DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-KORP DIPLOMATIKU AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE
GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Sala tal-Benedizzjonijiet
Il-Ħamis, 9 ta’ Jannar, 2025

 

Eċċellenzi, Sinjuri,

Dalgħodu ninsabu flimkien għal ftit ħin għal-laqgħa li minbarra l-karattru istituzzjonali tagħha trid tkun ukoll waħda familjari: mument li fih il-familja tal-popli tiltaqa’ flimkien simbolikament permezz tal-preżenza tagħkom, biex nagħtu l-awguri fraterni lil xulxin, u nħallu wara spallejna l-kunflitti li jifirdu u niskopru mill-ġdid xinhu dak li jgħaqqadna.  Fil-bidu ta’ dis-sena, li għall-Knisja Kattolika għandha rilevanza speċjali, il-fatt li ninsabu flimkien fih tifsira simbolika speċjali, għaliex is-sens stess tal-Ġublew hu li “nagħmlu waqfa” mill-ferneżija li tikkaratterizza dejjem aktar il-ħajja ta’ kuljum, biex nistejqru u nitmantu b’dak li hu verament essenzjali: niskopru mill-ġdid li aħna wlied Alla u fiH aħna lkoll aħwa, naħfru l-offiżi, inwieżnu lid-dgħajfin u lill-foqra, inserrħu l-art, inħaddmu l-ġustizzja u niksbu mill-ġdid it-tama.  Din hi s-sejħa li għandhom dawk kollha li jservu l-ġid komuni u li jħaddmu l-akbar għamla ta’ karità – forsi l-aktar waħda għolja -: il-politika.

Nilqagħkom b’dan l-ispirtu u rrodd ħajr lill-E.T. l-Ambaxxatur George Poulides, Dekan tal-Korp Diplomatiku għad-diskors li bih interpreta s-sentimenti komuni tagħkom.  Intikom ilkoll merħba minn qalbi bi gratitudni għall-għożża u l-istima li l-popli u l-gvernijiet tagħkom għandhom lejn is-Sede Appostolika u li intom tirrappreżentaw denjament.  Xhieda ta’ dan huma ż-żjarat minn aktar minn tletin Kap ta’ Stat jew tal-Gvern li kelli x-xorti nilqa’ fil-Vatikan tul l-2024, kif ukoll l-iffirmar tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-ftehim bejn is-Santa Sede u l-Burkina Faso dwar l-l-istat ġuridiku tal-Knisja Kattolika fil-Burkina Faso u l-Ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Ċeka dwar xi kwistjonijiet ġuridiċi, li sar is-sena li għaddiet.  F’Ottubru li għadda kien imġedded ukoll għal erba’ snin oħra l-Ftehim Proviżorju bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar in-nomina tal-Isqfijiet, sinjal tar-rieda li jitkompla d-djalogu rispettuz u kostruttiv għall-ġid tal-Knisja kattolika fil-pajjiż u tal-poplu ċiniz kollu.

Min-naħa tiegħi ridt irrodd lura din l-għożża bil-vjaġġi appostoliċi li għamilt reċentement u li wassluni nżur artijiet imbiegħda bħall-Indonezja, il-Papua New Guinea, it-Timor Leste u Singapore, u oħrajn aktar qrib bħalma huma l-Belġju u l-Lussemburgu, u fl-aħħar, Corsica.  Minkejja li huma realtajiet evidentement differenti ħafna minn xulxin, għalija kull vjaġġ kien okkażjoni ta’ laqgħa u djalogu mal-popli, mal-kulturi u ma’ esperjenzi reliġjużi differenti, u biex inwassal kelma ta’ inkoraġġiment u faraġ, speċjalment lill-persuni l-aktar vulnerabbli.  Ma dawn il-vjaġġi nżid it-tliet żjajjar li għamilt fl-Italja f’Verona, Venezja u Trieste.

Propju lill-Awtoritajiet taljani, nazzjonali u lokali, nixtieq b’mod speċjali fil-bidu tas-Sena tal-Ġublew,  nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-impenn tagħhom biex iħejju Ruma għall-Ġublew.  Ix-xogħol bla heda tul dawn ix-xhur, li kien ta’ skomdu  mhux żgħir, issa jitħallas lura bit-titjib ta’ xi servizzi u spazji pubbliċi, biex hekk kulħadd, ċittadini, pellegrini u turisti, jkunu jistgħu jgawdu aħjar is-sbuħija tal-Belt Eterna.  Lir-rumani, magħrufin  għall-ospitalità tagħhom, niftakar fihom b’mod partikolari u rroddilhom ħajr għall-paċenzja li ħadu tul dawn l-aħħar xhur u għal dik li għad iridu jieħdu minħabba l-għadd ta’ viżitaturi li se jiġu.  Nixtieq ukoll irrodd ħajr minn qalbi lill-Forzi tal-Ordni, lill-Protezzjoni Ċivili, lill-awtoritajiet sanitarji u lill-volontarji li ta’ kuljum huma impenjati bis-sħiħ biex jiggarantixxu s-sigurtà u biex il-Ġublew jimxi ħarir.

Għeżież Ambaxxaturi,

Fi kliem il-Profeta Iżaija, li l-Mulej Ġesù jagħmel tiegħu propju fis-sinagoga ta’ Nazaret fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, skont ir-rakkont li tana l-evanġelista Luqa (4,16-21), insibu sintesi mhux biss tal-misteru tal-Milied li għanda kif iċċelebrajna, imma wkoll tal-Ġublew li qed ngħixu bħalissa.  Kristu ġie “biex iwassal il-Bxara t-Tajba lill-foqra, biex idewwi l-pjagi tal-qlub maqsuma, biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, il-libertà lill-priġunieri, biex jiddikjara s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (cfr 61,1-2a).

Sfortunatament, qed nibdew din is-sena hekk kif id-dinja tinsab mifluġa bil-ħafna kunflitti, żgħar jew kbar, li ftit jew wisq nafu bihom, u wkoll billi reġgħu refgħu rashom atti terroristiċi indenji bħal dak li ġara reċentement f’Magdeburg, fil-Ġermanja u fi New Orleans, fl-Istati Uniti.

Qed naraw ukoll li ħafna pajjiżi jinsabu f’kuntesti soċjali u politiċi diffiċli eżasperati minn kuntrasti interni.  Ninsabu quddiem soċjetajiet dejjem aktar polarizzati, li fihom tnissel sens ġeneriku ta’ biża’ u sfiduċja lejn il-proxxmu u lejn il-futur.  Dis-sitwazzjoni teħżien minħabba t-tixrid kontinwu tal-fake news li mhux biss jgħawġu l-verità tal-fatti imma jispiċċaw biex jgħawġu wkoll il-kuxjenzi għax joħolqu perċezzjonijiet foloz tar-realtà tal-fatti u jiġġeneraw klima ta’ suspetti li tistiga l-mibegħda, tippreġudika s-sigurtà tal-persuni u tikkomprometti l-konvivenza ċivili u l-istabbiltà ta’ nazzjonijiet sħaħ.  Eżempju traġiku ta’ dan huma l-attentati li saru fuq il-President tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka u tal-President elett tal-Istati Uniti tal-Amerika.

Klima ta’ insikurezza bħalma hi din hi mbuttatura biex jittellgħu aktar ħitan u jitħażżu konfini ġodda, waqt li oħrajn, bħal dak li għal aktar minn ħamsin sena ilu jifred il-gżira ta’ Ċipru jew dak li għal aktar minn sebgħin sena qed jaqsam fi tnejn il-peniżola tal-Korea, għadhom weqfin sfiq u qed jifirdu familji, djar u bliet.  Il-konfini moderni jippretendu li huma linji ta’ demarkazzjoni identitarja, fejn id-differenzi huma r-raġuni għad-diffidenza, għall-isfiduċja u l-biża’: “Dak li ġej minn hemm mhux ta’ min jafdah, għax ma nafux xinhu, mhux familjari, mhux tal-villaġġ.  (...) Bħala konsegwenza jittellgħu ħitan ġodda għall-awtodifiża u b’hekk ma teżistix aktar id-dinja imma teżisti biss “id-dinja tiegħi”, sal-punt li bosta lanqas biss għadhom jitqiesu bnedmin bid-dinjità inaljenabbli tagħhom u jsiru sempliċiment “dawk” (1).  Paradossalment, il-kelma konfini ma tindikax imkien li jissepara, imma li jgħaqqad “fejn kulħadd jispiċċa flimkien” (cum finis), fejn wieħed jiltaqa’ mal-ieħor, isir jafu, jiddjaloga miegħu.

L-awgurju tiegħi għas-sena l-ġdida hu li l-Ġublew ikun jirrappreżenta għal kulħadd, insara u mhumiex, okkażjoni ta’ reviżjoni tar-relazzjonijiet li jorbtuna flimkien bħala bnedmin u bħala komunitajiet politiċi; biex negħlbu l-loġika tal-kunflitt u nħaddnu minflok il-loġika tal-laqgħa; biex iż-żmien li ġej ma jisbniex qiesna vagabondi ddisprati, imma pellegrini tat-tama, jew, persuni u komunitajiet f’mixja, impenjati fil-bini ta’ ġejjieni ta’ paċi

Min-naħa l-oħra quddiem it-theddida dejjem aktar konkreta ta’ gwerra dinjija, il-vokazzjoni tad-diplomazija hi li tiffavorixxi d-djalogu ma’ kulħadd, inkluż dawk li nħossuna skomdi magħhom jew li jidhrilna li mhux ta’ min jinnegozja magħhom.  Din hi l-unika triq biex inkissru l-ktajjen tal-mibegħda u tal-vendetta li jjassru u biex ninnewtralizzaw kull ħjiel ta’ egoiżmu, ta’ kburija u suppervja umana, li huma l-għeruq ta’ kull rieda belliġeranti li tiddistruġġi.

Eċċellenzi, Sinjuri,

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, dalgħodu nixtieq, ibda minn kliem il-Profeta Iżaija, infassal magħkom xi aspetti tad-diplomazija tat-tama, li aħna lkoll imsejħin biex inkunu messaġġiera tagħha, sabiex riħ ġdid ta’ tama jkaxkar ‘l hinn is-sħab iswed tal-gwerra.  B’mod aktar ġenerali nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar xi responsabbiltajiet li kull leader politiku għandu jżomm quddiem għajnejh hu u jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, li suppost għandhom ikunu indirizzati lejn il-bini tal-ġid komuni u l-iżvilupp integrali tal-persuna.

Inwasslu l-aħbar it-tajba lill-imsejkna

F’kull epoka u f’kull imkien, il-bniedem minn dejjem saħħritu l-idea li jkun awtosuffiċjenti, li waħdu jista’ jasal u li jkun awtur tad-destin tiegħu.  Kull darba li jħalli dil-prużunzjoni tirkbu, isib ruħu mgħaffeġ taħt ġrajjiet u ċirkostanzi esterni u jiskopri kemm hu dgħajjef u impotenti, fqir u fil-bżonn, imweġġa’ b’diżastri naturali u materjali.  Fi kliem ieħor, jiskopri kemm hu miżeru u li għandu bżonn lil xi ħadd biex jerfgħu mill-miżerja tiegħu.

