Laikos

 


LIEMA HI L-VOKAZZJONI TAL-KNISJA?

Il-Papa Franġisku f’konverżazzjoni mal-Ġiżwiti Maltin

Antonio Spadaro

 

Fis-7.20am tal-Ħadd 3 ta’ April, il-Papa Franġisku daħal f’salott tan-Nunzjatura ta’ Malta, fejn kienu miġbura 38 Ġiżwita Malti, fosthom Patri Roberto Del Riccio, Provinċjal tal-Provinċja Ewro-Mediterranja, li tinkludi lil Malta, l-Italja, l-Albanija u r-Rumanija. Franġisku sellem wieħed wieħed lil dawk kollha preżenti, u mbagħad qagħad bilqiegħda biex jiftaħ konverżazzjoni libera u spontanja, kif soltu jagħmel f’dawn il-laqgħat. Il-klima kienet kordjali u fraterna. Franġisku beda billi qal: “L-unika tifkira li għandi tal-Ġiżwiti Maltin hi dik ta’ sħabi fl-istudji tal-filosofija. Kienu ddestinati għaċ-Ċilì. Jien stess għamilt il-ġunjorat[1] fiċ-Ċilì. Imbagħad huma marru jistudjaw fi Buenos Aires. L-aħħar wieħed minn dak il-grupp kellimtu fuq it-telefon is-sena l-oħra qabel ma miet. Staqsuni li tixtiequ ħalli nitkellmu ftit flimkien…”.

 

Santità, ir-realtà tal-Knisja tal-lum qed tinbidel. Qed issir dejjem iżgħar f’Ewropa sekulari u materjalista. Fl-istess waqt, imma, il-Knisja qed tikber fl-Asja u fl-Afrika. Kif sa tkun il-Knisja tal-futur? Iktar ristretta, imma iżjed umli u awtentika? U l-mixja sinodali tal-Knisja? Lejn fejn sejra?

 

Il-Papa Benedittu kien profeta ta’ din il-Knisja tal-futur, Knisja li sa ssir dejjem iżgħar, li se titlef ħafna privileġġi, sa tkun iżjed umli u awtentika u ssib l-enerġija għall-essenzjal. Tkun Knisja iżjed spiritwali, iżjed fqira u inqas politika: Knisja taċ-ċkejknin. Benedittu dan kien qalu sa minn meta kien għadu isqof: nippreparaw ruħna biex inkunu Knisja iżgħar. Din hi waħda mill-isbaħ intuwizzjonijiet.

 

Illum għandna l-problema tal-vokazzjonijiet, iva. Huwa minnu wkoll li fl-Ewropa hemm inqas żgħażagħ. Qabel familja kien ikollha tlieta, erba’ wlied. Issa spiss ikollha biss wieħed. Iż-żwiġijiet qed jonqsu, waqt li iktar moħħna kif ħa nikbru fil-professjoni. Lill-ommijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ ta’ 35 sena li jgħixu fil-familji tal-oriġni ngħidilhom biex ma jibqgħux jgħaddulhom il-qomos huma! F’din is-sitwazzjoni hemm ukoll ir-riskju li nippruvaw infittxu l-vokazzjonijiet mingħajr id-dixxerniment meħtieġ.

 

Niftakar li fl-1994 sar Sinodu fuq il-ħajja kkonsagrata. Jien kont ġejt bħala delegat mill-Arġentina. Dak iż-żmien kien faqqa’ l-iskandlu tan-novizzi fil-Filippini: il-Kongregazzjonijiet reliġjużi kienu marru hemm ifittxu vokazzjonijiet biex “jimportawhom” fl-Ewropa. Terribbli. L-Ewropa xjaħet. Hemm bżonn nidrawha din, imma rridu nagħmlu hekk b’mod kreattiv, biex hekk infittxu għall-vokazzjonijiet il-kwalitajiet li int semmejt b’mod ġenerali għall-Knisja fil-mistoqsija tiegħek: umiltà, qadi, awtentiċità.

 

Imbagħad int semmejt ukoll il-mixja sinodali. U dan hu pass ieħor ’il quddiem. Qed nitgħallmu nitkellmu u niktbu “f’Sinodu”. Kien Pawlu VI li reġa’ qabad id-diskors sinodali, li kien intesa. Minn dakinhar bqajna mexjin ’il quddiem u nifhmu xi jkun is-Sinodu. Niftakar li fl-2001 kont relatur għas-Sinodu tal-Isqfijiet. Fir-realtà r-relatur kien il-Kardinal Egan, imma, minħabba t-traġedja tat-Twin Towers, kellu jerġa’ jidħol New York, id-djoċesi tiegħu. Jiena għamiltha tas-supplent. Inġabru l-fehmiet ta’ kulħadd, anki tal-gruppi partikulari, u ntbagħtu lis-Segreterija ġenerali. Jiena ġbart il-materjal u rranġajtu. Is-Segretarju tas-Sinodu flieh u qalli biex inneħħi din jew dik il-ħaġa li kienet ġiet approvata b’votazzjoni mid-diversi gruppi. Kien hemm affarijiet li ħass li ma kinux opportuni. Insomma, kien hemm selezzjoni minn qabel tal-materjal. Ħaġa ċara li ma kinux fehmu x’inhu Sinodu.

 

Illum mexjin ’il quddiem u mhux se nħarsu lura. Fi tmiem l-aħħar Sinodu, fl-istħarriġ fuq it-temi biex jiġu affrontati f’dak ta’ wara, l-ewwel tnejn kienu s-saċerdozju u s-sinodalità. Deherli ċar li hemm xewqa għal riflessjoni fuq it-teoloġija tas-sinodalità biex immiddu pass deċiżiv lejn Knisja sinodali.

 

Fl-aħħar nett, irrid ngħid li ma għandniex ninsew dak il-ġojjell li hu l-Evangelii nuntiandi ta’ Pawlu VI. Liema hi l-vokazzjoni tal-Knisja? Mhumiex in-numri. Hi li nevanġelizzaw. Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza. F’kelma waħda, il-vera problema mhix jekk aħniex ftit, imma jekk il-Knisja hix tevanġelizza. Fil-laqgħat qabel il-Konklavi sar diskors dwar ir-ritratt tal-Papa ġdid. Kien proprju hemm, fil-Kongregazzjonijiet ġenerali, li ntużat ix-xbieha tal-Knisja li toħroġ. Fl-Apokalissi naqraw: “Jiena qiegħed fil-bieb u qed inħabbat”. Imma llum il-Mulej qed iħabbat minn ġewwa biex inħalluh joħroġ. Din hi l-ħtieġa ta’ żmienna, il-vokazzjoni tal-Knisja llum.

 

Santità, ippermettili nirringrazzjak għall-ħajja tiegħek u għall-eżempju tiegħek u anki, b’mod partikulari, għall-Eżortazzjoni appostolika “Gaudete et exsultate”. Imbagħad nixtieq inwassallek tislija mill-Kulleġġ Venerabbli Ingliż, fejn naħdem jien. Hemmhekk jitolbu għalik u nirringrazzjawk. Il-mistoqsija tiegħi hi: x’suġġeriment tagħti biex id-diretturi spiritwali u s-seminaristi jkunu mħejjija biex isiru saċerdoti għat-tielet millennju?

 

X’laqtek mill-Gaudete et exsultate?

 

Qabelxejn il-ġabra kollha. Kif ngħixu l-Beatitudnijiet. Imbagħad is-sinjali tal-qdusija. Laqtitni ħafna r-riferenza għall-umoriżmu…

 

Aħ! In-nota 101, dik ta’ Tumas More! Iva, dik l-Eżortazzjoni appostolika ġiet arkivjata. Nixtieq kieku jaqrawha n-novizzi kollha. Qed tistaqsini x’għandu jsir. Jiena kieku nitlob lis-seminaristi ħaġa waħda: kunu persuni normali, mingħajr timmaġinaw li intom la “appostli kbar” u lanqas “devotelli”. Kunu żgħażagħ normali, kapaċi li tieħdu deċiżjonijiet fuq ħajjitkom f’mixja. U għal dan hemm bżonn ukoll ta’ superjuri normali.

 

Lili veru tolqotni l-ipokrezija ta’ ċerti superjuri. L-ipokrezija bħala strument ta’ tmexxija hi terribbli. Bl-ipokrezija ma neħdux ħsieb tat-tħassib tiegħek, tal-problema tiegħek, tad-dnub moħbi tiegħek. Hemm bżonn ngħinu biex inneħħu kull ipokrezija li tirvina t-triq ta’ żagħżugħ.

 

Niftakar student Ġiżwita li mbagħad iżżewweġ. Kienet l-ewwel sena tal-filosofija. Kien iltaqa’ ma’ żagħżugħa, u kien innamra magħha. Xtaq jaraha kuljum. Billejl kien joħroġ bil-moħbi u jmur għand dik iż-żagħżugħa biex ikun ħdejha. Beda jirqaq, għax ftit li xejn kien jorqod. Imma dan iż-żagħżugħ b’xorti tajba waqa’ f’idejn missier spiritwali anzjan li ma kien jibża’ minn xejn u ma kienx ipokrita. Dan intebaħ kif kienu l-affarijiet. U qallu: “Int għandek dik il-problema”. Qabad u qallu! U ħa ħsiebu u akkumpanjah biex joħroġ mill-Ordni. Imbagħad dan iż-żagħżugħ iżżewweġ.

 

Jiena stess niftakar li ħafna snin ilu smajt Ġiżwita żagħżugħ minn Provinċja Ewropea li kien qed jagħmel il-maġisteru[2] wara l-filosofija. Talab lill-Provinċjal li jiġi ttrasferit lejn belt oħra biex ikun qrib ta’ ommu li kienet qed tmut b’kanċer. Imbagħad mar fil-kappella biex is-superjur seta’ jikkuntentah fix-xewqa tiegħu. Baqa’ hemm sa tard ħafna. Xħin daħal lura, sab mal-bieb ittra mill-Provinċjal, iddatata l-ġurnata ta’ wara, li talbu jibqa’ fejn kien, u qallu li ħa din id-deċiżjoni wara li kien irrifletta u talab. Imma ma kienx veru! Lill-ministru kien tah l-ittra postdatata biex jgħaddihielu l-ġurnata ta’ wara, imma, billi kien ġa tard billejl, il-ministru kien ħaseb li jitfagħhielu lejliet. Dan iż-żagħżugħ baqa’ mkisser. Din hi ipokrezija. Jalla ma jkun hemm qatt ipokrezija fil-Kumpanija! Aħjar ngħajtu milli jkollna atteġġjamenti foloz!

 

Fil-Kumpanija ma nistgħux nakkumpanjaw lil ħuna mingħajr fiduċja u ċarezza. Jekk il-persuna ma tafdax fis-superjuri tagħha jew f’xi ħadd li qed imexxiha, dan mhuwa xejn sew. Is-superjuri għandhom iwelldu l-fiduċja. U mbagħad għandhom jafdaw fil-“grazzja tal-istat”, biex ikun l-Ispirtu s-Santu li jagħtihom il-pariri t-tajbin. U ħa jistudjaw bl-għerf li l-Knisja ġemmgħet matul iż-żmien.

 

Imma ma għandna nibżgħu minn xejn. Qatt ma għandna nagħmlu ż-żgħażagħ kopja ta’ xulxin. Kull wieħed huwa speċi unika: għal kull wieħed għamlu l-forma u mbagħad kissruha. U s-superjuri għandhom jidraw ukoll li jkollhom xi enfant terrible. Irid ikollna s-sabar, nikkoreġuhom, imma spiss huma tassew bravi. M’aħniex kollha ugwali: għandna karti tal-identità differenti minn xulxin.

 

Ilbieraħ, jiena u nisma’ d-diskorsi li għamlu, tkellmu dwar Malta bħala pajjiż akkoljenti għar-rifuġjati. Bqajt mifxul. Aħna wkoll għandna ftehim mal-Libja biex nibagħtu l-migranti lura. Żgur smajt bit-traġedja fil-Mediterran, tas-Sibt li għadda, meta tilfu ħajjithom 90 migranti mil-Libja. Salvaw biss erbgħa. Int se tiltaqa’ ma’ xi rifuġjati. Imma m’intix ħa tara l-kampijiet, fejn is-sitwazzjoni hi ħafna iżjed diffiċli. Huwa minnu wkoll li din hi problema tal-Ewropa kollha, li mhix tgħin lil pajjiżna. Dan jgħodd ukoll għall-akkoljenza lill-Ukreni.

 

Hu minnu: din tal-migrazzjoni hi problema tal-Ewropa. Il-pajjiżi mhumiex jaqblu. Nifhem li għall-Italja, Ċipru, Malta, il-Greċja u Spanja mhuwiex faċli. Huma li jkollhom jirċevuhom għax huma l-ewwel portijiet, imma mbagħad l-Ewropa għandha titgħabba bihom. Fl-Ewropa hemm bżonn insaħħu d-drittijiet umani biex neliminaw il-kultura tal-iskart. Hemm bżonn ukoll nevitaw li nagħtu leġittimità lill-kompliċità tal-awtoritajiet kompetenti, dejjem, anki f’meetings u laqgħat.

 

Fuq l-ajruplan tawni pittura ta’ żagħżugħ, Daniele, li jpitter id-dwejjaq tiegħu waqt li qed jegħreq u li jrid isalva lil sieħbu li qed jegħreq. Jiena nirrakkomanda ktieb, Hermanito, jiġifieri “Ħija żgħir”.[3] Ħareġ sena ilu. Hija l-istorja tal-iben il-kbir ta’ familja mill-Guinea li jmur ifittex lil ħuh iż-żgħir nett. Jurina xi tfisser taqsam id-deżert, it-traffikar tal-migranti, il-priġunerija, it-torturi, il-vjaġġ fil-baħar… U ngħidlek grazzi li ma użajtx nofs kliem u għidtha kif inhi. Din li qed nitkellmu fuqha hi waħda mill-affarijiet li l-umanità għandha biex tistħi u li tmiss il-politika tal-Istati.

 

Jekk ikun hemm ħruq fil-kamra tal-qrib x’nagħmlu? Nibqgħu hawn u nkomplu l-laqgħa tagħna? Hi xbieha: l-istess ħaġa qed tiġri fid-dinja bil-bidla fil-klima. Id-dinja qed tinħaraq u aħna moħħna frisk. Kif nagħmlu biex norbtu flimkien l-evanġelizzazzjoni u l-bidla fil-klima?

 

Aħdmu f’dan il-qasam, iva. Li ma niħdux ħsieb tal-klima hu dnub kontra d-don ta’ Alla li hu l-ħolqien. Għalija din hi għamla ta’ paganiżmu: inkunu nużaw bħallikieku kien idolu dak li l-Mulej tahulna għall-glorja u l-ġieħ tiegħu. Għalija, meta ma neħdux ħsieb tal-ħolqien, qisna qed nagħmlu minnu idolu, inġibuh idolu, nifirduh mid-don tal-ħolqien. F’dan is-sens, meta nieħdu ħsieb tad-dar komuni, diġà nkunu “nevanġelizzaw”. U din hi ħaġa urġenti. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin bħalma sejrin issa, uliedna mhux se jkunu jistgħu jgħixu iżjed f’din il-pjaneta tagħna.

 

Għamel ħafna ħin u int trid tmur. Se nagħmillek mistoqsija ta’ malajr: il-konsolazzjonijiet u d-deżolazzjonijiet tiegħek dwar il-proċess tas-sinodalità.

 

Hemm konsolazzjonijiet u hemm deżolazzjonijiet. Ħa nagħtik eżempju wieħed biss: fl-ewwel sessjonijiet tas-Sinodu fuq l-Amażonja kkonċentrajna ħafna fuq il-kwistjoni tas-saċerdoti miżżewġa. Imbagħad l-Ispirtu wriena wkoll li kienu neqsin ħafna ħwejjeġ oħra: il-katekisti, id-djakni permanenti, is-seminarju għall-aboriġini, qassisin li jmorru minn djoċesijiet oħra jew li jiġu mċaqilqa fi ħdan l-istess waħda. Dan kollu għexnieh qalb konsolazzjonijiet u deżolazzjonijiet. Hija d-dinamika spiritwali tas-Sinodu.

 

Meta wasal il-ħin li nagħlqu l-laqgħa, li damet xi 40 minuta, Franġisku riedna nitolbu Sliema flimkien. Imbagħad ta l-barka tiegħu lil dawk preżenti, sellmilhom, talabhom jitolbu għalih, u ta lil kull wieħed kuruna tar-rużarju.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Perjodu tal-formazzjoni tal-Ġiżwiti li jiġi minnufih wara n-novizzjat.

[2] Perjodu ta’ formazzjoni fil-Kumpanija ta’ Ġesù, ġeneralment ta’ karattru pastorali, bejn l-istudju tal-filosofija u dak tat-teoloġija.

[3] Dan hu rumanz ta’ Amets Arzallus Antia u Ibrahima Balde bit-titlu Fratellino. Fl-Italja ġie editjat minn Feltrinelli fl-2021.

 

Aktar mill-Papa Franġisku f'Malta. Żjara Appostolika, 2 u 3 ta' April 2022