Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦAT-30 SENA TAL-FORUM INTERNAZZJONALI TAL-AZZJONI KATTOLIKA

 

Il-Belt tal-Vatikan, 9 ta’ Novembru 2021

 

Għeżież ħuti,

 

Din iċ-ċelebrazzjoni, li qed tħares lura lejn il-mument tat-twaqqif tagħkom, ma tistax ma tgħinniex inħarsu lejn l-imgħoddi b’kontemplazzjoni ta’ gratitudni. F’din il-ħarsa tagħna lura niltaqgħu ma’ nies li ħolmu u li ssograw iħarsu ’l quddiem bit-tama. Għalhekk tinsabu hawn intom illum.

 

F’din il-ħarsa ma nistgħux ninsew ħalliem kbir li ta bidu u spinta għall-ħolqien ta’ dan il-forum; u li llum jifraħ jarakom tiċċelebraw dawn it-30 sena: il-Kardinal Eduardo Pironio; dak li bi mħabba kbira ħafna għall-Azzjoni Kattolika u fiduċja sħiħa fil-missjoni tagħha qal: “Fil-mixja tal-Azzjoni Kattolika kellna kemm dawl u kemm dlam, mumenti ta’ fixla u għeja, biżgħat li forsi ġiet mirbuħa miż-żminijiet il-ġodda u mill-esiġenzi ekkleżjali. Nemmen li wasal il-mument providenzjali, appostoliku u missjunarju. F’dan żgur li tista’ tgħin iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Forum li jrid jiftaħ għal pajjiżi oħra l-esperjenza għammiela ta’ sħubija tassew għanja fil-frott tagħha u hekk mimlija tama”.

 

Pironio kien bniedem ta’ għeruq profondi, ta’ memorja ankrata fid-dinamiżmu tal-istorja bħala Kairos, żmien qawwi ta’ salvazzjoni, żmien ta’ ħidma, tiġrib, tisfija u tama. Ħabb lill-Azzjoni Kattolika u emmen fil-vokazzjoni lajkali missjunarja tagħha. Il-Knisja tista’ tixhed li l-Azzjoni Kattolika fetħet perspettivi ġodda fil-qasam tar-responsabbiltà tal-lajċi fl-Evanġelizzazzjoni. Ħafna li ġew evanġelizzati u ffurmati mill-Azzjoni Kattolika poġġew il-verità, il-profondità u l-Vanġelu f’oqsma ċivili, li spiss il-fidi ma kellhiex aċċess għalihom. Il-qaddisin u beati lajċi tal-Azzjoni Kattolika huma għana għall-Knisja. Dawk li kienu “l-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” għal ħafna komunitajiet.

 

Imma l-istorja mhix ħaġa lineari: fil-mixja tal-Azzjoni Kattolika, bħal f’dik tal-Knisja nfisha, kien hemm, hemm u sa jkun hemm dwal u dlamijiet, mumenti ta’ diżorjentament qawwi, ta’ għeja, ta’ indifferenza, ta’ biża’ li qed niġu mirbuħa mill-esiġenzi taż-żminijiet ġodda. It-tentazzjoni l-kbira fil-mumenti ta’ kriżi jew diffikultà hi li ningħalqu fina nfusna biex nieħdu ħsieb tal-ftit li nafu, u noqogħdu nistennew – moħbija u nżiegħlu bit-tifkiriet tagħna – il-wasla ta’ żminijiet aħjar. Il-parabbola tat-talenti hija rifless fidil ta’ dak li jiġri meta din it-tentazzjoni tidħol u tinbidel fi stil ta’ ħajja, ta’ min ikun fid-dinja u jgħix ir-realtà ta’ irrealtà.

 

Biex ma nċedux għat-tentazzjoni, biex ma ninsewx min aħna u fejn sejrin: għalina jsir essenzjali li niftakru kontinwament – kif kien jagħmel il-poplu ta’ Alla fid-deżert bil-wegħda li Jaħweh innifsu għamillu – mnejn ġejjin, liema huma l-għeruq tagħna, li nkunu nafu l-qalb tal-omm li jum wieħed tatna d-dawl.

 

U l-Azzjoni Kattolika għandha l-bidu tagħha fl-istess ġuf tal-Knisja Kattolika. Ma għandha ebda fundatur u lanqas xi kariżma partikularissma. L-għan tagħha hu dak tal-Knisja nfisha: l-evanġelizzazzjoni. Ma tagħmilx tagħha dan jew dak il-qasam partikulari ta’ appostolat, imma l-istess finalità tal-Knisja: it-tħabbira tal-Vanġelu lill-bnedmin kollha u fl-oqsma kollha. Għalhekk il-“kariżma proprja” tagħha hi li ma jkollha xejn tagħha imma toffri disponibbiltà għall-ħtiġijiet kollha tal-Knisja f’kull żmien. Bħala Knisja nħossu li, bil-qawwa tal-Ispirtu, għandna nagħtu tweġiba hawn u issa għall-krib tad-dinja. Biex nisimgħuh jeħtieġ noħorġu, inkunu Knisja li toħroġ u bħas-Samaritan toqrob lejn kull bniedem li qed ibati fil-ġisem jew fl-ispirtu tiegħu l-uġigħ ta’ dan iż-żmien.

 

Għadna għaddejjin mill-ewwel pandemija globali fl-istorja tal-umanità, li laqtet bla distinzjoni lill-pajjiżi kollha tad-dinja tagħna. Bil-pandemija deher b’mod ċar l-istat ta’ vulnerabbiltà li minnu qed isofru mijiet ta’ miljuni ta’ bnedmin fil-pjaneta tagħna li ma għandhomx possibbiltà li jkollhom possibbiltà. Il-vulnerabbiltà poġġitilna quddiemna r-riskju li mmutu mingħajr ebda tip ta’ previżjoni, huma x’inhuma l-post fejn ngħixu, il-kundizzjoni morali, it-twemmin reliġjuż jew il-pożizzjoni soċjo-ekonomika. L-umanità kollha hi milquta bl-istess mod. Il-vulnerabbiltà rnexxielha tegħleb dak kollu li kien jifridna u ma kienx jagħmilna ndaqs. Qed niskopru li aħna bħal xulxin fil-bżonn, anki jekk aħna differenti fil-possibbiltajiet li għandna.

 

Kif għidt fil-bidu tal-pandemija: it-tempesta “tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna għall-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. It-tempesta tikxef il-fehmiet kollha tagħna li ‘ngeżwru’ u ninsew dak li żamm ħajja r-ruħ tal-popli tagħna; dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna bi drawwiet li minn barra jidhru li jistgħu ‘jsalvaw’, imma li m’għandhomx ħila jżommuna marbuta mal-għeruq tagħna u jqanqlu l-memorja tal-anzjani tagħna, għax ċaħħduna mill-immunità meħtieġa biex nieqfu sodi f’wiċċ il-kuntrarju”. Ilkoll kemm aħna, inkluż jiena, ġarrabna din l-esperjenza ta’ impotenza.

 

Ġejjin minn żmien immarkat b’mod qawwi mill-globalizzazzjoni; globalizzazzjoni ekonomika, kulturali, eċċ., bis-suċċessi tagħha, imma anki bl-istrutturi tad-dnub li ħarġu minnha. Kollox huwa globali, saħansitra l-virus sar globali!

 

Intom bħala Forum għandkom missjoni globali, meta qed tfakkru l-ewwel tletin sena tagħkom; iċ-ċelebrazzjoni tagħhom hija sfida u stedina. Sfida biex tiskopru dejjem iżjed u b’mod dejjem iżjed qawwi mnejn jgħaddu l-ħajja u l-istorja tal-popli tagħna, mingħajr preġudizzji, mingħajr biżgħat, mingħajr klassifikazzjonjiet u mingħajr ma tħossukom regolaturi tal-fidi ta’ ħadd. Stedina biex tkunu hemm, fejn huma l-interessi tagħkom, it-tħassib tagħkom, l-iżjed ġrieħi profondi u l-iżjed weġgħat kbar tagħkom. Nafu li ma hemmx faqar ikbar minn dak li ma jkollniex lil Alla, jew aħjar li ngħixu mingħajr il-fidi li tagħti sens lill-ħajja, mingħajr tama li tagħtina l-qawwa biex naħdmu, mingħajr ma nħossuna maħbuba minn xi ħadd li ma jqarraqx bina. Dan huwa l-post u l-poplu fejn l-Azzjoni Kattolika għandha twettaq il-missjoni tagħha.