Il-miżerji ta’ żmienna huma bosta.  Qatt daqs illum l-umanità ma rat progress, żvilupp u għana u forsi qatt daqs illum ma sabet ruħha waħedha u mitlufa, u mhux rari li minflok l-ulied tippreferi l-annimali domestiċi.  Hemm bżonn kbir li tasal aħbar tajba.  Aħbar li fil-perspettiva nisranija, Alla joffrihielna fil-lejl tal-Milied!  Madankollu, kulħadd - anki min ma jemminx – jista’ jkun messaġġier ta’ aħbar ta’ tama u tal-verità

Mill-banda l-oħra, min-natura tiegħu, il-bniedem hu mogħni bl-istint naturali tal-għatx għall-verità.  Dit-tfittxija hi dimensjoni fundamentali għall-kondiviżjoni umana, għaliex kull persuna ġġorr fiha nostalġija tal-verità oġġettiva u xewqa ineżawribbli għall-għarfien.  Minn dejjem hekk kien, imma fi żmienna donnu li tinsab minn fuq in-negazzjoni ta’ veritajiet evidenti.  Xi whud m’għandhomx fiduċja fl-argumentazzjoni razzjonali, għax iqisu li hi strument f’idejn xi setgħa moħbija, waqt li oħrajn jidhrilhom li dik li bnew huma hi l-unika verità, u hekk jaħarbu mill-konfront u d-djalogu ma’ min jaħsibha differenti minnhom.  Kemm dawn u kemm dawk għandhom it-tendenza li joħolqu “l-verità” tagħhom u ma jagħtux każ tal-oġġettività tal-veru.  Dawn it-tendenzi jiżdiedu meta l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jkunu abbużati u jintużaw bħala mezzi ta’ manipulazzjoni tal-kuxjenzi għal għanijiet ekonomiċi, politiċi u ideoloġiċi.

Il-progress xjentifiku modern, speċjalment fil-qasam informatiku u tal-komunikazzjoni, bla dubju hu ta’ vantaġġ għall-umanità.  Jippermettielna nissimplifikaw bosta aspetti tal-ħajja ta’ kuljum, nibqgħu f’kuntatt ma’ persuni għeżież li fiżikament huma mbiegħda, nibqgħu nkunu infurmati u nseddqu l-għarfien tagħna.  Madankollu, ma nistgħux ma nsemmux il-limitazzjonijiet u l-perikli moħbija tagħhom, għax spiss dawn jippolarizzaw, jirristrinġu l-perspetivi mentali, jissimplifikaw ir-realtà, huma miftuħin għar-riskju tal-abbużi, tal-ansjetà u, paradossalment, għall-iżolament, partikolarment bl-użu tas-social media u tal-logħob online.

L-iżvilupp mgħaġġel tal-intelliġenza artifiċjali jkabbar it-tħassib dwar dak li jolqot id-drittijiet tal-propjetà intellettwali, tas-sigurtà tax-xogħol ta’ miljuni ta’ persuni, tar-rispett tal-privacy u tal-ħarsien tal-ambjent mill-iskart elettroniku (e-waste).  Kważi ebda rokna tad-dinja ma baqgħet l-istess minħabba t-trasformazzjoni kulturali estiża miġjuba mill-progressi bla nifs tat-teknoloġija u dejjem jidher aktar evidenti li dawn huma alleati ta’ interessi kummerċjali, li jiġġeneraw kultura radikata fil-konsumiżmu.

Dan l-iżbilanċ qed jhedded li jaqleb ta’ taħt fuq l-iskala tal-valuri marbutin mal-ħolqien tar-relazzjonijiet, mal-edukazzjoni u t-trasmissjoni tad-drawwiet soċjali, waqt li l-ġenituri, il-qraba l-aktar stretti u l-edukaturi għandhom jibqgħu jkunu l-kanali ewlenin li jittrasmettu l-kultura, u jkun ta’ vantaġġ meta l-gvernijiet jillimitaw ruħhom biss li jkunu ta’ sapport għar-responsabbiltajiet formattivi tagħhom.  F’dan tidħol ukoll edukazzjoni bħalma hi dik tal-alfabetizzazzjoni medjatika, immirata biex toffri strumenti essenzjali għall-promozzjoni tal-ħiliet tal-ħsieb kritiku, biex liż-żgħar toffrilhom il-mezzi meħtieġa għall-iżvilupp personali u għas-sehem attiv lejn il-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħhom.

Għaldaqstant diplomazija tat-tama, qabel kollox hi diplomazija tal-verità.  Fejn hemm nieqsa r-rabta bejn ir-realtà, il-verità u l-għarfien, l-umanità titlef il-ħila li tiddjaloga, tifhem lil xulxin, għax ikunu nieqsa l-pedamenti ta’ lingwaġġ komuni ankrat fir-realtà tal-affarijiet u għalhekk komprensibbli universalment.  L-iskop tal-lingwaġġ hu l-komunikazzjoni, li tikseb success biss jekk il-kliem ikun preċiż u jekk it-tifsir tat-termini jkun aċċettat b’mod ġenerali.  Ir-rakkont bibliku tat-Torri ta’ Babel juri x’jiġri meta kulħadd jitkellem biss “il-lingwa” tiegħu.

Komunikazzjoni, djalogu u impenn għall-ġid komuni jirrikjedu rieda tajba u adeżjoni ma’ lingwaġġ komuni.  Dan importanti partikolarment fi-qasam diplomatiku, speċjalment fil-kuntesti multilaterali.  L-impatt u s-suċċess ta’ kull kelma, tad-dikjarazzjonijiet, tar-riżoluzzjonijiet u b’mod ġenerali tat-testi tan-negozjati, jiddependi  minn dil-kundizzjoni.  Hu fatt li l-multilateraliżmu hu b’saħħtu u effikaċi biss meta jikkonċentra fuq il-kwistjonijiet li jkunu ġew diskussi u juża lingwaġġ sempliċi, ċar u maqbul. 

Għalhekk hu partikolarment preokkupanti t-tentattiv biex ikunu strumentalizzati dokumenti multilaterali – bil-bdil tat-tifsir tat-termini jew b’interpretazzjoni unilaterali tal-kontenut tat-trattati dwar id-drittijiet umani – biex jitmexxew ideoloġiji li jifirdu, li jikkalpestaw il-valuri u l-fidi tal-popli.  Infatti din hi verament kolonizzazzjoni ideoloġika li, skont programmi studjati bir-reqqa, tipprova teqred għal kollox it-tradizzjonijiet, l-istorja, ir-rabtiet reliġjużi tal-popli.  Hi mentalità li bl-iskuża li ssuperat dawk li tqishom “il-paġni suwed tal-istorja”, tagħmel il-wisa’ għall-cancel culture; ma tittollerax differenzi u tikkonċentra fuq id-drittijiet tal-individwi, waqt li twarrab id-dmirjiet lejn l-oħrajn, partikolarment l-aktar dgħajfa u fraġli (2).  F’dal-kuntest hu inaċċettabbli, per eżempju, diskors dwar “id-dritt tal-abort”, li jikkontradixxi d-drittijiet umani, partikolarment id-dritt għall-ħajja.  Il-ħajja kollha għandha tkun imħarsa f’kull waqt tagħha, mit-tnissil sal-mewt naturali, għax ebda tarbija mhi żball jew għandha ħtija għax teżisiti, daqskemm ebda anzjan jew marid ma tista’ titteħidlu t-tama jew inkella jisfa’ skartat.

Din l-attitudni ġġib magħha konsegwenzi kbar fil-qasam ta’ diversi organiżmi multilaterali.  Niftakar b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà ul-Koperazzjoni fl-Ewropa, li tagħha s-Santa Sede hi membru fundatur għax kienet ħadet sehem attiv fin-negozjati li nofs seklu ilu ġġeneraw id-Dikjarazzjoni ta’ Helsinki fl-1975.  Hu urġenti għall-aħħar nerġgħu nirkupraw “l-ispirtu ta’ Helsinki”, li permezz tiegħu l-Istati f’kunflitt u li jqisu lil xulxin “għedewwa” jirnexxilhom joħolqu spazju ta’ laqgħa u ma jabbadnunawx id-djalogu bħala strument biex isolvi s-sitwazzzjoni.

Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet multilaterali, li l-biċċa l-kbira tagħhom nibtu wara li ntemmet it-tieni gwerra dinjija, tmenin sena ilu, donnu li m’għadx għandhom is-saħħa jiggarantixxu l-paċi u l-istabbiltà, il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-iżvilupp, l-għanijiet għalfejn kienu twaqqfu, u lanqas li jagħtu tweġiba b’mod verament effikaċi għall-isfidi l-ġodda tas-seklu XXI, bħalma huma l-kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa pubblika, tal-kultura u soċjali, kif ukoll l-isfidi li qed iġġib magħha l-intelliġenza artifiċjali.  Ħafna minnhom għandhom bżonn riforma li żżomm f’moħħha li kull tip ta’ riforma jrid ikun mibni fuq il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u solidarjetà u b’rispett lejn is-sovranità paritarja tal-Istati, waqt li hu ta’ niket ninnutaw li hemm riskju ta’ “monadologia” u ta’ frammentazzjoni f’like-minded clubs li jirreklutaw biss li min jaħsibha bħalhom.

Madankollu la naqsu u lanqas mhuma neqsin sinjali inkoraġġanti fejn hemm ir-rieda tajba li sseħħ il-laqgħa.  Niftakar fit-Trattat ta’ paċi u ħbiberija bejn l-Argentina u ċ-Ċili li kien iffirmat fil-Vatikan nhar id-29 ta’ Novembru, 1984, li bil-medjazzjoni tas-Santa Sede u r-rieda tajba tal-partijiet ġab fi tmiemu d-dibattitu dwar il-Kanal ta’ Beagle, xhieda li l-paċi u l-ħbiberija huma possibbli meta żewġ membri tal-komunità internazzjonali jirrinunzjaw għall-użu tal-forza, jimpenjaw ruħhom solennement biex jirrispettaw ir-regoli kollha tad-dritt internazzjonali u jippromwovu l-koperazzjoni bi-laterali.  Aktar riċenti nfakkar fis-sinjali pożittivi li se jerġgħu jibdew in-negozjati dwar il-pjattaforma tal-ftehim dwar in-nuklejari iranjan, bl-għan li l-ġejjieni tad-dinja jkun aktar żgur.

Ninfaxxaw il-ġrieħi tal-qlub maqsuma

Diplomazija tat-tama hi wkoll diplomazija tal-maħfra, bil-ħila, fi żmien mimli kunflitti li nafu bihom jew moħbija, li terġa’ tinseġ ir-relazzjonijiet imkissra minħabba l-mibegħda u l-vjolenza, u hekk tinfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsuma ta’ tant vittmi.  L-awgurju tiegħi għal dis-sena 2025 hu li l-Komunità Internazzjonali kollha timpenja ruħha, ibda biex, biex twaqqaf il-gwerra li minn kważi tlett snin ‘l hawn ilha tbiċċer lill-Ukrajna, gwerra li ħalliet għadd bla qies ta’ vittmi, inkluż bosta ċivili.  Fuq ix-xefaq deher xi sinjal ikoraġġanti imma għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex jissawru l-kundizzjonijiet għal paċi ġusta u dejjiema u biex jitfejqu l-feriti li ġabet magħha din l-aggressjoni.

Bl-istess mod inġedded l-appell biex jisktu l-armi u jinħelsu l-ostaġġi iżraeljani li hemm f’Gaża, fejn hemm sitwazzjoni umanitarja diżastruża u  ta’ stmellija, u nitlob li l-popolazzjoni palestinjana tirċievi l-għajnuna kollha li għandha bżonn.  It-tama tiegħi hi li l-Iżraeljani u l-Palestinjani jerġgħu jibnu pontjiet ta’ djalogu u fiduċja reċiproka, ibda miċ-ċkejknin, sabiex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jgħixu spalla ma’ spalla f’żewġ stati, fil-paċi u s-sigurtà, u li Ġerusalemm issir “il-belt tal-laqgħa”, fejn jgħammru f’armonija u rispett reċiproku l-insara, il-lhud u l-musulmani.  Propju f’Ġunju li għadda, fil-ġonna tal-Vatikan, fakkarna lkoll flimkien l-għaxar anniversarju tal-Invokazzjoni għall-Paċi fl-Art Imqaddsa li nhar it-8 ta’ Ġunju, 2014 laqqgħet flimkien lil dak li kien il-President tal-Istat ta’ Iżrael, Shimon Perez u l-President tal-Istat tal-Palestina, Mahmoud Abbas flimkien mal-Patrijarka Bartilmew I.  Dik il-laqgħa kienet xhieda li d-djalogu dejjem hu possibbli u li ma nistgħux inċedu quddiem l-idea li bejn il-popli jirrenjaw l-ostilità u l-mibegħda.

Madankollu ninnutaw li l-fuklar tal-gwerra hu l-propagazzjoni kontinwa ta’ armi dejjem aktar sofistikati u qerrieda.  Dalgħodu ntenni l-appell sabiex “bil-flus li jintużaw għall-armi u għal spejjez militari oħra jitwaqqaf fond dinji biex saflaħħar neliminaw il-ġuħ u għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-aktar foqra, sabiex l-abitanti tagħhom ma jirrikorrux għal soluzzjonijiet vjolenti jew ta’ ingann u biex ma jisfawx imġagħlin jabbandunaw pajjiżhom fi tfittxija għal ħajja aktar dinjituża” (3)

Il-gwerra dejjem hi falliment!  L-involviment tan-nies ċivili, fuq kollox it-tfal, u l-qerda tal-infrastrutturi, mhux biss huma disfatta, imma jfissru biss li bejn iż-żewġ avversarji l-uniku rebbieħ ikun il-ħażen.  Ma nistgħu bl-ebda manjiera naċċettaw li l-popolazzjoni ċivili tisfa’ bbumbardjata jew li jsiru attakki fuq infrastrutturi meħtieġa għas-sopravivenza.  Ma nistgħux naċċettaw li naraw tfal imutu bil-kesħa għax inqerdu l-isptarijiet jew għax saru attakki fuq is-sistema li tipprovdi l-enerġija ta’ pajjiż.

Il-Komunità Internazzjonali kollha kemm hi tidher li taqbel dwar ir-rispett lejn id-dritt internazzjonali umanitarju, iżda l-fatt li dan mhux imħares kompletament iġib miegħu ċertu mistoqsijiet.  Jekk insejna xhemm fil-bażi, fis-sies tal-istess eżistenza tagħna, tas-sagralità tal-ħajja, tal-prinċipji li jmexxu d-dinja, kif nistgħu naħsbu li dan id-dritt jista’ jkun effettiv?  Hemm bżonn niskopru mill-ġdid dawn il-valuri li min-naħa tagħhom jinkarnaw ruħhom fil-preċetti tal-kuxjenza pubblika, sabiex il-prinċipju tal-umanità ikun verament il-bażi tal-aġir tagħna.  Għalhekk nawgura li dis-sena tal-Ġublew tkun żmien propizju li fih il-Komunità Internazzjonali timpenja ruħha attivament sabiex id-dirttijiet invjolabbli tal-bniedem ma jisfawx issagrifikati fuq l-altar tal-esiġenzi militari.

B’dawn il-premessi nitlob li tisskota l-ħidma biex l-inosservanza tad-dritt umanitraju ma tibqax għażla.  Hemm bżonn sforzi akbar biex jidħol fis-seħħ dak li kien diskuss waqt l-34 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofsqamar l-Aħmar li saret f’Ottubru li għadda f’Ġinevra.  Ftit ilu ċċelebrajna l-75 Anniversarju tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u huwa indispensabbli li n-normi u -prinċipji li fuqhom twaqqfu jidħlu fis-seħħ fil-bosta teatri ta’ gwerra li sfortunatament għadhom miftuħa.

Fost dawn infakkar id-diversi kunflitti li għadhom għaddejjin fil-kontinent afrikan, b’mod partikolari fis-Sudan, fis-Sahel, fil-Qarn tal-Afrika, fil-Mozambique, fejn hemm kriżi politika gravi, u fir-reġjuni orjentali tar-Repubblika Demokratika tal-Congo, fejn il-popolazzjoni hi milquta minn nuqqsijiet drammatiċi tas-saħħa u umanitarji, li spiss jiħraxu minħabba l-pjaga tat-terroriżmu, u li qed iħallu warajhom telf ta’ ħajjiet umani u t-turufnament ta’ miljuni ta’ persuni.  Ma dan jiżdiedu l-effetti qerrieda tal-għarar u tan-nixfa, li jkomplu jgħarrqu l-kundizzjoniet diġà prekarji f’diversi partijiet tal-Afrika.

Il-perspettiva ta’ diplomazija tal-maħfra m’għandhiex biss is-sejħa li ssewwi l-kunflitti internazzjonali jew reġjonali.  Id-diplomazija tal-maħfra titlob li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà biex ikun artiġjan tal-paċi, sabiex jinbnew soċjetajiet relament paċifiċi li fihom id-differenzi politiċi leġittimi, imma wkoll dawk soċjali, kulturali, etniċi u reliġjużi, ikunu rikkezza u mhux għajn ta’ mibegħda u firda.

Ħsiebi jdur b’mod partikolari lejn il-Myanmar, fejn il-popolazzjoni qed issofri bi kbir minħabba l-kunflitti bl-armi ma jaqtgħu xejn, kunflitti li jġagħlu lin-nies jaħarbu minn djarhom u jgħixu bil-biża’.

Hu ta’ niket nosservaw li, speċjalment fil-kontinent amerikan, għad hemm bosta kuntesti ta’ kunflitt politiku u soċjali jaħraq.  Niftakar f’Haiti, fejn nittama li malajr kemm jista’ jkun jittieħdu l-passi meħtieġa biex titreġġa’ lura d-demokrazija u tieqaf il-vjolenza.  Niftakar ukoll fil-Venezwela u l-kriżi politika gravi li tinsab fiha.  Din tista’ tingħeleb biss b’adeżjoni sinċiera mal-valuri tal-verità, tal-ġustizzja u tal-libertà, bir-rispett lejn il-ħajja, lejn id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull persuna – ukoll ta’ dawk li sfaw arrestati minħabba l-ġrajjiet tax-xhur li għaddew -, biċ-ċaħda ta’ kull tip ta’ vjolenza, u bit-tama li jibdew negozjati b’rieda tajba għall-ġid komuni tal-pajjiż.  Niftakar fil-Bolivja li għaddejja minn sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika preokkupanti; kif ukoll fil-Kolombja fejn nittama, li bl-għajnuna ta’ kulħadd jingħelbu l-bosta kunflitti li ilhom wisq żmien jifilġu l-pajjiż.  Niftakar fl-aħħar fin-Nicaragua, fejn is-Santa Sede, li dejjem hi disponibbli għad-djalogu rispettuz u kostruttiv, qed issegwi bi tħassib il-miżuri li ttieħdu fil-konfront ta’ persuni u istituzzjonijiet tal-Knisja u tawgura li l-libertà reliġjuża u d-drittijiet fundamentali l-oħra jkunu garantiti għal kulħadd.

Effettivament mhemmx paċi vera dment li ma tkunx garantita wkoll il-libertà reliġjuża, li timplika rispett tal-kuxjenza tal-individwu u l-possibbiltà li bniedem jistqarr pubblikament il-fidi tiegħu u l-appartenenza mal-komunità li jifforma parti minnha.  F’das-sens hi ta’ tħassib kbir iż-żjieda fl-antisemitiżmu, li jien nikkundanna bil-qawwa kollha, u li qed tolqot għadd dejjem jikber ta’ komunitajiet għebrej fid-dinja.

Ma nistax nibqa’ sieket quddiem l-għadd kbir ta’ persekuzzjonijiet kontra komunitajiet insara spiss organizzati minn gruppi terroristiċi, speċjalment fl-Afrika u fl-Asja, u lanqas il-forom aktar “delikati” li jillimitaw il-libertà reliġjuża li kultant naraw jiddaħħlu fl-Ewropa wkoll, fejn qed jiżdiedu normi legali u prattiċi amministrattivi li “jillimitaw jew jannullaw bil-fatti d-drittijiet tal-insara singoli u ta’ gruppi reliġjużi li huma formalment ikkuntemplati fil-Kostituzzjonijiet” (4).  Rigward dan irrid intenni li l-libertà reliġjuża hi “akkwist għaċ-ċiviltà politika u ġuridika” (5), għax “l-għarfien tagħha jfisser rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana fl-għeruq tagħha, u t-tisħiħ tal-ethos u tal-istituzzjonijiet tal-popli” (6).

L-insara jistgħu u jridu jagħtu sehem attiv għall-bini tas-soċjetajiet li fihom jgħixu.  Anki fejn dawn mhumiex maġġoranza, huma xorta waħda ċittadini bid-dritt kollu, speċjalment f’dawk l-artijiet li ilhom jgħixu fihom minn żmien antik ħafna.  Qed nirreferi b’mod partikolari għas-Sirja, li wara snin ta’ gwerra u qerda, tidher li qabdet it-triq tal-istabbiltà.  Nawgura li l-integrità territorjali, l-għaqda fost il-poplu sirjan u r-riformi kostituzzjonali meħtieġa ma jisfgħu kompromessi minn ħadd, u li l-Komunità Internazzjonali tgħin lis-Sirja tkun art ta’ konvivenza paċifika fejn is-sirjani kollha, inkluz il-parti nisranija, jħossuhom ċittadini sħaħ u jkunu jistgħu jagħtu sehemhom għall-ġid komuni ta’ dak in-nazzjon għażiż.

Bl-istess mod niftakar fil-maħbub Libanu waqt li nawgura li l-pajjiż, bl-għajnuna determinanti tal-insara, jkollu l-istabbiltà istituzzjonali meħtieġa biex jaffronta s-sitwazzjoni eknomika u soċjali gravi li jinsab fiha, jerġa’ jibni n-nofsinhar tal-pajjiż milqut mill-gwerra u jimplimenta kompletament il-Kostituzzjoni u l-Ftehim ta’ Taif.  Il-lebaniżi kollha għandhom jaħdmu sabiex wiċċ il-Pajjiż taċ-Ċedri qatt ma jisfa’ sfigurat minħabba l-firdiet, imma jibqa’ jiddi dejjem bħala post ta’ “konvivenza” u l-Libanu jibqa’ jkun pajjiż-messaġġ ta’ koeżistena u ta’ paċi.

Tħabbir tal-libertà lill-iskjavi

Elfejn sena ta’ kristjaneżmu ikkontribwew biex tkun eliminata l-iskjavitù minn kull sistema ġuridika.  Madankollu għadhom jeżistu bosta għamliet oħra ta’ skjavitù, ibda minn dik ftit magħrufa, imma mifruxa sew, li tolqot ix-xogħol.  Wisq persuni jgħixu skjavi tax-xogħol tagħhom li minn mezz sar għan ta’ ħajjithom u spiss huma skjavi ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diżumani, f’termini ta’ sigurtà, ħinijiet tax-xogħol u salarju.  Jeħtieġ impenn biex jinħolqu kundizzjonijiet denji tax-xogħol u biex ix-xogħol, nobbli minnu nnifsu u jinnobilita, ma jsirx ostaklu għat-twettiq u t-tkabbir tal-persuna umana.  Fl-istess ħin hemm bżonn garanzija ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, speċjalment fejn hemm qagħad mifrux li l-konsegwenzi tiegħu huma l-isfruttament u l-kriminalità.

Hemm imbagħad l-iskjavitù orribbli tad-dipendenza mis-sustanzi, li tolqot l-aktar liż-żgħażagħ.  Inaċċettabbli naraw kemm ħajjiet, familji u pajjiżi jisfaw irvinati minħabba dil-pjaga li donnha qed tinfirex dejjem aktar, anki minħabba li daħlu fis-suq id-drogi sintetiċi li spiss huma mortali, u li saru aktar disponibbli minħabba l-fenomenu abominevoli tan-narcotraffiku.

Fost l-għamliet ta’ skjavitù ta’ żmienna, waħda mill-aktar tremendi hi dik tat-traffikanti tal-persuni: nies bla skrupli li jisfruttaw il-bżonn ta’ eluf ta’ persuni maħrubin mill-gwerer, mill-karestiji, mill-persekuzzjonijiet jew minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima u biex ifittxu ximkien aktar żgur fejn jgħixu.  Diplomazija tat-tama hi diplomazija tal-libertà, li titlob impenn maqbul fi ħdan il-Komunità Internazzjonali biex jinqered dal-kummerċ miżerabbli.

Fl-istess ħin hemm bżonn ikunu mħarsa l-vittmi ta’ dan it-traffikar, il-migranti nfushom, imġagħlin jimxu eluf ta’ kilometri fl-Amerika ċentrali kif ukoll fid-deżert tas-Sahara, jew jaqsmu l-Baħar Mediterran jew l-English Channel f’mezzi ta’ fortuna mimlijin sa ruħ ommhom, biex imbagħad ma jsibux min jilqagħhom jew jisfgħu klandestini f’art barranija.  Malajr ninsew li quddiemna għandna persuni li għandhom bżonn l-akkoljenza, min jipproteġihom, imexxihom ‘il quddiem, jintegrahom (7).

Iżda bi mrar kbir ninnota li l-migrazzjonijiet għadhom mgħottijin bis-sħaba sewda tad-diffidenza, minflok ma jitqiesu sors ta’ żvilupp.  Dawn in-nies qed jitqiesu biss problema li rridu nsolvuha.  Ma nistgħux inqisuhom oġġetti li rridu naraw fejn se nqegħduhom, għax għandhom dinjità u riżorsi li jistgħu joffru lill-oħrajn; oħrajn għandhom l-istorja tagħhom, il-ħtiġijiet, il-biżgħat, l-aspirazzjonijiet, il-ħolm, il-ħiliet, it-talenti.  Hu biss f’dil-perspettiva li jistgħu jsiru passi ‘l quddiem sabiex naffrontaw dal-femomenu li jitlob il-kontribuzzjoni kollettiva tal-pajjiżi kollha, anki billi jinħolqu mogħdijiet mnejn dawn in-nies ikunu jistgħu jgħaddu bla periklu.

Imbagħad tibqa’ ħaġa kruċjali naffrontaw il-kawżi profondi ta’ dan iċ-ċaqliq, sabiex min jitlaq minn daru biex ifittex oħra jkun ħa deċiżjoni frott ta’ għażla u mhux bħala “obbligu ta’ sopravivenza”.  F’dil-perspettiva inħoss li hu fundamentali impenn komuni biex isir investiment fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, bħala kontribut biex jitqaċċtu darba għal dejjem xi wħud mill-kawżi li jobbligaw lill-persuni biex jemigraw.

Inħabbru l-ħelsien tal-priġunieri

Fl-aħħar, id-diplomazija tat-tama hi diplomazija tal-ġustizzja, li mingħajrha ma jistax ikun hemm paċi.  Is-sena tal-Ġublew hi żmien favorevoli biex titħaddem il-ġustizzja, biex jinħafer id-dejn u jinbidlu l-pieni tal-priġunieri.  Però, mhemm ebda dejn li jippermetti lil xi ħadd, inkluż l-Istat, li jesiġi l-ħajja ta’ ħaddieħor.  Rigward dan intenni l-appell tiegħi sabiex il-piena tal-mewt titneħħa min-nazzjonijiet kollha (8) għax illum din mhix ġustifikata bħala wieħed mill-istrumenti maħsuba biex tisewwa l-ġustizzja.

Min-naħa l-oħra ma nistgħux ninsew li f’ċertu sens aħna lkoll priġunieri għax ilkoll kemm aħna għandna d-dejn: midjunin ma’ Alla, mal-oħrajn u anki mal-Art maħbuba tagħna, li minnha nieħdu l-għejxien ta’ kuljum.  Kif ġbidt l-attenzjoni fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, “kull wieħed u waħda minna b’xi mod għandna nħossuna responsabbli għall-qerda li qed issir lid-dar komuni tagħna” (9).  In-natura donnha qed tirribella dejjem aktar kontra l-azzjoni tal-bniedem u qed turi l-qawwa estrema tagħha.  Eżempju ta’ dan hu l-għarar qerried li rajna fl-Ewropa, fiċ-ċentru ta’ Spanja, kif ukoll iċ-ċikluni li fir-rebbiegħa li għaddiet laqtu l-Madagascar u ftit qabel il-Milied, lid-Dipartiment franċiż ta’ Mayotte u l-Mozambique.

Quddiem dan kollu ma nistgħux nibqgħu indifferenti!  M’għandniex dritt!  Pjuttost għandna d-dmir li nagħmlu l-isforzi tagħna kollha biex inħarsu d-dar komuni tagħna u ta’ dawk li jgħammru fiha u li għad iridu jgħammru fiha.

Matul il-COP29 f’Baku, ittieħdu ċerti deċiżjonijiet biex ikunu garantiti aktar riżorsi finanzjarji favur l-azzjoni klimatika.  Nawgura li dawn iwasslu għal qbil biex dawn ir-riżorsi jiffavorixxu l-pajjiżi l-aktar esposti għall-kriżi klimatika u li huma mgħobbijin b’dejn ekonomiku li qed jifgahom.  F’dan id-dawl indur lejn in-nazzjonijiet benestanti biex jaħfru d-dejn tal-pajjiżi li qatt mhu se jirnexxilhom iħallsuh lura.  Dan mhux biss att ta’ solidarjetà jew ta’ qalb kbira, imma fuq kollox, att ta’ ġustizzja, mgħobbija wkoll b’għamla ġdida ta’ inġustizzja li qed insiru dejjem aktar konxji tagħha: “id-dejn ekoloġiku” partikolarment bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar (10).

B’relazzjoni mad-dejn ekoloġiku, importanti nidentifikaw modi effikaċi biex id-dejn esteru tal-pajjiżi l-foqra nikkonvertuhom f’politika u programmi effikaċi, kreattivi u responsabbli ta’ żvillupp uman integrali.  Is-Santa Sede lesta takkumpanja dal-proċess għax konxja li mhemmx  fruntieri jew barrieri politiċi jew soċjali, li għandna ninħbew warajhom (11).

Qabel ma ntemm, nixtieq li f’dis-sede, nesprimi l-kondoljanzi tiegħi u noffri talbi għall-vittmi u għal dawk li qed isofru minħabba t-terremot li jumejn ilu laqat it-Tibet.

Għeżież Ambaxxaturi,

fil-perspettiva nisranija, il-Ġublew hu żmien ta’ grazzja.  U kemm nixtieq li l-2025 tkun verament sena ta’ grazzja, għanja bil-verità, bil-maħfra, bil-libertà, bil-ġustizzja u l-paċi!  “Fil-qalb ta’ kull persuna hemm it-tama bħala xewqa u stennija ta’ ġid” (12) u kull wieħed u waħda minna għandna s-sejħa biex nagħmulha twarrad madwarna.  Dan hu l-awgurju li minn qiegħ qalbi ntikom ilkoll, għeżież Ambaxxaturi, lill-familji tagħkom, lill-gvernijiet u lill-popli li tirrapreżentaw: jalla t-tama twarrad fi qlubna u żmienna jsib il-paċi tant mixtieqa.  Grazzi.

 Miġjub għall-Malti minn Joe Huber


 

[1] Enċ. Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 27.

[2] Cfr Diskors lill-Awtoritajie ċivili, ir-Rappreżentanti tal-popolazzjonijiet indiġeni u l-Korp DiplomatikuCitadelle de Québec, 27 ta’ Lulju 2022.

[3] Enċ Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru, 2020), 262; cfr S. Pawlu VI, Enċ. Populorum progressio (26 mata’ Marzu 1967), 51.

[4] S. Gwanni Pawlu II, Messaġġ għall-XXI Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 1988, n. 2.

[5] Benedetto XVI, Messaġġ għall-XLIV Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 2011, n. 5.

[6] Ibidem.

[7] Diskors lill-parteċipanti tal-Forum Internazzjonali “Migrazzjoni u Paċi”, 21 ta’ Frar,2017.

[8] Cfr Messaġġ għall-LVIII Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar, 2025, n. 11.

[9] Ivi, n. 4.

[10] Cfr Bolla Spes non confundit (9 ta’ Mejju, 2024),16; Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju, 2015), 51.

[11] Cfr Laudato si’, 52.

[12] Bolla Spes non confundit, 1.