VJAĠĠ APOSTOLIKU TAL-QDUSSJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

FL-INDONEŻJA, IL-PAPUA NEW GINEA,

TIMOR-LESTE U SINGAPORE

(2-13 ta' Settembru 2024)

 LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, PERSUNI KONSAGRATI,

SEMINARISTI U KATEKISTI

 DISKORS TAL-QDUSJA TIEGĦU

 Katidral tal-Assunta (Ġakarta, Indoneżja)

L-Erbgħa, 4 ta’ Settembru 2024

 

Il-Papa wara li sema’ xi esperjenzi, talab lill-katekista li kien għadu kif temm l-esperjenza tiegħu biex jibqa’ maġenbu għal mument.

 

Bik maġembi quddiem kulħadd, nixtieq ngħid xi ħaġa.

 

Il-katekisti jmexxu l-Knisja ‘l quddiem. Huma dawk li jimxu ʼl quddiem l-ewwel, imbagħad warajhom hemm is-sorijiet, imbagħad is-saċerdoti u l-isqof. Iżda, il-katekisti qegħdin fuq quddiem, huma l-mutur tal-Knisja.

 

F’waħda mill-vjaġġi tiegħi fl-Afrika, il-President ta’ pajjiż qalli li kien tgħammed minn missieru li kien katekista. Il-fidi tiġi trażmessa fid-dar u bid-djalett. Il-katekisti, flimkien mal-ommijiet u n-nanniet, jitrażmettu l-fidi. Jien grat ħafna lejn il-katekisti kollha: huma tajbin, tajbin ħafna! Grazzi!

_________________________________________

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Hemm kardinali, isqfijiet, qassisin, sorijiet, lajċi, u tfal, imma aħna lkoll aħwa. It-titli ta’ Papa, Kardinal, u ta’ Isqof mhumiex daqstant importanti, aħna lkoll aħwa. Kulħadd għandu l-ħidma partikulari tiegħu biex ikabbar il-poplu t’Alla.

 

Insellem lil dawk kollha preżenti, lill-Kardinal, Isqfijiet, saċerdoti, djakni, irġiel u nisa konsagrati, seminaristi u katekisti. Nirringrazzja lill-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet tad-diskors tiegħu, kif ukoll lil ħutna li qasmu magħna x-xhieda tagħhom.

 

Kif tafu, il-motto magħżul għal din iż-Żjara Appostolika huwa Fidi, Fraternità, Kompassjoni. Naħseb li dawn huma tliet virtujiet li jesprimu tajjeb kemm il-mixja tagħkom bħala Knisja kif ukoll il-karattru tagħkom bħala poplu, li huwa etnikament u kulturalment varjat ħafna. Fl-istess ħin, hawn karatteristika li hija naturali fikom, u din hija li fikom hemm dik il-ġibda għall-għaqda ta’ bejnietkom u għal koeżistenza paċifika, kif jixhdu l-prinċipji tradizzjonali tal-Pancasila. Issa nixtieq nirrifletti magħkom fuq dawn it-tliet kelmiet.

 

L-ewwelnett il-fidi. L-Indoneżja hija pajjiż kbir, b’ġid naturali li huwa kbir, speċjalment fejn jidħlu l-ħxejjex, annimali, sorsi ta' enerġija, materja prima u l-bqija. Jekk tħares lejn dawn kollha b’mod superfiċjali, ġid daqshekk kbir jista’ jkun raġuni ta’ kburija jew arroganza, iżda meta tħares lejhom b’moħħ u qalb miftuħin, dan il-ġid jista’ jfakkrek f’Alla, fil-preżenza tiegħu fil-ħolqien, fil-ħajja tiegħu u fil-ħajja tagħna, bħalma tgħallimna l-Iskrittura Mqaddsa. (ara Ġen 1; Sir 42:15; 43:33). Tabilħaqq, huwa l-Mulej li jagħtina dan kollu. M’hemm l-ebda pulzier mit-territorju meraviljuż Indoneżjan, u lanqas ma hemm mument wieħed fil-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni li jgħixu hawn li mhuwiex rigal mingħand Alla, sinjal tal-imħabba gratwita u dejjiema tiegħu bħala Missier. Meta nħarsu b’għajnejn umli bħal tat-tfal lejn dak kollu li ngħatajna, jgħinna nemmnu, u biex naraw kemm aħna żgħar u maħbubin (ara Sal 8), u hekk nikkultivaw sentimenti ta’ gratitudni u ta’ responsabbiltà.

 

Agnes kellmitna dwar dan meta stednitna sabiex ngħixu r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien u ma’ ħutna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn, u dan billi jkollna stil ta’ ħajja personali u komunitarju li jkun immarkat mir-rispett, miċ-ċivilità u mill-umanità, flimkien mas-sobrjetà u l-karità Franġiskana.

 

Wara l-fidi, it-tieni kelma fil-motto hija fraternità. Poeta tas-seklu għoxrin uża espressjoni sabiħa ħafna biex jiddeskrivi din l-attitudni. Kitbet li tkun aħwa ifisser li tħobb lil xulxin billi tagħraf lil xulxin bħala “differenti daqs żewġ qatriet ilma” (1) Kemm hu sabiħ dan il-kliem! U hekk hu. Mhemm l-ebda żewġ qatriet ta’ ilma li huma l-istess, lanqas żewġt aħwa, lanqas tewmin li huma identiċi. Ngħixu l-fraternità, allura, ifisser li nilqgħu lil xulxin, li nagħrfu lil xulxin bħala indaqs u differenti.

 

Dan ukoll huwa valur għażiż għall-Knisja Indoneżjana u jidher permezz tal-mod kif il-knisja hi miftuħa għad-diversi realtajiet interni u esterni li intom tiltaqgħu magħhom fuq livell kulturali, etniku, soċjali u reliġjuż. B’mod partikolari, il-Knisja lokali tagħkom tgħożż il-kontribut ta’ kulħadd u toffri għajnuna b’mod ġeneruż f’kull kuntest. Dan, ħuti, huwa importanti, għax li nxandru l-Evanġelju ma jfissirx li nimponu l-fidi tagħna, li npoġġuha f’oppożizzjoni għal dik tal-oħrajn, jew li nagħmlu proselitiżmu, imma jfisser li nagħtu u naqsmu l-ferħ li nħossu meta aħna niltaqgħu ma’ Kristu (ara 1 Pt 3,15). -17), dejjem b’rispett kbir u affezzjoni fraterna lejn kulħadd. Nistedinkom sabiex dejjem iżżommu lilkom infuskom miftuħin għal kulħadd u li jkollkom ħbiberija ma’ kulħadd – kemm għoġbitni dik l-espressjoni “id f’id” kif qal Patri Maxi – inkunu profeti tal-komunjoni, f’dinja fejn jidher li qed tiżdied it-tendenza tal-firda, li nimponu lilna nfusna fuq l-oħrajn u anke l-provokazzjoni (cf. Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 67). Dwar dan il-punt, irrid ngħidilkom xi ħaġa: tafu min hija l-aktar persuna li ġġib firda fid-dinja? Tafu min hu? Dak li dejjem jifred, jifred..... Ġesù jgħaqqad u hu jifred. Huwa x-xitan li jifred, allura oqgħodu attenti!

 

U bħalma fakkritna Swor Rina, importanti li nippruvaw nilħqu lil kulħadd. F’dan ir-rigward, nittamaw li mhux biss it-testi tal-kelma ta’ Alla iżda wkoll it-tagħlim tal-Knisja jinqalbu fl-ilsien Bahasa Indonesia sabiex ikunu aċċessibbli għall-akbar numru possibbli ta’ nies. Nicholas tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nilħqu lil kulħadd, u ddeskriva l-missjoni tal-katekista billi xebbaħha ma’ “pont” li jgħaqqad. Dan laqatni ħafna, u ġiegħelni naħseb f’viżjoni mill-isbaħ ta’ arċipelagu kbir Indoneżjan ta’ eluf ta’ “pontijiet tal-qalb” li jgħaqqdu l-gżejjer kollha, u aktar u aktar fil-miljuni ta’ “pontijiet” oħra li jgħaqqdu lin-nies kollha li jgħixu hawn! Xbieha oħra sabiħa ta’ fraternità hija x-xbieha sabiħa ta’ drapp kbir magħmul minn ħafna ħjut ta’ mħabba li jaqsmu l-ibħra, jegħlbu l-barrieri u jħaddnu kull diversità, u li jagħmlu lil kulħadd “qalb waħda u ruħ waħda” (ara Atti 4,32). Din hija l-lingwa tal-qalb, tinsewhiex din!

 

Niġu issa għat-tielet kelma: il-kompassjoni, li hija marbuta mill-qrib ħafna mal-fraternità. Il-kompassjoni tfisser li tbati mal-ieħor, li taqsam is-sentimenti tal-ieħor: hija kelma sabiħa! Nafu li l-kompassjoni ma tikkonsistix filli nagħtu ftit karità lil xi ħadd fil-bżonn, u nħarsu lejh minn fuq għal isfel, mis-sigurtà u s-suċċess tagħna stess. Anzi, il-kompassjoni tikkonsisti filli nersqu qrib dak li jkun, inwarrbu min-nofs dak kollu li jista’ jwaqqafna milli ninżlu biex imissu lil dawk li jinsabu mal-art u b’hekk nerfgħuhom u nagħtuhom it-tama (ara Fratelli Tutti, 70). Dan huwa meħtieġ: li mmissu mal-faqar. Meta nkun inqarar, dejjem nistaqsi lill-adulti, “Tagħti karità?” u ġeneralment jgħidu, “Iva” għax dawn ikunu nies tajbin. Imma t-tieni mistoqsija li nagħmlilhom tkun din, “Int, meta tagħti karità, tmiss l-id tal-fqir? Tħares f’għajnejh? Jew titfagħlu l-flus mill-bogħod biex ma tmissux?” Din hija xi ħaġa li lkoll għandna nitgħallmu: il-kompassjoni tfisser li tbati, li timxi ma’ min qed ibati fis-sentimenti tiegħu u li nħaddnuh, li nakkumpanjawh. Imma mhux biss. Ifisser ukoll li nagħmlu tagħna l-ħolm u x-xewqat tagħhom għal-libertà u l-ġustizzja, li nieħdu ħsiebhom, ngħinuhom filwaqt li ninvolvu nies oħrajn biex hekk inwessgħu din ix-xibka ħalli l-karità tikber (cf. ibid., 203) . Dan ma jfissirx li tkun komunista, iżda dan ifisser karità, ifisser imħabba.

 

Hemm nies imbagħad li jibżgħu mill-kompassjoni għax iqisuha bħala dgħjufija, jaħsbu li meta tbati ma’ ħaddieħor, din hija dgħjufija. U  minflok, dawn jiddefendu u jfaħħru, bħallikieku kienet xi ħaġa tajba, l-attitudni ta’ dawk li jpaxxu l-interessi personali tagħhom billi jżommu ʼl bogħod minn kulħadd, billi ma jħallu lil ħadd u lil xejn imisshom, u b’hekk jaħsbu li huma aħjar mill-oħrajn, anke biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.

 

B’għafsa ta’ qalb niftakar f’persuna sinjuruna fi Buenos Aires, li kellu vizzju li jieħu, u jieħu, aktar u aktar flus. Miet u ħalla wirt kbir. In-nies biċ-ċajt kienu jgħidu, “Miskin, it-tebut ma setgħux jagħlquh!” Għax ried jieħu kollox miegħu, imma ma ħa xejn. Forsi nistgħu nitbissmu meta nisimgħu dan, imma tinsewx li x-xitan jidħol mill-but, dejjem hekk! Li nżommu l-flus u l-ġid bħala sigurtà huwa mod żbaljat kif tħares lejn ir-realtà. Dak li jżomm id-dinja miexja mhuwiex meta nagħmlu l-kalkoli għall-interess personali, li ħafna drabi din tispiċċa billi neqirdu l-ħolqien u nifirdu l-komunitajiet, iżda meta nagħmlu karità mal-oħrajn. Dan hu li jmexxina ‘l quddiem: l-imħabba li tagħti lilha nnifisha. Il-kompassjoni ma ċċajparx il-viżjoni vera tal-ħajja. Għall-kuntrarju, tagħmilna naraw l-affarijiet aħjar, fid-dawl tal-imħabba, u aħna naraw l-affarijiet b’mod aktar ċar b’għajnejn il-qalb. Nixtieq nirrepeti, jekk jogħġobkom: oqgħodu attenti, u tinsewx li x-xitan jidħol mill-but!

 

L-arkitettura tad-daħla prinċipali ta’ dan il-Katidral, bil-figura ta’ Marija fiċ-ċentru, tiġbor tajjeb ħafna dak li għidna. Fiċ-ċentru tal-arkata bil-ponta hemm pilastru li fuqu hemm statwa ta’ Marija. B’hekk turina li Omm Alla hija fuq kollox mudell ta’ fidi, imma hija wkoll simbolikament iżżomm il-bini kollu tal-Knisja permezz tal-“iva” umli tagħha għall-pjan ta’ Alla (ara Lq 1,38). Iżda l-pilastru jirrappreżenta lil Kristu u l-mara umli wieqfa fuq dik il-pilastru donnha ġġorr miegħu t-toqol tal-bini kollu, bħallikieku fl-aħħar tgħid li x-xogħol u l-għerf tal-bniedem waħedhom mhumiex biżżejjed. Marija, imbagħad, tidher bħala xbieha ta’ fraternità, billi hi qed tagħmel ġest ta’ merħba f’nofs id-daħla prinċipali lil dawk kollha li jkunu deħlin. Hi l-omm li tilqagħna. Fl-aħħar, hi wkoll ikona ta’ mogħdrija, tħares u tipproteġi lill-poplu ta’ Alla li, bil-ferħ u n-niket, bil-ħidma u t-tamiet tiegħu, jinġabar fid-dar tal-Missier. Hija l-omm tal-kompassjoni.

 

Għeżież ħuti, nixtieq niġi fi tmiem dawn il-ħsibijiet billi rrepeti dak li qal San Ġwanni Pawlu II meta kellem lill-Isqfijiet, lill-kleru u lill-persuni kkonsagrati waqt iż-żjara tiegħu hawn bosta għexieren ta’ snin ilu. Filwaqt li kkwota l-vers li ġej mis-Salmi, “Laetentur insulae multae – Ħa jifirħu l-ħafna gżejjer” (Sl 96:1), stieden lil dawk li kienu qed jisimgħuh biex dan jagħmluh fil-prattika billi “jkunu xhieda tal-ferħ tal-Qawmien u billi jagħtu ħajjithom sabiex anki l-gżejjer l-aktar imbiegħda “jifirħu bis-smigħ tal-Evanġelju, li tiegħu intom predikaturi, għalliema u xhieda awtentiċi” (Laqgħa mal-Isqfijiet, il-Kleru u r-Reliġjużi tal-Indoneżja, Ġakarta, 10 ta’ Ottubru 1989).

 

Jien ukoll inġedded din l-eżortazzjoni, u nħeġġiġkom biex tkomplu l-missjoni tagħkom billi tkunu qawwijin fil-fidi, miftuħin għal kulħadd fil-fraternità u qrib xulxin fil-kompassjoni. Qawwijin, miftuħin għal kulħadd u qrib xulxin, u dan bil-qawwa tal-fidi. Inkunu miftuħin biex nilqgħu lil kulħadd! Tant tolqotni dik il-parabbola tal-Evanġelju, meta l-mistednin tat-tieġ ma ridux jiġu, u x’għamel is-Sid? Sewwed qalbu? Le, hu fehem xi ħaġa importanti, u jibgħat lill-qaddejja tiegħu: “Morru f’salib it-toroq u ġibu lil kulħadd, kulħadd, kulħadd ġewwa. Kulħadd ġewwa. Huwa b’dan l-istil sabiħ li nimxu ‘l quddiem bil-fraternità, bil-kompassjoni, bl-għaqda... Kulħadd. U naħseb f’kemm hawn gżejjer hawn, ħafna gżejjer... U l-Mulej jgħid lin-nies tajbin, lilkom: “Kulħadd, kulħadd” – “Imma, Mulej, dak...” – “Kulħadd, kulħadd”. Tabilħaqq, il-Mulej jgħid: “tajbin u ħżiena, kulħadd!”

 

Jien ukoll nixtieq inġedded din l-eżortazzjoni u nħeġġiġkom biex tkomplu l-missjoni tagħkom, b’saħħithom fil-fidi, miftuħa għal kulħadd fil-fraternità u tkunu qrib kull wieħed permezz tal-kompassjoni. Fidi, fraternità u kompassjoni. Inħallielkom tliet kelmiet biex taħsbu fuqhom. Fidi, fraternità u kompassjoni. Inberikkom, u nirringrazzjakom tal-ħafna ġid li tagħmlu kuljum f’dawn il-gżejjer sbieħ li għandkom! Nitlob għalikom. Nitlob għalikom imma jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija. U oqgħodu attenti minn ħaġa waħda: itolbu għalija, mhux kontrija! Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr  Roy Galdes

-------------------------------------------------

(W. Szymborska, “Nulla due volte accade”, f’La gioia di scrivere. Tutte le poesie (1945-2009) , Milano 2009, 45).