Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-E.T. MONS. RINO FISICHELLA GĦALL-ĠUBLEW TAL-2025

 

Lil Ħija l-għażiż

Mons. Rino Fisichella,

President tal-Kunsill Pontifiċju

għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida

 

Il-Ġublew minn dejjem irrappreżenta fil-ħajja tal-Knisja ġrajja ta’ importanza kbira spiritwali, ekkleżjali u soċjali. Minn meta Bonifaċju VIII, fl-1300, waqqaf l-ewwel Sena Mqaddsa – b’rikorrenza sekulari, li mbagħad saret, fuq il-mudell bibliku, ħaġa ta’ kull ħamsin sena u mbagħad ta’ kull ħamsa u għoxrin sena –, il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla għex din iċ-ċelebrazzjoni bħala don speċjali ta’ grazzja, ikkaratterizzat mill-maħfra tad-dnubiet u, b’mod partikulari, mill-indulġenza, espressjoni sħiħa tal-ħniena ta’ Alla. Il-fidili, spiss fi tmiem pellegrinaġġ twil, jersqu lejn it-teżor spiritwali tal-Knisja billi jgħaddu mill-Bieb Imqaddes u jqimu r-relikwi tal-Appostli Pietru u Pawlu miżmuma b’għożża fil-Bażiliċi Rumani. Miljuni u miljuni ta’ pellegrini, matul is-sekli, waslu f’dawn l-imkejjen qaddisa u taw xhieda ħajja tal-fidi ta’ dejjem.

 

Il-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000 daħħal lill-Knisja fit-tielet millennju tal-istorja tagħha. San Ġwanni Pawlu II tant stennieh u xtaqu, bit-tama li l-Insara kollha, wara li jkunu għelbu l-firdiet storiċi ta’ bejniethom, setgħu jiċċelebraw flimkien l-elfejn sena mit-twelid ta’ Ġesù Kristu l-Feddej tal-bnedmin. Issa dalwaqt jagħlqu l-ewwel 25 sena tas-seklu 21, u aħna msejħin nibdew tħejjija li lill-Poplu ta’ Alla tista’ tgħinu jgħix is-Sena Mqaddsa fis-sinifikat pastorali kollu tagħha. Tappa sinifikattiva, f’dan is-sens, kienet dik tal-Ġublew straordinarju tal-Ħniena, li għenna niskopru mill-ġdid il-qawwa u l-ħlewwa kollha tal-imħabba ħanina tal-Missier, biex imbagħad sirna aħna xhieda tagħha.

 

Fl-aħħar sentejn, madankollu, ma kienx hemm pajjiż li ma nqalibx ta’ taħt fuq bl-epidemija li ġiet fuqna ħabta u sabta u li, barra li ġagħlitna mmissu b’idejna t-traġedja tal-mewt fis-solitudni, l-inċertezza u t-temporanjetà tal-ħajja, bidlet il-mod ta’ kif ngħixu. Bħala Nsara ġarrabna flimkien ma’ ħutna kollha l-istess tbatijiet u limitazzjonijiet. Il-knejjes tagħna baqgħu magħluqa, u l-istess l-iskejjel, il-fabbriki, l-uffiċċji, il-ħwienet u l-postijiet iddedikati għall-ħin liberu. Ilkoll rajna jiġu limitati xi libertajiet tagħna, u l-pandemija, barra t-tbatija, daqstant ieħor qanqlet fir-ruħ tagħna d-dubju, il-biża’, il-konfużjoni. Il-bnedmin tax-xjenza, b’ħeffa liema bħalha, sabu l-ewwel rimedju li ftit ftit qed jippermettilna nerġgħu lura għall-ħajja ta’ kuljum. Għandna fiduċja sħiħa li l-epidemija tista’ tiġi megħluba u d-dinja terġa’ ssib ir-ritmi tagħha ta’ relazzjonijiet personali u ta’ ħajja soċjali. Dan nistgħu nilħquh iktar malajr skont kemm naġixxu b’solidarjetà attiva, u naraw li ma jiġux ittraskurati l-popli l-iżjed foqra, imma nkunu nistgħu naqsmu ma’ kulħadd kemm il-kixfiet tax-xjenza u kemm il-mediċini meħtieġa.

 

Jeħtieġ inżommu mkebbes il-musbieħ tat-tama li ngħatatilna, u nagħmlu minn kollox biex kulħadd jerġa’ jikseb il-qawwa u ċ-ċertezza li jħares lejn il-futur b’qalb miftuħa, qalb fiduċjuża u ħsieb li jara ’l bogħod. Il-Ġublew li jmiss jista’ jgħinna ħafna biex nerġgħu nsibu klima ta’ tama u ta’ fiduċja, bħala sinjal ta’ twelid ġdid li tiegħu lkoll inħossu tant il-ħtieġa urġenti. Għalhekk jien għażilt il-motto Pellegrini tat-tama. Imma dan kollu jkun possibbli jekk ikollna l-ħila nirkupraw is-sens ta’ fraternità universali, jekk ma nagħlqux għajnejna quddiem it-traġedja tal-faqar mifrux li qed iżomm miljuni ta’ rġiel, nisa, żgħażagħ u tfal milli jgħixu b’mod li jixirqilhom jissejħu bnedmin. Qed naħseb b’mod speċjali f’tant rifuġjati li jkollhom iħallu artijiethom. Ħa nagħtu widen għall-ilħna tal-foqra f’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Ġublew li, skont il-kmand bibliku, irodd lil kull wieħed u waħda l-aċċess għall-frott tal-art: “Dak li trodd l-art fil-mistrieħ tagħha, tistgħu tikluh; int, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, il-barranin li jkunu miegħek, il-bhejjem tad-dar u l-bhejjem selvaġġi. Kulma trodd jista’ jittiekel” (Lev 25:6-7).

 

Għalhekk, id-dimensjoni spiritwali tal-Ġublew, li tistieden għall-konverżjoni, għandha titwaħħad ma’ dawn l-aspetti fundamentali tal-ħajja soċjali, biex nibnu għaqda koerenti. Inħossuna lkoll pellegrini fuq l-art li fiha l-Mulej qegħidna biex nieħdu ħsiebha u nħarsuha (ara Ġen 2:15), ma nittraskurawx, fil-mixja tagħna, il-kontemplazzjoni tal-ġmiel tal-ħolqien u l-għożża tad-dar komuni tagħna. Nawgura li s-Sena Ġubilari li ġejja tiġi ċċelebrata u tingħax ukoll b’din l-intenzjoni. Fil-fatt, għadd dejjem jikber ta’ persuni, fosthom ħafna żgħażagħ u tfal, qed jagħrfu li l-għożża tal-ħolqien hija espressjoni essenzjali tal-fidi f’Alla u tal-ubbidjenza għar-rieda tiegħu.

 

Għażiż Ħija, f’idejk nafda r-responsabbiltà li ssib forom adegwati biex tista’ ssir tħejjija għas-Sena Mqaddsa u tiġi ċċelebrata b’fidi intensa, tama ħajja u mħabba ħawtiela. Id-Dikasteru li jippromovi l-evanġelizzazzjoni ġdida għandu jagħraf jagħmel minn dan il-mument ta’ grazzja tappa sinifikattiva għall-pastorali tal-Knejjes partikulari, Latini u Orjentali, li f’dawn is-snin huma msejħa jintensifikaw iżjed l-impenn sinodali. F’din il-perspettiva, il-pellegrinaġġ lejn il-Ġublew jista’ jsaħħaħ u jesprimi l-mixja komuni li l-Knisja hi msejħa tagħmel biex tkun dejjem iżjed u dejjem aħjar sinjal u strument ta’ għaqda fl-armonija tad-diversitajiet. Importanti li ngħinu u niskopru mill-ġdid l-esiġenza tas-sejħa universali għall-parteċipazzjoni responsabbli, fil-valorizzazzjoni tal-kariżmi u tal-ministeri li l-Ispirtu s-Santu ma jehda qatt isawwab għall-bini tal-Knisja waħda. L-erba’ Kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, flimkien mal-Maġisteru ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għandhom ikomplu jorjentaw u jdawlu lill-poplu qaddis ta’ Alla, biex tisseddaq il-missjoni li nwasslu lil kulħadd it-tħabbira hienja tal-Vanġelu.

 

Skont il-konswetudni, il-Bolla tal-Indizzjoni, li toħroġ fiż-żmien opportun, ikun fiha l-indikazzjonijiet meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-2025. F’dan iż-żmien ta’ tħejjija, diġà nifraħ meta naħseb li nistgħu niddedikaw is-sena ta’ qabel il-ġrajja ġubilari, l-2024, għal “sinfonija” kbira ta’ talb. Qabelxejn biex nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh. Barra minn hekk, talb biex nirringrazzjaw lil Alla għal tant doni ta’ mħabbtu għalina u nfaħħruh għall-opra tiegħu tal-ħolqien, li timpenjana lkoll għar-rispett u għall-azzjoni konkreta u responsabbli b’risq il-ħarsien tiegħu. Talb bħala leħen “tal-qalb waħda u r-ruħ waħda” (ara Atti 4:32), li jitlaħħam fis-solidarjetà u fil-qsim tal-ħobż ta’ kuljum. Talb li bih kull raġel u mara ta’ din id-dinja jistgħu jduru lejn Alla wieħed, biex jesprimulu dak li hemm fis-satra ta’ qalbhom. Talb bħala triq għalliema lejn il-qdusija, li twassalna biex ngħixu l-kontemplazzjoni anki qalb l-azzjoni. F’kelma waħda, sena intensa ta’ talb, fejn il-qlub jinfetħu biex jilqgħu l-kotra tal-grazzja, u nagħmlu mill-“Missierna”, it-talba li Ġesù għallimna, il-programm tal-ħajja ta’ kull dixxiplu tiegħu.

 

Nitlob lill-Verġni Marija ssieħeb il-Knisja fil-mixja ta’ tħejjija għall-ġrajja ta’ grazzja tal-Ġublew, u bi gratitudni nibgħat minn qalbi lilek u lill-kollaboraturi tiegħek il-Barka tiegħi.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 11 ta’ Frar 2022, Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard