VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-INDONEŻJA, PAPUA NEW GUINEA, TIMOR LESTE, U SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru 2024)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Stadju “Gelora Bung Karno” (Jakarta, l-Indoneżja)
Il-Ħamis 5 ta’ Settembru 2024
Il-laqgħa ma’ Ġesù ssejħilna ngħixu żewġ atteġġjamenti fundamentali, li jippermettulna nsiru dixxipli tiegħu. L-ewwel atteġġjament: nagħtu widen għall-Kelma; it-tieni: ngħixu l-Kelma. L-ewwel nisimgħu, għax kollox jinbet mis-smigħ, mill-ftuħ għaliH, milli nilqgħu d-don prezzjuż tal-ħbiberija tiegħu. Imma mbagħad importanti ngħixu l-Kelma li nkunu rċivejna, biex ma nkunux semmiegħa fiergħa li jidħku bihom infushom (ara Ġak 1:22); biex ma nirriskjawx li nisimgħu bil-widnejn biss mingħajr ma ż-żerriegħa tal-Kelma tinżel fil-qalb u tibdel il-mod ta’ kif naħsbu, nisimgħu, naġixxu, għax dan mhuwiex sew. Il-Kelma li tingħatalna u li nisimgħu qed tistenna li ssir ħajja, li tibdel il-ħajja, li titlaħħam fil-ħajja tagħna.
Dawn iż-żewġ atteġġjamenti essenzjali: nagħtu widen għall-Kelma u ngħixu l-Kelma, nistgħu nikkontemplawhom fil-Vanġelu li għadu kemm ġie mxandar.
Qabelxejn, nagħtu widen għall-Kelma. L-Evanġelista jirrakkonta li ħafna nies kienu jiġru wara Ġesù u “l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla” (Lq 5:1). Ifittxu lilu, għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-Kelma tal-Mulej u jisimgħuha tidwi fil-kelmiet ta’ Ġesù. Għalhekk, din ix-xena, li tirripeti ruħha tant drabi fil-Vanġelu, tgħidilna li l-qalb tal-bniedem dejjem qed tfittex verità li kapaċi taqta’ l-ġuħ u l-għatx tax-xewqa tiegħu għall-hena; li ma nistgħux nikkuntentaw ruħna biss bil-kelmiet tal-bnedmin, bil-kriterji ta’ din id-dinja, bil-ġudizzji ta’ din l-art; dejjem għandna bżonn ta’ dawl li ġej mill-għoli biex idawwal il-passi tagħna, ta’ ilma ħaj li jista’ jisqi d-deżerti tar-ruħ, ta’ faraġ li ma jqarraqx għax ġej mis-sema u mhux mill-ħwejjeġ ta’ hawn isfel li jgħaddu. Qalb l-isturdament u l-frugħa tal-kliem tal-bnedmin, ħuti, hemm bżonn tal-Kelma ta’ Alla, l-unika waħda li hi boxxla għall-mixja tagħna, l-unika waħda li qalb tant ġrieħi u taħwid kapaċi treġġagħna lura għat-tifsira awtentika tal-ħajja.
Ħuti, ma ninsewhx dan: l-ewwel dmir tad-dixxiplu – aħna lkoll dixxipli! – mhuwiex dak li jilbes il-libsa ta’ reliġjożità li tidher perfetta minn barra, li jagħmel ħwejjeġ ta’ barra minn hawn jew jimpenja ruħu f’biċċiet tax-xogħol grandjużi. Le. L-ewwel ħidma, l-ewwel pass, imma, hu li jkun jaf jagħti widen għal dik il-Kelma li ssalva, dik ta’ Ġesù, kif nistgħu naraw fl-episodju tal-Vanġelu, meta l-Imgħallem jirkeb id-dgħajsa ta’ Pietru biex jitbiegħed ftit mix-xatt u hekk jista’ jipprietka aħjar lin-nies (ara Lq 5:3). Il-ħajja tagħna tal-fidi tibda meta b’umiltà nilqgħu lil Ġesù fuq id-dgħajsa tal-ħajja tagħna, nagħmlulu l-wisa’, nagħtu widen għall-Kelma tiegħu u nħalluha tisfidana, tregħidna u tibdilna.
Fl-istess waqt, ħuti, il-Kelma ta’ Alla trid titlaħħam b’mod konkret fina: għalhekk aħna msejħin ngħixu l-Kelma. Jekk intennu biss il-Kelma, mingħajr ma ngħixuha, dan jagħmilna qisna pappagalli: iva, ngħidha, imma ma tinftehimx, ma tingħaxx. Fil-fatt, wara li jtemm jipprietka lill-folol mid-dgħajsa, Ġesù jdur fuq Pietru u jħeġġu biex jirriskja billi jemmen f’dik il-Kelma: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (v. 4). Il-Kelma tal-Mulej ma tistax tibqa’ idea sabiħa astratta jew tqanqal biss l-emozzjoni ta’ mument wieħed; hi titlobna nibdlu l-ħarsa tagħna, inħallu qalbna tiġi mibdula fuq ix-xbieha ta’ dik ta’ Kristu; il-Kelma ssejħilna nkalaw bil-kuraġġ ix-xbieki tal-Vanġelu qalb il-baħar tad-dinja, “nirriskjaw”, iva, nirriskjaw li ngħixu l-imħabba li hu għallimna u għex l-ewwel hu. Anki lilna, ħuti, il-Mulej, bil-qawwa mkebbsa tal-Kelma tiegħu, jitlobna naqdfu ’l barra fil-fond, nitbiegħdu mix-xtajta staġnanti tad-drawwiet ħżiena, tal-biżgħat u tal-medjokritajiet, biex nissugraw ħajja ġdida. Il-medjokrità togħġbu lix-xitan! Għax hekk jidħol fina u jagħmel ħerba minna.
Bla dubju, it-tfixkil u l-iskużi biex ngħidu le ma jonqsu qatt; imma ħa nħarsu mill-ġdid lejn l-atteġġjament ta’ Pietru: kien għadu ħiereġ minn lejl iebes, li fih ma kien qabad xejn, kien irrabjat, kien għajjien, kien deluż; imma, flok ma baqa’ mwaħħal f’dak il-vojt u imblukkat mill-falliment tiegħu, jgħid: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (v. 5). La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek. U hawn iseħħ dak li ma kienx seħħ qabel, il-miraklu ta’ dgħajsa li timtela bil-ħut tant li għal ftit ma għerqux (ara v. 7).
Ħuti, quddiem il-ħafna ħidmiet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum; quddiem is-sejħa, li lkoll inħossu, biex nibnu soċjetà iżjed ġusta, biex nimxu ’l quddiem fit-triq tal-paċi u tad-djalogu – dik it-triq li hawn fl-Indoneżja ilha żmien tintmexa –, xi kultant nistgħu nħossuna ma aħniex kapaċi, inħossu t-toqol ta’ tant impenn li mhux dejjem iġib il-frott mixtieq, jew tal-iżbalji tagħna li jidhru qed iwaħħlu l-mixja. Imma bl-istess umiltà u l-istess fidi ta’ Pietru, anki minna hu mitlub li ma nibqgħux ilsiera tal-fallimenti tagħna. Din hi ħaġa kerha ħafna, għax il-fallimenti jaħkmuna u aħna ma nistgħux insiru lsiera tal-fallimenti. Le, nitlobkom: ma nibqgħux ilsiera tal-fallimenti tagħna; minflok ma nibqgħu b’ħarsitna msammra fuq ix-xbieki battala tagħna, ejjew inħarsu lejn Ġesù u nafdaw fih. Tħarisx lejn ix-xbieki vojta tiegħek, ħares lejn Ġesù, ħares lejn Ġesù! Hu ħa jgħinek timxi, hu ħa jgħinek tmur tajjeb, afda f’Ġesù! Dejjem nistgħu nirriskjaw li naqdfu fil-fond u nixħtu mill-ġdid ix-xbieki, imqar meta nkunu ġarrabna l-lejl tal-falliment, iż-żmien tad-delużjoni li fih ma nkunu qbadna xejn. Issa se nagħmel mument żgħir ta’ skiet u kulħadd jaħseb fil-fallimenti tiegħu jew tagħha. [pawża] U waqt li nħarsu lejn dawn il-fallimenti, ejjew nirriskjaw, nimxu ’l quddiem bil-kuraġġ tal-Kelma ta’ Alla.
Santa Tereża ta’ Calcutta, li tagħha llum qed nagħmlu t-tifkira u li b’ruħha u ġisimha ħadet ħsieb tal-iktar foqra u saret promotriċi tal-paċi u tad-djalogu, kienet tgħid: “Meta ma jifdlilna xejn x’nagħtu, ejjew nagħtuh dak ix-xejn. U ftakar: imqar jekk ma taħsad xejn, la tegħja qatt tiżra’”. Ħija u oħti, la tegħja qatt tiżra’, għax din hi l-ħajja.
Ħuti, dan hu li nixtieq ngħid lilkom ukoll, lil dan in-Nazzjon, lil dan l-arċipelagu meraviljuż u varjat: la tegħjew qatt taqdfu fil-fond, la tegħjew qatt tkalaw ix-xbieki, la tegħjew qatt toħolmu, la tegħjew qatt toħolmu u tibnu mill-ġdid ċiviltà tal-paċi! Issugraw dejjem il-ħolma tal-fraternità, li hija teżor veru fostkom. Fuq il-Kelma ta’ Alla nħeġġiġkom tiżirgħu l-imħabba, timxu fiduċjużi t-triq tad-djalogu, tipprattikaw mill-ġdid it-tjieba u l-ġentilezza tagħkom bit-tbissima tipika li tagħżilkom. Qalulkom li intom poplu li jitbissem? Titilfu qatt it-tbissima, nitlobkom, u ibqgħu mexjin! U kunu bennejja tal-paċi. Kunu bennejja tat-tama!
Din hija x-xewqa li esprimew dan l-aħħar l-Isqfijiet tal-pajjiż, u hu l-awgurju li jien ukoll irrid nagħmel lill-poplu Indoneżjan kollu: imxu flimkien għall-ġid tas-soċjetà u tal-Knisja! Kunu bennejja tat-tama. Isimgħuha tajjeb: kunu bennejja tat-tama! Dik it-tama tal-Vanġelu li ma tqarraqx (ara Rum 5:5), ma tqarraq qatt, u li tiftħilna qalbna għall-ferħ bla tmiem. Grazzi ħafna.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard