Laikos

ITTRA APPOSTOLIKA

CANDOR LUCIS ÆTERNÆ

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIS-VII ĊENTINARJU MILL-MEWT

TA’ DANTE ALIGHIERI

Ġmiel ta’ Dawl etern, il-Verb ta’ Alla ħa l-ġisem mill-Verġni Marija meta hi wieġbet “hawn jien” għat-tħabbira tal-Anġlu (ara Lq 1:38). Il-jum li fih il-Liturġija tiċċelebra dan il-Misteru tal-għaġeb hu wkoll partikularment sinifikattiv għall-ġrajja storika u letterarja tal-kbir poeta Dante Alighieri, profeta tat-tama u xhud tal-għatx li hemm fil-qalb tal-bniedem għal dak li jibqa’ għal dejjem. F’dan l-anniversarju, għalhekk, nixtieq ningħaqad jiena wkoll mal-kor bla għadd ta’ dawk li jridu jagħtu ġieħ lit-tifkira tiegħu fis-VII Ċentinarju minn mewtu.

Fil-fatt, fil-25 ta’ Marzu, f’Firenze kienet tibda s-sena skont il-għadd ab Incarnatione. Din id-data, qrib l-ekwinozju tar-rebbiegħa u fid-dawl tal-Għid, kienet marbuta kemm mal-ħolqien tad-dinja u kemm mal-fidwa li ġab Kristu fuq is-salib, bidu ta’ ħolqien ġdid. Għalhekk, fid-dawl tal-Verb inkarnat, din tistedinna nikkontemplaw il-pjan ta’ mħabba li huwa l-istess qalba u għajn li nebbħet l-opra l-iżjed ċelebri tal-poeta, id-Divina Commedia, li fl-aħħar Canto tagħha l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni hi mfakkra minn San Bernard b’dawn il-versi ċelebri:

“Dak ġufek kien magħmul kenn għat-tiswira

ta’ dik l-imħabba li fid-dwiena sħana

tal-blanzun dwiemi seddqet it-tkattira” (Par. XXXIII, 7-9).*

Diġà fil-Purgatorio Dante rrappreżenta, imnaqqxa fuq sies kollu blat, ix-xena tat-Tħabbira (X, 34-37, 40-45).

Għalhekk ma jistax jonqos li, f’din iċ-ċirkustanza, leħen il-Knisja jissieħeb fit-tfakkira unanimi tal-bniedem u tal-poeta Dante Alighieri. Ħafna aħjar minn bosta oħrajn, hu għaraf jesprimi, bil-ġmiel tal-poeżija, il-profondità tal-misteru ta’ Alla u tal-imħabba. Il-poema tiegħu, espressjoni l-aktar għolja tal-ġenju uman, hija frott ta’ tnebbiħ ġdid u profond, li l-Poeta hu konxju tiegħu meta jitkellem fuqu bħala

“l-għanja tal-qdusija,

li fiha s-Sema w l-Art it-tnejn għenuni” (Par. XXV, 1-2).

B’din l-Ittra Appostlika nixtieq inxierek il-leħen tiegħi ma’ dak tal-Predeċessuri tiegħi li weġġħu u ċċelebraw lill-Poeta, partikularment fl-okkażjoni tal-anniversarji tat-twelid jew tal-mewt, u hekk nipproponih mill-ġdid għall-attenzjoni tal-Knisja, għall-universalità tal-fidili, għall-istudjużi tal-letteratura, għat-teologi, għall-artisti. Se nfakkar fil-qosor dawn l-interventi, u niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq il-Papiet tal-aħħar seklu u fuq id-dokumenti tagħhom ta’ ċerta importanza.

1. Il-kelmiet tal-Papiet Rumani tal-aħħar seklu dwar Dante Alighieri

Seklu ilu, fl-1921, fl-okkażjoni tas-VI Ċentinarju mill-mewt tal-Poeta, Benedittu XV, huwa u jiġbor l-ispunti li kienu ħarġu fil-Pontifikati ta’ qabel, partikularment ta’ Ljun XIII u San Piju X, fakkar l-anniversarju ta’ Dante kemm b’Ittra Enċiklika,[1] kemm billi ppromova l-ħidmiet ta’ restawr fil-Knisja ta’ San Pietru Maġġuri f’Ravenna, popolarment magħrufa bħala ta’ San Franġisk, fejn ġie ċċelebrat il-funeral ta’ Alighieri u fejn fl-oqbra tal-madwar ġie midfun. Il-Papa, wara li wera apprezzament għad-diversi inizjattivi li ttieħdu biex jissolennizzaw dak l-anniversarju, tenna l-jedd tal-Knisja, “li kienet omm tiegħu”, li tkun protagonista f’dawn it-tifkiriet, biex tweġġaħ lil Dante “tagħha”.[2] Diġà fl-Ittra lill-Arċisqof ta’ Ravenna, Mons. Pasquale Morganti, li miegħu approva l-programm taċ-ċelebrazzjonijiet ċentinarji, Benedittu XV ta din ir-raġuni għall-parteċipazzjoni tiegħu: “Barra minn hekk (u dan hu iżjed importanti) inżidu ċerta raġuni partikulari għaliex inħossu li għandna niċċelebraw l-anniversarju solenni tiegħu b’rikonoxxenza għażiża u bis-sehem sħiħ tal-poplu, għall-fatt li l-Alighieri hu tagħna. […] Fil-fatt, min jista’ jiċħad li Dante tagħna ħeġġeġ u saħħaħ il-fjamma tal-ġenju u l-virtù poetika tiegħu billi tnebbaħ mill-fidi Kattolika, tant li għanna f’poema kważi divina l-ogħla misteri tar-reliġjon?”.[3]

F’mument storiku mmarkat minn sentimenti ta’ ostilità għall-Knisja, il-Papa tenna, fl-Enċiklika msemmija, l-appartenenza tal-Poeta għall-Knisja, “l-għaqda intima ta’ Dante ma’ din il-Katedra ta’ Pietru”; anzi, stqarr li l-opra tiegħu, imqar jekk kienet espressjoni tal-“firxa wiesgħa tal-għaġeb u l-kobor tal-ġenju tiegħu”, kisbet “qabża qawwija ta’ tnebbiħ” proprju mill-fidi Nisranija. Għalhekk, kompla Benedittu XV, “fih għandna nammiraw mhux biss il-ġabra l-aktar għolja ta’ ħiliet, imma l-firxa wiesgħa ta’ argumenti li r-reliġjon divina offriet lill-għana tiegħu”. U nisiġlu l-eloġju, bi tweġiba indiretta għal dawk li kienu jiċħdu jew jikkritikaw l-għajn reliġjuża tal-opra tiegħu: “F’Alighieri hemm in-nifs tal-istess devozzjoni li hemm fina; il-fidi tiegħu għandha l-istess sentimenti. […] Dan huwa l-eloġju ewlieni tiegħu: li huwa poeta Nisrani u li għanna b’noti kważi divini l-ideali Nsara li tagħhom ikkontempla b’ruħu kollha l-ġmiel u l-għaxqa”. L-opra ta’ Dante – kompla l-Papa – hija eżempju elokwenti u validu biex “turi kemm mhux veru li l-qima tal-ħsieb u tal-qalb lejn Alla jliġġmu l-ġwienaħ tal-intelliġenza, meta fil-fatt tixprunaha u terfagħha ’l fuq”. Għaldaqstant, kompla saħaq il-Papa, “it-tagħlim li ħallielna Dante fl-opri kollha tiegħu, imma speċjalment fl-għanja triplika tiegħu” jista’ jservi “bħala gwida l-aktar valida għall-bnedmin ta’ żmienna” u partikularment għal studenti u studjużi, għax “hu, fin-nisġa tal-poema tiegħu, ma kellux għan ieħor ħlief li jerfa ’l fuq lill-bnedmin mill-istat ta’ miżerja, jiġifieri mid-dnub, u jwassalhom għall-istat tal-hena, jiġifieri tal-grazzja divina”.

Imbagħad, fis-VII Ċentinarju mit-twelid, fl-1965, jintrabtu flimkien id-diversi interventi ta’ San Pawlu VI. Fid-19 ta’ Settembru, hu rregala salib tad-deheb biex iżejjen it-tempju ċkejken ta’ Ravenna fejn hemm il-qabar ta’ Dante, li sa dakinhar kien għadu nieqes “minn sinjal bħal dan ta’ twemmin u ta’ tama”.[4] Fl-14 ta’ Novembru bagħat f’Firenze, biex tiġi ingastata fil-Battisteru ta’ San Ġwann, kuruna tar-rand dehbi. Fl-aħħar, fl-għeluq tal-ħidmiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, ried jagħti lill-Padri Konċiljari edizzjoni artistika tad-Divina Commedia. Imma fuq kollox weġġaħ it-tifkira tal-Ogħla Poeta bl-Ittra appostolika Altissimi cantus,[5] li fiha tenna r-rabta qawwija bejn il-Knisja u Dante Alighieri: “Li wieħed kellu jistaqsi, għaliex il-Knisja Kattolika, b’rieda tal-Kap viżibbli tagħha, għandha tant għal qalbha l-kultivazzjoni tal-memorja u ċ-ċelebrazzjoni tal-glorja tal-poeta minn Firenze, faċli tkun it-tweġiba tagħna: għax, b’jedd partikulari, Dante huwa tagħna! Tagħna, irridu ngħidu tal-fidi Kattolika, għax fih hemm in-nifs tal-imħabba għal Kristu; tagħna għax ħafna ħabbha lill-Knisja, li tagħha għanna l-glorji; u tagħna għax għaraf u qiem fil-Papa l-Vigarju ta’ Kristu”.

Imma dan id-dritt, kompla l-Papa, bogħod milli jawtorizza xi atteġġjamenti trijonfalistiċi, ifisser ukoll impenn: “Dante hu tagħna, nistgħu nerġgħu ntennu; u dan nistqarruh mhux biex nagħmlu minnu trofew ambizzjuż ta’ glorja egoista, imma iżjed biex infakkru lilna nfusna d-dmir li nagħrfuh bħala tali, u li nesploraw fl-opra tiegħu t-teżori bla tarf tal-ħsieb u tas-sentiment Nisrani, konvinti kif aħna li huwa biss min jinfed fir-ruħ reliġjuża tal-Poeta sovran li jista’ jifhem sal-qiegħ nett u jiggosta l-għana spiritwali meraviljuż tiegħu”. U dan l-impenn ma jeżentax lill-Knisja milli tilqa’ wkoll il-kelmiet ta’ kritika profetika mlissna mill-Poeta fil-konfront ta’ min suppost ħabbar il-Vanġelu u rrappreżenta mhux lilu nnifsu imma lil Kristu: “Jiddispjaċina nfakkru li l-leħen ta’ Dante ogħla aħrax u sever kontra iżjed minn Papa wieħed, u kellu ċanfir iebes għal istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u għal persuni li kienu ministri u rappreżentanti tal-Knisja”; madankollu, jidher ċar li “dawn l-atteġġjamenti mkabbrin qatt ma heżżu l-fidi ferma Kattolika tiegħu u r-rispett filjali tiegħu lejn il-Knisja mqaddsa”.

Allura Pawlu VI wera liema kienu l-karatteristiċi li jagħmlu mill-poema ta’ Dante għajn ta’ għana spiritwali li jista’ jlaħħaq miegħu kulħadd: “Il-Poema ta’ Dante hi universali: fil-wisa’ kbir tagħha, tħaddan sema u art, eternità u żmien, il-misteri ta’ Alla u l-ġrajjiet tal-bnedmin, it-tagħlim imqaddes u dak li jiġi mid-dawl tar-raġuni, it-tagħrif tal-esperjenza personali u t-tifkiriet tal-istorja”. Imma fuq kollox jindividwa l-finalità intrinsika tal-opra ta’ Dante u partikularment id-Divina Commedia, finalità mhux dejjem apprezzata u vvalutata b’mod ċar: “Il-fini tad-Divina Commedia hu primarjament prattiku u trasformanti. Mhix ippreżentata biss bħala xi ħaġa poetikament sabiħa u moralment tajba, imma li kapaċi tibdel lill-bniedem mill-għeruq u mid-diżordni twasslu għall-għerf, mid-dnub għall-qdusija, mill-miżerja għall-ferħ, mill-kontemplazzjoni tal-biża’ tal-infern għal dik tal-hena tal-ġenna”.

Il-Papa kellu għal qalbu, f’mument storiku mimli tensjonijiet ben il-popli, l-ideal tal-paċi, u fl-opra tal-Poeta kien isib riflessjoni prezzjuża biex jippromoviha u jqanqalha: “Din il-paċi bejn il-persuni, il-familji, in-nazzjonijiet, il-grupp tal-bnedmin, paċi interna u esterna, paċi individwali u pubblika, trankwillità tal-ordni, hi mġarrba u mheżża, għax ġew mirfusa l-pjetà u l-ġustizzja. U biex iroddu l-ordni u s-salvazzjoni huma msejħa jaħdmu f’armonija l-fidi u r-raġuni, Beatrice u Virġilju, is-Salib u l-Ajkla, il-Knisja u l-Imperu”. F’din il-linja allura hu ddefinixxa l-opra poetika fil-perspettiva tal-paċi: “Poema tal-paċi hi d-Divina Commedia: għanja kiebja tal-paċi għal dejjem mitlufa hu l-Inferno, għanja ħelwa tal-paċi ttamata hu l-Purgatorio, għanja tar-rebħa trijonfali ta’ paċi miksuba għal dejjem u b’mod sħiħ hu l-Paradiso”.

F’din il-perspettiva, kompla l-Papa, il-Commedia “hi l-poema tat-titjib soċjali fil-kisba ta’ libertà, li hi ħelsien mit-tjassir tal-ħażen, u li twassalna biex insibu u nħobbu lil Alla […] nistqarru umaniżmu, li l-kwalitajiet tiegħu nqisuhom biżżejjed ċari”. Imma Pawlu VI reġa’ saħaq liema kienu l-kwalitajiet tal-umaniżmu ta’ Dante: “F’Dante l-valuri umani (intellettwali, morali, affettivi, kulturali, ċivili) huma magħrufin, eżaltati; u dak li hu importanti ħafna li nsemmu, hu li dan l-apprezzament u unur iseħħ waqt li hu jogħdos fid-divin, meta l-kontemplazzjoni setgħet ixxejjen l-elementi ta’ din l-art”. Minn hawn bir-raġun jitwieled, jistqarr il-Papa, l-isem tal-Ogħla Poeta u d-definizzjoni ta’ divina lill-Commedia, kif ukoll il-proklamazzjoni ta’ Dante bħala “sinjur tal-ogħla għanja”, fl-incipit tal-Ittra appostolika nfisha.

Huwa u jkompli jgħarbel il-kwalitajiet straordinarji artistiċi u letterarji ta’ Dante, Pawlu VI saħaq fuq prinċipju li hu kemm-il darba kien stqarr: “It-teoloġija u l-filosofija għandhom mal-ġmiel relazzjoni oħra li hi din: li meta l-ġmiel jislef lid-duttrina l-libsa tiegħu u t-tiżjin tiegħu, bil-ħlewwa tal-għana u l-viżibbiltà tal-arti figurattiva u plastika, dan jiftaħ it-triq biex it-tagħlim prezzjuż jingħadda lil ħafna. Id-diskorsi għoljin, ir-raġunamenti sottili huma inaċċessibbli għaċ-ċkejknin, li huma ħafna, imma huma wkoll imġewħa għall-ħobż tal-verità: madankollu dawn ukoll iħossu u japprezzaw l-influwenza tal-ġmiel, u iktar b’mod faċli għalihom permezz ta’ din l-għodda l-verità tiddi quddiemhom u tgħajjixhom. Dan hu li fehem u għamel is-sinjur tal-ogħla għanja, li għalih il-ġmiel sar qaddej ta’ tjieba u verità, u t-tjieba materja ta’ ġmiel”. Fl-aħħar Pawlu VI jikkwota l-Commedia u jħeġġeġ lil kulħadd: “Weġġhu lill-ogħla poeta!” (Inf. IV, 80).

Minn Ġwanni Pawlu II, li iżjed minn darba fid-diskorsi tiegħu reġa’ qabad l-opri tal-Ogħla Poeta, nixtieq infakkar biss l-intervent tat-30 ta’ Mejju 1985 fl-inawgurazzjoni tal-wirja Dante in Vaticano. Huwa wkoll, bħal Pawlu VI, għafas fuq il-ġenjalità artistika tiegħu: l-opra ta’ Dante hi interpretata bħala “realtà vviżwalizzata, li titkellem dwar il-ħajja lil hemm mill-qabar u dwar il-misteru ta’ Alla bil-qawwa tal-ħsieb teoloġiku, ittrasfigurat mill-ġmiel tal-arti u tal-poeżija, marbuta flimkien”. Il-Papa mbagħad waqaf jistħarreġ terminu li hu muftieħ tal-opra ta’ Dante: “Li jmur lil hemm min-natura umana [trasumanare]. Dan kien l-ogħla sforz ta’ Dante: jagħmel mezz li t-toqol ta’ dak li hu tal-bniedem ma jeqridx id-divin li hemm fina, lanqas il-kobor tad-divin ma jġib fix-xejn il-valur ta’ dak li hu tal-bniedem. Għalhekk il-Poeta ġustament qara l-ħajja personali tiegħu u dik tal-umanità kollha minn lenti teoloġika”.

Benedittu XVI spiss reġa’ ppropona l-mixja ta’ Dante, billi silet mill-opri tiegħu spunti ta’ riflessjoni u ta’ meditazzjoni. Ngħidu aħna, meta tkellem dwar l-ewwel Enċiklika tiegħu Deus caritas est, telaq proprju mill-viżjoni li kellu Dante ta’ Alla, fejn “dawl u mħabba huma ħaġa waħda”, biex ippropona mill-ġdid riflessjoni tiegħu fuq il-karattru ġdid tal-opra ta’ Dante: “Il-ħarsa ta’ Dante tilmaħ xi ħaġa totalment ġdida […]. Id-Dawl etern jippreżenta ruħu fi tliet ċrieki li lejhom idur b’dawn il-versi kbar li nafu:

“Ja Dawl Dejjiem, li fik innifsek qiegħed,

li taf lilek innifsek, u bissiemi

ta’ mħabbtek int ix-xhud u lilna xxiehed!” (Par. XXXIII, 124-126).

Fir-realtà, iktar tal-għaġeb minn din ir-rivelazzjoni ta’ Alla bħala ċirku Trinitarju ta’ għarfien u ta’ mħabba hija l-perċezzjoni ta’ wiċċ uman – il-wiċċ ta’ Ġesù Kristu – li lil Dante jidhirlu fiċ-ċirku ċentrali tad-Dawl. […] Dan Alla għandu wiċċ ta’ bniedem u – nistgħu nżidu – qalb umana”.[6] Il-Papa wera l-oriġinalità tal-viżjoni ta’ Dante li fiha poetikament jurina l-karattru ġdid tal-esperjenza Nisranija, li toħroġ mill-misteru tal-Inkarazzjoni: “Il-ġdid ta’ mħabba li wasslet lil Alla jieħu wiċċ uman, anzi jieħu d-demm u l-laħam, il-bniedem sħiħ”.[7]

Min-naħa tiegħi, fl-ewwel Enċiklika, Lumen fidei,[8] għamilt riferenza għal Dante biex nesprimi d-dawl tal-fidi, meta kkwotajt vers mill-Paradiso li fiha hi mfissra bħala

“x-xrara,

li minni issa tleħħ bħal fjamma ħajja,

bħal kewkba ġewwa fija tkebbes ġmarha” (Par. XXIV, 145-147).

Għas-750 sena mit-twelid tal-Poeta, ridt inweġġaħ il-memorja tiegħu b’messaġġ, u nawgura li “l-figura tal-Alighieri u l-opra tiegħu jkunu mill-ġdid mifhuma u vvalorizzati”; u pproponejt li naqraw il-Commedia bħala “mixja kbira, anzi, bħala veru pellegrinaġġ, kemm personali u interjuri, kemm komunitarju, ekkleżjali, soċjali u storiku”; fil-fatt, “hi tirrappreżenta l-mudell ta’ kull vjaġġ awtentiku li fih l-umanità hi msejħa tħalli dik li Dante jiddefinixxi ‘l-art fejn tgħammar hekk ħruxija’ (Par. XXII, 151) biex tilħaq qagħda ġdida, immarkata mill-armonija, mill-paċi, mill-ferħ”.[9] Għalhekk, indikajt il-figura tal-Ogħla Poeta lin-nies ta’ żmienna, u pproponejtu bħala “profeta ta’ tama, ħabbâr tal-possibbiltà tal-fidwa, tal-ħelsien, tal-bidla profonda ta’ kull raġel u mara, tal-umanità kollha”.[10]

Fl-aħħar nett, meta lqajt għandi, fl-10 ta’ Ottubru 2020, id-Delegazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Ravenna-Cervia, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena ta’ Dante, u ħabbart dan id-dokument, osservajt kif l-opra ta’ Dante tista’ llum ukoll tagħni l-ħsieb u l-qalb ta’ ħafna, fuq kollox żgħażagħ, li meta jersqu lejn il-poeżija tiegħu “b’mod aċċessibbli għalihom, jiltaqgħu, minn naħa, inevitabbilment, mal-bogħod kollu tal-awtur u tad-dinja tiegħu minn żmienna; u madankollu, mill-oħra, iħossu bħal riżonanza sorprendenti”.[11]

2. Il-ħajja ta’ Dante Alighieri, mudell tal-qagħda umana

B’din l-Ittra appostolika nixtieq jien ukoll nersaq lejn il-ħajja u l-opra tal-Poeta illustri biex nifhem sewwasew din ir-riżonanza, u nuri kemm l-attwalità u kemm il-perennità tagħha, u biex nilqa’ dawk it-twissijiet u dawk ir-riflessjonijiet li llum ukoll għadhom essenzjali għall-umanità kollha, mhux biss għal min jemmen. L-opra ta’ Dante, fil-fatt, hija parti integrali mill-kultura tagħna, terġa’ teħodna lejn l-għeruq Insara tal-Ewropa u tal-Punent, tirrappreżenta l-wirt ta’ ideali u ta’ valuri li llum ukoll il-Knisja u s-soċjetà ċivili jipproponu bħala bażi għall-konvivenza umana, fejn nistgħu u għandna nħossuna lkoll aħwa. Mingħajr ma nidħol wisq fil-ġrajja kumplessa storika personali, politika u ġudizzjarja ta’ Alighieri, nixtieq infakkar biss xi mumenti u ġrajjiet ta’ ħajtu, li minħabba fihom hu jidher straordinarjament qrib ta’ tant min-nies ta’ żmienna u li huma essenzjali biex nifhmu l-opra tiegħu.

Mal-belt ta’ Firenze, fejn twieled fl-1265 u fejn iżżewweġ lil Gemma Donati u kellhom erba’ wlied, għall-ewwel kien marbut b’sens qawwi ta’ appartenenza li, imbagħad, minħabba t-tensjoni politika, maż-żmien inbidel fi ġlieda miftuħa. Madankollu, qatt ma naqset fih ix-xewqa li jirritorna, mhux biss minħabba r-rispett li xorta kompla juri għal beltu, imma fuq kollox biex ikun inkurunat poeta hemm fejn kien irċieva l-magħmudija u l-fidi (ara Par. XXV, 1-9). Fil-kitba ta’ ismu fuq xi Ittri tiegħu (III, V, VI u VII) Dante jgħid li hu “florentinus et exul inmeritus”, waqt li fit-XIII-il waħda, indirizzata lil Cangrande della Scala, jippreċiża “florentinus natione non moribus”. Gwelf tan-naħa l-bajda, hu sab ruħu involut fil-kunflitt bejn Gwelfi u Gibellini, bejn Gwelfi bojod u suwed, u wara li ħaddan karigi pubbliċi dejjem iżjed importanti, sa ma sar Prijur, minħabba l-ġrajjiet politiċi ostili, fl-1302, ġie eżiljat għal sentejn, ipprojbit li jieħu uffiċċji pubbliċi u kkundannat iħallas multa. Dante rrifjuta l-verdett li deherlu inġust, u l-ġudizzju fil-konfront tiegħu ħrax iżjed: eżilju għal dejjem, l-ikkonfiskar tal-ġid u l-kundanna għall-mewt f’każ ta’ ritorn fil-patrija. U hekk bdiet il-ġrajja doloruża ta’ Dante, li għalxejn ipprova jirritorna fil-maħbuba tiegħu Firenze, li għaliha kien issielet b’passjoni.

U hekk hu sar l-eżiljat, il-“pellegrin imħasseb”, li spiċċa f’qagħda ta’ “faqar doloruż” (Convivio, I, III, 5) li wasslu biex ifittex kenn u ħarsien għand xi sinjoriji lokali, fosthom l-iScaligeri ta’ Verona u l-Malaspina f’Linigiana. Fi kliem Cacciaguida, antenat tal-Poeta, naqraw l-imrar u t-tbatija ta’ din il-qagħda ġdida:

“Kull ħaġa li għal qalbek hi għażiża

għad tħalli wrajk; għalik hekk minn watarha

minn tal-eżilju ttir l-ewwel tingiża.

B’tiġriba l-aktar morra int għad tara

kemm huwa mielaħ ħobż in-nies barrana,

fit-tlugħ u nżul tarġithom kemm għabbara” (Par. XVII, 55-60).

Meta mbagħad ma aċċettax il-kundizzjonijiet umiljanti ta’ amnestija li kienet se tippermettilu jerġa’ jidħol Firenze, fl-1315 ġie kkundannat mill-ġdid għall-mewt, din id-darba flimkien ma’ wliedu adolexxenti. L-aħħar tappa tal-eżilju tiegħu kienet Ravenna, fejn ġie milqugħ minn Guido Novello da Polenta, u fejn miet, wara li rritorna minn missjoni f’Venezja, fl-età ta’ 56 sena, fil-lejl bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru 1321. Id-difna tiegħu f’San Pietru Maġġuri, għall-kenn tal-ħajt ta’ barra tal-kjostru antik Franġiskan, imbagħad ġiet ittrasferita fit-tempju ċkejken tas-seklu tmintax maġenbu, fejn, wara ġrajjiet imqallba, fl-1865 reġgħu tqiegħdu l-fdalijiet tiegħu. Il-post għadu sal-lum jiġbed għadd bla qies ta’ viżitaturi u ammiraturi tal-Ogħla Poeta, missier il-lingwa u l-letteratura Taljana.

Fl-eżilju, l-imħabba għal beltu, ittraduta mill-“Fjorentini wisq xellerati” (Ep. VI, 1), inbidlet f’nostalġija kiebja. Id-delużjoni profonda għat-tifrik tal-ideali politiċi u ċivili tiegħu, flimkien mal-ġiri doloruż tiegħu minn belt għall-oħra jfittex kenn u għajnuna, mhumiex barranin għall-opra letterarja u poetika tiegħu, anzi huma l-għeruq essenzjali u r-raġunijiet profondi tagħha. Meta Dante jfisser il-pellegrini li jibdew mexjin biex iżuru l-imkejjen imqaddsa, b’xi mod qed jirrapreżenta l-qagħda ta’ ħajtu u juri l-iktar sentimenti intimi tiegħu: “O pellegrini li mgħaddsa fil-ħsieb timxu…” (Vita Nova, 29 [XL (XLI), 9], v. 1). Ir-raġuni tirritorna iżjed minn darba, bħal fil-vers tal-Purgatorio:

“Bħal nies imħassba, lura idawruhom

għajnejhom, bla ma l-mixja iwaqqfuha,

’mma jħaffu xħin nies ma jafux jilħquhom” (XXIII, 16-18).

Il-malinkonija li tmisslek qalbek ta’ Dante pellegrin u eżiljat naqrawha wkoll fil-versi ċelebri tal-Canto VIII tal-Purgatorio:

“Kienet is-siegħa li mill-ġdid treġġagħhom

lejn darhom lill-baħħara, li sogħbiena

kellhom jinfirdu mill-maħbubin tagħhom” (VIII, 1-3).

Dante, huwa u jirrifletti profondament fuq il-qagħda personali tiegħu fl-eżilju, ta’ inċertezza radikali, ta’ dgħufija, ta’ ċaqliq kontinwu, jibdilha, billi jgħolliha, f’mudell tal-qagħda umana, li tippreżenta ruħha bħala mixja, interjuri qabel ma hi esterjuri, li ma tehdiex sa ma tasal fid-destinazzjoni tagħha. U hekk insibu ruħna f’żewġ temi fundamentali tal-opra kollha ta’ Dante: il-punt tat-tluq ta’ kull mixja eżistenzjali, ix-xewqa, li tinsab fil-qalb tal-bniedem, u l-punt tal-wasla, il-ferħ, li trodd id-dehra tal-Imħabba li hu Alla.

L-Ogħla Poeta, imqar jekk jgħaddi minn ġrajjiet drammatiċi, ta’ diqa u wġigħ kbir, qatt ma jirrassenja ruħu, ma jċedix, ma jaċċettax li jifga x-xenqa għall-milja u għall-ferħ li hemm fil-qalb tiegħu, wisq inqas jirrassenja ruħu li jċedi għall-inġustizzja, għall-ipokrezija, għall-arroganza tal-poter, għall-egoiżmu li jagħmel mid-dinja tagħna “l-art fejn tgħammar hekk ħruxija” (Par. XXII, 151).

3. Il-missjoni tal-Poeta, profeta tat-tama

Għalhekk, Dante, waqt li fuq kollox jaqra ħajtu fid-dawl tal-fidi, jiskopri wkoll il-vokazzjoni u l-missjoni fdati lilu, fejn, paradossalment, minn bniedem li jidher fallut u deluż, midneb u qalbu maqtugħa, jinbidel fi profeta ta’ tama. Fl-Epistola lil Cangrande della Scala jiċċara, bi trasparenza tal-għaġeb, l-għan tal-opra tiegħu, li jiġi spjegat u mwettaq mhux iżjed permezz ta’ azzjonijiet politiċi jew militari imma grazzi għall-poeżija, għall-arti tal-kelma li, indirizzata lil kulħadd, kollox tista’ tibdel: “Jeħtieġ ngħidu fil-qosor li l-għan ta’ kollox u tal-parti hu li lil dawk li qed jgħixu din il-ħajja naqilgħuhom minn stat ta’ miżerja u nwassluhom għal stat ta’ kuntentizza” (XIII, 39 [15]). Dan l-għan iwassal għal mixja ta’ ħelsien minn kull xorta ta’ miżerja u ta’ tifrik uman (il-“bosk mudlam”) u fl-istess waqt juri x’inhi d-destinazzjoni finali: il-ferħ, mifhum kemm bħala milja tal-ħajja fl-istorja u kemm bħala t-tgawdija eterna f’Alla.

Ta’ dan l-għan doppju, ta’ dan il-programm qalbieni ta’ ħajja, Dante hu messaġġier, profeta u xhud, imwettaq fil-missjoni tiegħu minn Beatrice:

“Għalhekk, biex tgħin lid-dinja fil-buffuri

żomm ħarstek fuq il-karru, w xħin tinħeja

minn dan il-vjaġġ, ħożż kulma lilek turi” (Purg. XXXII, 103-105).

Anki Cacciaguida, antenat tiegħu, iħeġġu biex ma jmurx lura mill-missjoni tiegħu. Lill-Poeta, li jfakkar fil-qosor il-mixja tiegħu fit-tliet saltniet tal-ħajja lil hemm minn din, u li jifhem id-diffikultajiet biex jikkomunika dawk il-veritajiet li jweġġgħu, li huma skomdi, l-antenat illustri tiegħu jirribattilu:

“Fis-sewwa, il-ġewwiena

li taf għemejjel ħżiena tedha fihom,

għal kliemek se’ tinqaras mingħajr ħniena;

Int ħwejjeġ bogħ’d mis-sew il-ġenb agħtihom;

id-dehra tiegħek bla tixkil uriha,

u fejn jinqarsu, jħokku n-nies ħallihom” (Par. XVII, 124-129).

Tħeġġiġa identika biex jgħix bil-kuraġġ il-missjoni profetika tiegħu lil Dante fil-Paradiso jagħmilhielu San Pietru, hemm fejn l-Appostlu, wara diskors tremend ta’ akkuża kontra Bonifaċju VIII, hekk jgħidlu lill-Poeta:

“U inti, ibni, li b’dik it-tagħbija

trid terġa’ lejn id-dinja, tagħrif agħti

dwar dawk il-ħwejjeġ li ma nżommx moħbija” (XXVII, 64-66).

Fil-missjoni profetika ta’ Dante allura jidħlu wkoll il-kundanna u l-kritika fil-konfront ta’ dawk in-nies tat-twemmin, kemm Papiet u kemm sempliċi fidili, li jittradixxu l-fidi fi Kristu u jibdlu l-Knisja fi strument għall-interessi tagħhom, għax jinsew l-ispirtu tal-Beatitudnijiet u l-imħabba lejn iċ-ċkejknin u l-foqra u minflok jaduraw il-poter u l-għana:

“Kull ġid li l-Knisja msejħa ħarsien tagħti

hu biss ta’ dawk li jitolbuh f’ġieħ Alla,

mhux ta’ xi għaqda rħieb jew tal-prelati” (Par. XXII, 82-84).

Imma permezz tal-kelmiet ta’ San Pietru Damiani, ta’ San Benedittu u ta’ San Pietru, il-Poeta, waqt li jikkundanna l-korruzzjoni ta’ xi oqsma tal-Knisja, isir il-portavuċi ta’ tiġdid qawwi u jsejjaħ il-Providenza biex tgħin u tagħmel possibbli dan it-tiġdid:

“’Mma l-Ħsieb, li darba minn Xipjun qalbieni

għal Ruma ġab is-sebħ tal-art dinjija,

ħafif l-għajnuna jagħti fil-ġejjieni” (Par. XXVII, 61-63).

Dante, eżiljat, pellegrin, dgħajjef, imma issa b’saħħtu fl-esperjenza profonda u intima li bidlitu, imwieled mill-ġdid grazzi għall-viżjoni li mill-qiegħ tal-infern, mill-kundizzjoni umana l-iżjed miskina, għollietu għad-dehra ta’ Alla nnifsu, jogħla allura bħala messaġġier ta’ ħajja ġdida, bħala profeta ta’ umanità ġdida mxennqa għall-paċi u għall-hena.

4. Dante għannej tax-xewqa tal-bniedem

Dante jaf jaqra fil-qalba tal-qalb umana u f’kulħadd, anki fil-figuri l-iżjed mistmerra u inkwetanti, jaf jilmaħ xrara ta’ xewqa biex jilħqu xi ftit ferħ, milja ta’ ħajja. Hu jieqaf biex jisma’ l-erwieħ li magħhom jiltaqa’, jiddjaloga magħhom, jistaqsihom biex isir ħaġa waħda u jieħu sehem fit-turmenti tagħhom jew inkella fil-ferħ tagħhom. Il-Poeta, ibda mill-qagħda personali tiegħu, hekk isir interpretu tax-xewqa ta’ kull bniedem li jibqa’ miexi ’l quddiem fit-triq sa ma jilħaq il-port aħħari, sa ma jkun sab il-verità, it-tweġiba għall-għaliex tal-ħajja, sa ma, kif diġà kien stqarr Santu Wistin,[12] il-qalb issib serħan u sliem f’Alla.

Fil-Convivio janalizza sewwasew id-dinamiżmu tax-xewqa: “L-ogħla xewqa ta’ kull ħaġa, u li tagħti l-ewwel in-natura, hi li terġa’ lura għall-għajn tagħha. U billi Alla hu l-għajn tar-ruħ tagħna […], din ir-ruħ tixtieq fuq kull ħaġa oħra terġa’ lura lejh. Bħal pellegrin li jivvjaġġa fi triq li qatt ma mexa qabel, u kull dar li mill-bogħod jara jaħsibha l-lukanda, u meta jsib li ma hix hekk, idawwar il-fidi tiegħu għal fuq oħra, u hekk jibqa’ sejjer minn dar għall-oħra, sa ma jasal fil-lukanda; hekk ir-ruħ tagħna, malli tmidd passejha fil-mixja ġdida tat-triq ta’ din il-ħajja li qatt ma tkun rifset qabel, tixħet ħarsitha lejn l-għan tal-ogħla ġid tagħha, imma, kull ħaġa li tara tixbah fid-dehra lil dan il-ġid, taħsbu hu” (IV, XII, 14-15).

Il-mixja ta’ Dante, partikularment dik li turina d-Divina Commedia, hi tabilħaqq il-mixja tax-xewqa, tal-ħtieġa qawwija u ġewwenija li jibdel ħajtu biex jista’ jilħaq l-hena u hekk juri t-triq tagħha lil min sab ruħu, bħalu, f’“bosk mudlam” u tilef “it-triq it-tajba”. Barra minn hekk, jidher sinifikattiv li, sa mill-ewwel tappa ta’ din il-mixja, il-gwida tiegħu, il-poeta kbir Latin Virġilju, jurih id-destinazzjoni li jrid jilħaq, jixprunah biex ma jċedix għall-biża’ u taħt l-għeja:

“Iżd’int għax rieġa’ lura f’diqa hekk kbira?

Għax l-għolja ma titlax bil-ferħ mimlija,

il-bidu ta’ kull hena w kull tisbira?” (Inf. I, 76-78).

5. Poeta tal-ħniena ta’ Alla u tal-libertà umana

Din mhijiex xi mixja illużorja jew utopika imma waħda realistika u possibbli, fejn kulħadd jista’ jidħol, għax il-ħniena ta’ Alla toffri dejjem il-possibbiltà tal-bidla, tal-konverżjoni, biex wieħed jerġa’ jsib ruħu fit-triq lejn il-ferħ. Hawnhekk, huma sinifikattivi xi episodji u persunaġġi mill-Commedia, li juru kif ħadd fuq din l-art ma hu eskluż minn din it-triq. Hekk, ngħidu aħna, l-Imperatur Trajanu, pagan imma nsibuh fil-Ġenna. Hekk Dante jiġġustifika din il-preżenza:

“Is-saltna tas-smewwiet iddub għad-dnewwa

ta’ nar l-imħabba u tat-tama ħajja,

li jirbħu r-rieda t’Alla bl-akbar ħlewwa;

mhux bħalma bniedem m’ieħor; ma titlajja

tintrebaħ, mill-imħabba tas-Setgħani

mirbuħa, li ma jafx tat-telfa l-ġrajja” (Par. XX, 94-99).

Il-ġest ta’ karità ta’ Trajanu ma’ “armla” (45), jew il-“farrett żgħir” ta’ ndiema mxerred fil-punt tal-mewt minn Buonconte da Montefeltro (Purg. V, 107), mhux biss juru l-ħniena bla tarf ta’ Alla, imma jikkonfermaw li l-bniedem jista’ dejjem jagħżel, bil-libertà tiegħu, liema triq jimxi u liema xorti jimmerita.

F’dan id-dawl, sinifikattiv huwa r-Re Manfredi, li Dante jqiegħdu fil-Purgatorju, li hekk jiftakar fit-tmiem tiegħu u l-verdett divin:

“Xħin ġismi qala’ żewġ daqqiet mewtija,

raddejt bid-dmugħ f’għajnejja r-ruħ ħarrieba

lil Dak li ferħu l-ħniena waħdanija.

Dnubieti kienu ħorox, iżda t-Tjieba

bla qies taf tilqa’ fit-tgħanniq wesgħani

taż-żewġ dirgħajn lil min ifittex biebha” (Purg. III, 118-123).

Donna kważi qed nilmħu quddiemna l-figura tal-missier tal-parabbola tal-Vanġelu, b’dirgħajh miftuħa lest biex jilqa’ l-iben il-ħali li jerġa’ lura għandu (ara Lq 15:11-32).

Dante jsir paladin tad-dinjità ta’ kull bniedem u tal-libertà bħala kundizzjoni fundamentali kemm tal-għażliet tal-ħajja u kemm tal-istess fidi. Id-destin etern tal-bniedem – jissuġġerixxi Dante hu u jirrakkontalna l-istejjer ta’ tant persunaġġi, illustri jew ftit li xejn magħrufa – jiddependi mill-għażliet tiegħu, mil-libertà tiegħu: anki l-ġesti ta’ kuljum u li jidhru insinifikanti għandhom importanza li tmur lil hemm miż-żmien, huma indirizzati lejn id-dimensjoni eterna. L-ogħla don ta’ Alla lill-bniedem biex jista’ jilħaq id-destinazzjoni aħħarija hi proprju l-libertà, kif tistqarr Beatrice:

“Il-akbar don li Alla fi tjubitu,

xħin ħalaq kollox, b’għożża waħdanija,

u l-aktar qrib imfassal fuq suritu,

kien il-ħelsien tar-rieda” (Par. V, 19-22).

Ma humiex stqarrijiet rettoriċi jew vagi dawn, għax ħerġin mill-ħajja ta’ min jaf x’inhu l-prezz tal-libertà:

“hu jfittex il-ħelsien; kemm hi għażiża

di’ l-kelma jaf min ħajtu jtemm għaliha” (Purg. I, 71-72).

Imma l-libertà, ifakkarna Alighieri, mhijiex fini fih innifsu, hi kundizzjoni biex dejjem nitilgħu iżjed, u l-mixja fit-tliet saltniet turina b’mod ċar proprju dan it-tlugħ, sa ma mmissu s-Sema, sa ma nilħqu l-milja tal-ferħ. Ix-“xewqa” (Par. XXII, 61), imqanqla mil-libertà, ma tistax tkun maqtugħa jekk mhux quddiem id-destinazzjoni finali, l-aħħar dehra, il-beatitudni:

“U jien, li issa aktar qrib lejn għajni

kont qiegħed dejjem nersaq, sal-ġewwieni

ta’ ruħi qtajt tax-xewqa l-ħruq għatxani” (Par. XXXIII, 46-48).

Ix-xewqa mbagħad issir ukoll talba, supplika, interċessjoni, għanja li ssieħeb u timmarka l-mixja ta’ Dante, l-istess kif it-talba liturġika timmarka s-sigħat u l-waqtiet tal-ġurnata. Il-parafrażi tal-Missierna li jipproponi l-Poeta (ara Purg. XI, 1-21) tinseġ it-test evanġeliku bil-ħajja personali, bid-diffikultajiet u t-tbatijiet tagħha:

“Ħa tiġi s-Saltna tiegħek bis-sliem tagħha,

jekk hija ma tiġix, fit-triq nimxulha

bil-ħila tagħna aħna m’għandniex saħħa.

[…]

Illum agħtina ta’ kuljum il-manna;

mingħajrha min iħaffef fit-trażżina

f’din it-triq fiergħa lura jmur imqanna” (7-9, 13-15).

Il-libertà ta’ min jemmen f’Alla bħala Missier ħanin, ma tistax ħlief tafda fih fit-talb, li mhux biss ma jagħmlilhiex l-iċken ħsara, imma jsaħħaħha.

6. Ix-xbieha tal-bniedem fil-viżjoni ta’ Alla

Fil-mixja tal-Commedia, kif diġà saħaq il-Papa Benedittu XVI, it-triq tal-libertà u tax-xewqa ma ġġibx magħha, kif forsi wieħed jista’ jimmaġina, xi tfaqqir tal-bniedem fil-konkretezza tiegħu, ma taljenax il-persuna minnha nfisha, ma tneħħix jew tinjora dak li sawwar l-eżistenza storika tagħha. Fil-fatt, saħansitra fil-Paradiso, Dante jġib il-beati – “liebsa l-abjad” (XXX, 129) – fl-aspett korporju tagħhom, jevoka mill-ġdid l-affetti u l-emozzjonijiet tagħhom, il-ħarsiet u l-ġesti tagħhom, jurina, f’kelma waħda, l-umanità fil-perfezzjoni sħiħa tagħha fir-ruħ u l-ġisem, prefigurazzjoni tal-qawmien tal-ġisem mill-imwiet. San Bernard, li jsieħeb lil Dante fl-aħħar parti tal-mixja, juri lill-Poeta t-tfal preżenti fil-warda tal-beati u jistiednu josservahom u jismagħhom:

“Issamma’ ftit kemm l-ilħna tagħhom huma

rqajqin; għarrex u tat-tfulija l-ħlewwa

int tara sew fuq dawk l-uċuħ mibruma” (XXXII, 46-48).

Jidher kommoventi kif din id-dehra tal-beati fl-umanità sħiħa tagħhom kollha mdawla hi mmotivata mhux biss minn sentimenti ta’ affett għall-għeżież tagħhom, imma fuq kollox mix-xewqa espliċita li jerġgħu jaraw il-ġisem tagħhom, kif kienu jidhru fuq din l-art:

“biex jilqgħu lura l-fdalijiet midfuna;

mhux biss għalihom, għal missirijiethom,

għal ommijiethom, dawk fil-qalb minquxa

qabel nirien dejjiema sfaw suriethom” (XIV, 63-66).

U fl-aħħar nett, fiċ-ċentru tal-viżjoni aħħarija, fil-laqgħa mal-Misteru tat-Trinità Qaddisa, Dante jilmaħ sewwasew Wiċċ ta’ bniedem, dak ta’ Kristu, tal-Kelma eterna li saret laħam fil-ġuf ta’ Marija:

“Dak id-dawl kbir, f’baħħ is-sustanza pura,

tliet sferi wrieni, minn xulxin milwiena,

u f’wesgħa waħda ma’ xulxin miġbura;

[…]

L-isfera tiddi illi rajt quddiemi,

riflessa fik bħad-dawl ġej minn ġo fiha

war’ li ħarist kont fuqha għal waqt diemi,

bħal dehret fiha nfisha, w mingħalija,

bix-xbieha tagħna mnaqqxa” (XXXIII, 115-117, 127-131).

Fil-visio Dei biss ix-xewqa tal-bniedem issib it-temma tagħha u ttemm it-taħbit tal-mixja tagħha:

“fuq il-fehma leħħa ’ddiet qawwija,

biex f’daqqa x-xewqa tagħha iddawlilha.

Hawn tilfet ħiltha l-ogħla fantasija” (140-142).

Il-misteru tal-Inkarnazzjoni, li llum qed niċċelebraw, huwa l-veru ċentru li jnebbaħ il-poema kollha kif ukoll il-qalba essenzjali tagħha. Fih iseħħ dik li Missirijiet il-Knisja kienu jsejħulha “divinizzazzjoni”, l-admirabile commercium, il-qsim tal-għaġeb li fih, waqt li Alla jidħol fl-istorja tagħna u jieħu l-ġisem, il-bniedem, bil-ġisem tiegħu, jista’ jidħol fir-realtà divina, issimbolizzata mill-warda tal-beati. L-umanità, fil-konkretezza tagħha, bil-ġesti u l-kliem ta’ kuljum, bl-intelliġenza tagħha u l-imħabbiet tagħha, bil-ġisem u l-emozzjonijiet, titgħolla f’Alla, li fih issib il-veru ferħ u l-milja sħiħa u aħħarija, destinazzjoni tal-mixja kollha tagħha. Dante kien xtaq u ppreveda din id-destinazzjoni fil-bidu tal-Paradiso:

“Kemm għandha l-ħeġġa tagħna tkun ħerqana

sabiex naraw lil Dak, li mħabbtu lejna

naturet Alla għaqqdet ma’ dik tagħna!

Li nemmnu hawn hemmhekk narawh b’għajnejna;

mhux muri, iżda juri nnifsu ’mmela,

bħas-sewwa li magħruf qatt ma merejna” (II, 40-45).

7. It-tliet nisa tal-Commedia: Marija, Beatrice, Luċija

Huwa u jgħanni l-misteru tal-Inkarnazzjoni, għajn ta’ salvazzjoni u ta’ ferħ għall-bnedmin kollha, Dante ma jistax ma jgħannix il-ġieħ ta’ Marija, il-Verġni Omm li, bl-“iva” tagħha, bl-akkoljenza sħiħa u totali tagħha tal-pjan ta’ Alla, tagħmilha possibbli li l-Verb isir laħam. Fl-opra ta’ Dante nsibu trattat sabiħ ta’ Marjoloġija: b’daqqiet liriċi mill-aktar għolja, partikolarment fit-talba mlissna minn San Bernard, hu jiġbor fil-qosor ir-riflessjoni kollha teoloġika fuq Marija u fuq is-sehem tagħha fil-misteru ta’ Alla:

“Xebba u Omm, il-Bint tal-Iben tiegħek,

imkejna w għolja fuq kull kreatura,

fil-Ħsieb Dejjiem ta’ x’kellu isir miegħek,

int hija dik li minnek in-natura

tal-bniedem saret hekk sabiħa w kbira

li ma stmerrx il-Ħallieq jeħdilha s-sura” (Par. XXXIII, 1-6).

L-ossimoro tal-bidu u mbagħad it-termini antitetiċi li jsegwu juru l-oriġinalità tal-figura ta’ Marija, il-ġmiel waħdieni tagħha.

Dejjem San Bernard, huwa u juri lill-beati miġbura fil-warda mistika, jistieden lil Dante jikkontempla lil Marija, li tat il-karatteristiċi umani lill-Verb Inkarnat:

“Lejn dak il-wiċċ fix-xebh l-eqreb lejn Kristu

int issa ħares; b’dawlu biss milħuqa

tista’ tkun xewqtek sabiex tara ’l Kristu” (Par. XXXII, 85-87).

Il-misteru tal-Inkarnazzjoni mill-ġdid hu evokat mill-preżenza tal-Arkanġlu Gabrijel. Dante jistaqsi lil San Bernard:

“Liema hu dak l-anġlu li daqshekk ferħani

fuq għajnejn Sidtna ħbub għajnejh jirtogħ’du

bi mħabba li fih tkebbes nar għaxqani?” (103-105);

u dak iwieġbu:

“Għax lil Marija l-palma dak wasslilha

meta Bin Alla artu mar ħallieha

bit-toqla ta’ ġisimna għalih jagħżilha” (112-114).

Ir-riferiment għal Marija hu kostanti tul id-Divina Commedia kollha. Matul il-mixja fil-Purgatorio, hija l-mudell tal-virtujiet li jeħduha kontra l-vizzji; hija l-kewkba ta’ filgħodu li tgħinna noħorġu mill-bosk mudlam biex nimxu lejn il-muntanja ta’ Alla; hija l-preżenza kostanti, permezz tal-invokazzjoni tagħha –  “ħoss isem il-blanzun ifuħ u għani, / li nfaħħru lejh u nhar” (Par. XXIII, 88-89) – li tħejji għal-laqgħa ma’ Kristu u mal-misteru ta’ Alla.

Dante, li qatt ma hu waħdu fil-mixja tiegħu, imma jħalli jmexxih lil Virġilju, simbolu tar-raġuni umana, u mbagħad lil Beatrice u lil San Bernard, issa, grazzi għall-interċessjoni ta’ Marija, jista’ jasal fil-patrija u jiggosta l-ferħ sħiħ mixtieq f’kull waqt tal-ħajja:

“għadni nħoss il-għasli meraq

li f’ruħi marret sal-għeruq twassalli” (Par. XXXIII, 62-63).

Waħidna ma nistgħux insalvaw, donnu jrid itennilna l-Poeta, għax jaf sew bl-insuffiċjenza tiegħu:

            “Mhux b’ħilti qed niġġerra” (Inf. X, 61).

Hemm bżonn li l-mixja ssir fil-kumpanija ta’ min jista’ jweżinna u jmexxina b’għerf u prudenza.

Tidher sinifikattiva f’dan il-kuntest il-preżenza femminili. Fil-bidu tal-mixja kollha taħbit, Virġilju, l-ewwel gwida, ifarraġ u jħeġġeġ lil Dante biex jibqa’ miexi għax hemm tliet nisa li sa jinterċedu għalih u jmexxuh: Marija, Omm Alla, figura tal-imħabba; Beatrice, simbolu tat-tama; Santa Luċija, xbieha tal-fidi. Hekk, bi kliem li jqanqal, tippreżenta ruħha Beatrice:

“Jien Beatrice illi qed nibagħtek;

minn fejn nixtieq li nerġa’ lura ġejja:

ġabitni mħabbti nkellmek hawn, f’naħatek” (Inf. II, 70-72),

u tistqarr li l-għajn waħdieni li tista’ tagħtina s-salvazzjoni hi dik tal-imħabba, l-imħabba divina li tittrasfigura l-imħabba umana. Beatrice mbagħad tibgħatna għall-interċessjoni ta’ mara oħra, il-Verġni Marija:

“Fis-sema hemm mara ħelwa, li mogħdrija

għal da’ t-tfixkil fejn bgħattek tħoss ġo fiha,

hekk li hemm fuq ħaqq tnaqqas fl-ebusija” (94-96).

U hawn tindaħal Luċija, li ddur fuq Beatrice:

“Beatrice, foħra t’Alla,

ma tgħinx lil min bi mħabba hekk qawwija

ħabbek, ’l għalik lill-kotra l-baxxa ħalla?” (103-105).

Dante jaf li huwa biss min hu mqanqal mill-imħabba li jista’ jweżinna fil-mixja u jwassalna għas-salvazzjoni, għat-tiġdid tal-ħajja u allura għall-ferħ.

8. Franġisku, għarus ta’ Madonna Povertà

Fil-warda bajda tal-beati, li fil-qalba tagħha tiddi l-figura ta’ Marija, Dante jqiegħed ukoll għadd ta’ qaddisin, li jżur il-ħajja u l-missjoni tagħhom, biex jipproponihom bħala figuri li, fil-konkretezza ta’ ħajjithom u anki permezz tal-għadd kbir ta’ provi, laħqu l-għan tal-ħajja tagħhom u tal-vokazzjoni tagħhom. Se nsemmi fil-qosor biss dik ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li tidher fil-Canto XI tal-Paradiso, fejn nisimgħu dwar l-ispirti għarfa.

Hemm sintonija profonda bejn San Franġisk u Dante: l-ewwel, flimkien mas-segwaċi tiegħu, ħareġ mill-kjostru, mar qalb in-nies, fit-toroq tal-irħula u l-ibliet, jipprietka lill-poplu, jieqaf fid-djar; it-tieni għamel l-għażla, li f’dak iż-żmien ma kinitx tinftiehem, li juża għall-poema kbira dwar il-ħajja l-oħra l-lingwa ta’ kulħadd u jimla r-rakkont tiegħu b’persunaġġi magħrufa u inqas magħrufa, imma kollha ugwali fid-dinjità mas-setgħanin tal-art. Hemm aspett ieħor komuni bejn iż-żewġ persunaġġi: il-ftuħ għall-ġmiel u għall-valur tad-dinja tal-ħlejjaq, mera u “turija” tal-Ħallieq tagħha. Kif nistgħu ma nagħrfux f’dak il-“jitqaddes l-isem tiegħek hekk qawwieni / minn kull maħluq” tal-parafrażi li Dante jagħtina tal-Missierna (Purg. XI, 4-5) riferiment għall-Għanja tal-ħlejjaq ta’ San Franġisk?

Fil-XI-il Canto tal-Paradiso din it-tqabbil tidher f’aspett ġdid, li jagħmilhom iktar jixxiebhu. Il-qdusija u l-għerf ta’ Franġisku jispikkaw proprju għaliex Dante, meta jħares mis-sema lejn l-art tagħna, jilmaħ kemm hu msejken min jafda fil-ġid ta’ din l-art:

“Ja bnedmin boloh fil-frugħat medhija!

Kemm raġunar ħażin itaqqal sewwa

il-ġwienaħ tagħkom bil-bluhat dinjija!” (1-3).

L-istorja kollha jew, aħjar, il-“ħajja tal-għaġeb” tal-qaddis hi msejsa fuq ir-relazzjoni pprivileġġjata tiegħu ma’ Madonna Povertà:

“’Mma ħalli di’ t-titrifa tkun mifhuma,

af li ġrajjet l-imħabba ewlenija

mill-Povertà u minn Franġisk maħduma” (73-75).

Fil-kantiku ta’ San Franġisk insibu mfakkra l-mumenti ewlenin ta’ ħajtu, it-tiġrib li għadda minnu, u fl-aħħar nett il-ġrajja li fiha t-twaħħid tiegħu ma’ Kristu, fqir u msallab, isib l-ogħla konferma divina fl-għoti tal-pjagi:

“U għax lil dawn in-nies sab mhux misjura

għall-fidi, u hemm jibqa’ lanqas sata’,

biex jaħsad ġol-Italja kien ġie lura.

Hemm bejn it-Tevere u l-Arno nqata’

għalih, u ħa m’għand Kristu l-għelm aħħari,

li l-weġgħa tiegħu sentejn sħaħ laqqatha” (103-108).

9. Nilqgħu x-xhieda ta’ Dante Alighieri

Fi tmiem din il-ħarsa fil-qosor lejn l-opra ta’ Dante Alighieri, minjiera kważi infinita ta’ għerf, ta’ esperjenzi, ta’ kunsiderazzjonijiet f’kull qasam tat-tiftix uman, bilfors irridu nagħmlu din ir-riflessjoni. L-għana tal-figuri, tar-rakkonti, tas-simboli, ta’ xbihat suġġestivi u attraenti li Dante jipproponilna bla dubju jqanqal sens ta’ ammirazzjoni, ta’ għoġba, ta’ gratitudni. Fih nistgħu kważi naraw prekursur tal-kultura multimedjali tagħna, fejn kliem u xbihat, simboli u ħsejjes, poeżija u żfin jinħallu f’messaġġ waħdieni. U hawn nifhmu għaliex il-poema tiegħu nebbħet il-ħolqien ta’ għadd bla qies ta’ opri tal-arti ta’ kull bixra.

Imma l-opra tal-Ogħla Poeta tqanqal ukoll xi provokazzjonijiet għal żminijietna. X’tista’ tgħid lilna, fi żmienna? Għad fadlilha x’tgħidilna, x’toffrilna? Il-messaġġ tiegħu għandu attwalità, xi funzjoni x’jiżvolġi anki għalina? Għadu jisfidana?

Dante – jekk nippruvaw ninterpretaw il-leħen tiegħu – mhux jitlobna, illum, li jiġi sempliċiment moqri, ikkummentat, studjat, analizzat. Pjuttost qed jitlobna li jiġi mismugħ, li b’xi mod jiġi imitat, li jagħmilna sħabu fil-vjaġġ, għax anki llum hu jrid jurina x’inhi t-triq li twassal għall-ferħ, it-triq it-tajba biex ngħixu b’mod sħiħ l-umanità tagħna, u noħorġu mill-boskijiet mudlama fejn nitilfu l-orjentament u d-dinjità. Il-vjaġġ ta’ Dante u l-viżjoni tiegħu tal-ħajja wara l-mewt mhumiex sempliċiment oġġett ta’ rakkont, ma jsawrux biss ġrajja personali, imqar jekk waħda eċċezzjonali.

Jekk Dante rrakkonta dan kollu – u għamlu b’mod tal-għaġeb – fi lsien il-poplu, dak li kulħadd seta’ jifhem, u għollieh għal lingwa universali, dan għaliex għandu messaġġ importanti x’jgħaddilna, kelma li trid tmiss il-qalb tagħna u l-moħħ tagħna, maħsuba biex tibdilna diġà minn issa, f’din il-ħajja. Tiegħu hu messaġġ li jista’ u għandu jagħtina għarfien sħiħ ta’ dak li aħna u ta’ dak li ngħixu ta’ kuljum fit-tensjoni ġewwenija u kontinwa lejn il-ferħ, lejn il-milja tal-ħajja, lejn l-aħħar patrija fejn għad inkunu f’komunjoni sħiħa ma’ Alla, Imħabba bla tarf u dejjiema. Imqar jekk Dante hu bniedem ta’ żmienu u għandu sensibbiltajiet differenti minn tagħna fuq xi temi, l-umaniżmu tiegħu għadu validu u attwali u jista’ ċertament ikun punt ta’ riferiment għal dak li rridu nibnu llum fi żmienna.

Għalhekk importanti li naħtfu l-okkażjoni tajba taċ-Ċentinarju biex l-opra ta’ Dante ssir iktar magħrufa fil-mod l-iżjed xieraq, jiġifieri ssir aċċessibbli u attraenti mhux biss għal studenti u studjużi, imma anki għal dawk kollha li, anzjużi biex iwieġbu għall-mistoqsijiet ġewwiena tagħhom, mixtieqa li jwettqu fil-milja tagħha l-ħajja tagħhom, iridu jgħixu l-mixja tal-ħajja u tal-fidi b’mod konxju, waqt li jilqgħu u jgħixu bi gratitudni d-don u l-impenn tal-libertà.

Għaldaqstant, nifraħ lill-għalliema li kapaċi jikkomunikaw b’passjoni l-messaġġ ta’ Dante, u jintroduċu oħrajn għat-teżor kulturali, reliġjuż u morali li hemm fl-opri tiegħu. U safrattant dan il-wirt jitlob li jkun aċċessibbli lil hemm mill-klassijiet tal-iskola u l-awli tal-università.

Insejjaħ lill-komunitajiet Insara, fuq kollox dawk preżenti fil-bliet li jgħożżu t-tifkiriet ta’ Dante, l-istituzzjonijiet akkademiċi, l-għaqdiet u l-movimenti kulturali, biex jippromovu inizjattivi b’riżq l-għarfien u t-tixrid tal-messaġġ ta’ Dante fis-sħuħija tiegħu.

Imbagħad, inħeġġeġ b’mod partikulari lill-artisti biex jagħtu leħen, wiċċ u qalb, biex jagħtu għaġna, lewn u ħoss lill-poeżija ta’ Dante, tul it-triq tal-ġmiel, li hu mexa b’ħila liema bħalha, u hekk iwasslu l-veritajiet l-iżjed profondi u jxerrdu, bil-lingwaġġi tal-arti, messaġġi ta’ paċi, ta’ ħelsien, ta’ fraternità.

F’dan il-mument storiku partikulari, immarkat minn ħafna dellijiet, minn sitwazzjonijiet li jbaxxu l-umanità, minn nuqqas ta’ fiduċja u ta’ perspettivi għall-futur, il-figura ta’ Dante, profeta tat-tama u xhud tax-xewqa tal-bniedem għall-ferħ, tista’ mill-ġdid troddilna kliem u eżempji li jagħtu spinta lill-mixja tagħna. Tista’ tgħinna nimxu ’l quddiem b’serenità u kuraġġ fil-pellegrinaġġ tal-ħajja u tal-fidi li lkoll aħna msejħin inwettqu, sa ma l-qalb tagħna ssib il-vera paċi u l-veru ferħ, sa ma naslu fid-destinazzjoni aħħarija tal-umanità kollha,

«l-imħabba illi tmexxi x-xemx u l-kwiekeb» (Par. XXXIII, 145).

Mill-Vatikan, 25 ta’ Marzu, Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, tas-sena 2021, id-disa’ waħda tal-pontifikat tiegħi.

Franġisku

____________________

* Għall-kwotazzjonijiet mill-opri ta’ Dante ara l-edizzjoni Maltija riveduta bi traduzzjoni ta’ Alfred Palma (Klabb Kotba Maltin, Malta 2021).

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

[1] In præclara summorum (30 ta’ April 1921): AAS 13 (1921), 209-217.

[2] Ara ibid.: 210.

[3] Ittra Nobis, ad Catholicam (28 ta’ Ottubru 1914): AAS 6 (1914), 540.

[4] Diskors lill-Kulleġġ Imqaddes u lill-Prelatura Rumana (23 ta’ Diċembru 1965): AAS 58 (1966), 80.

[5] Ara AAS 58 (1966), 22-37.

[6] Diskors lill-parteċipati fil-laqgħa organizzata mill-Kunsill Pontifiċju “Cor Unum” (23 ta’ Jannar 2006): Insegnamenti 2006 II/1, 92-93.

[7] Ibid., 93.

[8] Ara n. 4: AAS 105 (2013), 557.

[9] Messaġġ lill-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura (4 ta’ Mejju 2015): AAS 107 (2015), 551-552.

[10] Ibid.: 552.

[11] L’Osservatore Romano, 10 ta’ Ottubru 2020, p. 7.

[12] Ara Stqarrijiet, I, I, 1: PL 32, 661.