 

Quddiem il-globalizzazzjoni tal-indifferenza, ħossu li l-ħidma li tibnu pontijiet u toħolqu komunjoni hija s-sejħa qawwija li qed jagħmlilkom Alla. Il-Knisja hija Komunjoni għall-missjoni. Il-Komunjoni mhijiex idea, imma hija twettiq, u l-missjoni mhijiex attività fost ħafna oħrajn, imma hija l-essenza tal-ħajja tal-Knisja. Dan jitlob mill-Azzjoni Kattolika komunjoni mal-pastorali djoċesana u r-ragħajja tagħha, formazzjoni li sseħħ f’dawl missjunarju. L-Azzjoni Kattolika ma għandhiex tifforma għan-Nisrani ta’ għada, imma għandha u jeħtieġ li ssieħeb il-proċess ta’ fidi tan-Nisrani tal-lum, fi qbil mal-karatteristiċi proprji tal-fażi tal-ħajja li fiha tinsab.

 

Il-komunjoni mhix li nakkomodaw ruħna, imma ċ-ċertezza tal-preżenza tal-Mulej għall-missjoni. Li nevanġelizzaw għandha tkun il-passjoni ta’ kull imgħammed, ta’ kull membru tal-Azzjoni Kattolika, li ngħixu fi ħruġ kontinwu biex nistgħu nibqgħu fidili għall-identità tagħna. “L-Azzjoni Kattolika trid tiskopri mill-ġdid il-passjoni għax-xandir tal-Vanġelu, salvazzjoni unika f’dinja li, jekk mhux hekk, taqta’ qalbha” (Pawlu VI). L-Azzjoni Kattolika għandha bżonn toħloq spazji ta’ preżenza, ta’ xhieda, ta’ evanġelizzazzjoni missjunarja. Meta tagħmel hekk tgħix il-missjoni tal-Knisja li hi: qaddejja tal-umanità bħala parti mill-Knisja ta’ Kristu li tinsab fid-djoċesi tagħna u fil-parroċċa tagħna, f’komunjoni perfetta mal-Knisja universali.

 

Irrodd ħajr lil Alla għall-ħidma kollha li wettaqtu f’dawn it-tletin sena, li bla dubju talbet minnkom ħafna sforz. Fuq kollox fl-ewwel żminijiet, meta t-teknoloġija ma kinitx tippermettilkom taslu b’mod hekk faċli fid-diversi mkejjen tad-dinja u kollox kellu “jsir b’sagrifiċċju”. Nirringrazzjakom tal-inizjattivi solidali u tal-akkumpanjament lid-djoċesijiet l-iżjed periferiċi, speċjalment dawk tat-tielet dinja fejn naf li l-preżenza tal-Azzjoni Kattolika hi ħafna missjunarja u twieżen il-ħidma tal-Knejjes lokali.

 

Qabel nagħlaq nixtieq nitlobkom tliet ħwejjeġ:

 

Li l-Forum iħoss b’mod qawwi ħafna l-urġenza li naħdmu favur il-fraternità u l-ħbiberija soċjali bħala mezzi biex nibnu mill-ġdid dinja miġruħa.

 

Li tiżirgħu fil-qlub ta’ kulħadd l-idea li l-ispiritwalità Nisranija awtentika hi dik li tfittex ix-xewqa tal-qdusija u din hi mixja li tibda mill-Beatitudnijiet u li nsibuha f’Mattew 25; billi nħobbu u naħdmu għal ħutna li qed ibatu l-iżjed.

 

Li l-ispirtu li janima l-proġetti u l-ħidmiet kollha tagħkom ikun dak ta’ Knisja li toħroġ u li tgħix il-ferħ ħelu u farraġi tal-evanġelizzazzjoni; u dan in-nies tinnutah.

 

Grazzi ta’ dak kollu li qed tagħmlu u ta’ dak kollu li għad tagħmlu. Tinsewx titolbu għalija. Ġesù jberikkom u l-Verġni  Mqaddsa tieħu ħsiebkom.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard