-bniedem li sar dgħajjef għalina. Ejjew naraw lill-Verġni Marija b’dan il-mod: Dik li ġġib lil Kristu, Dik li tagħmilha possibbli li Kristu jista’ jgħaddi għal għandna, Dik li welldet lil Kristu, u li tibqa’ dejjem mara. Huwa daqshekk sempliċi...U ejjew nitolbu lill-Madonna biex tberikna. Issa se nagħti l-barka lilkom ilkoll, u nitolbu li aħna jista’ jkollna fina dak l-ispirtu ta’ wlied u ta’ aħwa. Ulied Marija, ulied il-Knisja, aħwa bejnietna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes