VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU INDONESIA, PAPUA NUOVA GUINEA,
TIMOR-LESTE u SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru, 2024)

LAQGĦA INTER-RELIĠJUŻA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Moskea “Istiqlal” (Ġjakarta, Indonesia)
Il-Ħamis, 5 ta’ Settembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Jien hieni li ninsab hawn, fl-akbar Moskea tal-Asja, flimkien magħkom ikoll.  Insellem lill-Imam il-Kbir u rroddlu ħajr għall-kliem li indirizzali, fejn fakkar li dan il-post tal-kult u talb huwa wkoll “dar kbira għall-umanità”, li fiha jista’ jidħol kulħadd biex jidħol fih innifsu, biex isib l-ispazju li fih isaħħaħ ix-xenqa għall-infinit li jġorr f’qalbu, biex ifittex il-laqgħa mad-divin u jġarrab il-ferħ tal-ħbiberija mal-oħrajn.

Bi pjaċir infakkar li l-arkitett Friedrich Silaban, li kien rebaħ il-konkors tal-proġett ta’ dil-Moskea, kien Kristjan.  Dan juri li fl-istorja ta’ dan in-nazzjon u fil-kultura li biha mirfuda l-arja, il-Moskea, kif ukoll l-imkejjen l-oħra tal-kult, huma spazji ta’ djalogu, ta’ rispett reċiproku, ta’ konvivenza armonjuża bejn ir-reliġjonijiet u d-diversi sensibbiltajiet spiritwali.  Dan hu don kbir, li intom imsejħin biex tikkultivawh kuljum, ħalli l-esperjenza reliġjuża tkun punt ta’ riferiment ta’ soċjeta fraterna u paċifika u qatt raġuni ta’ għeluq u ta’ kunflitt.

Marbut ma’ dan ta’ min isemmi l-bini tal-mina ta’ taħt l-art – “il-mina tal-ħbiberija” – li tgħaqqad il-Moskea Istiqlal mal-Katidral ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema.  Hu sinjal elokwenti li jippermetti lil dawn iż-żewġ imkejjen kbar tal-kult, li mhux biss jinsabu faċċata ta’ xulxin, imma wkoll ikunu “konnessi” ma’ xulxin.  Infatti, dal-passaġġ hu ta’ fejda għal-laqgħa, għad-djalogu, hu possibbiltà reali biex wieħed jiskopri u jittrasmetti “l-mistika” tal-konvivenza, it-taħlit, il-laqgħa (…) il-parteċipazzjoni f’din il-mewġa xi ftit kaotika li tista’ tinbidel f’esperjenza vera ta’ fraternità, f’karwana solidali, f’pellegrinaġġ qaddis” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 87).  Inħeġġiġkom biex tibqgħu mexjin f’dit-triq: biex kulħadd, kulħadd flimkien, kull persuna li tikkultiva l-ispiritwalità u tipprattika r-reliġjon tagħha, inkunu nistgħu nimxu biex infittxu lil Alla u nagħtu sehemna għall-bini ta’ soċjetajiet aktar miftuħa, imsejsin fuq ir-rispett reċiproku u l-imħabba lejn xulxin, bil-ħila li niżolaw ir-riġidità, il-fundamentaliżmi, l-estremiżmi, li huma dejjem perikolużi u qatt ġustifikabbli.

F’dil-perspettiva, li s-simbolu tagħha hi l-mina ta’ taħt l-art, nixtieq inħallielkom żewġ konsenji, biex ikunu ta’ inkoraġġiment għall-mixja tal-għaqda u l-armonija li diġà qed tħaddmu.

L-ewwel waħda hi: ħarsu dejjem fil-fond, għax hemmhekk biss tistgħu ssibu dak li jgħaqqad lil hinn mid-differenzi.  Infatti, waqt li fejn jidher, hemm il-Moskea u l-Katidral, bini solidu frekwentat mill-fidili rispettivi, taħt l-art, tul il-mina, dawk l-istess persuni diversi, jiltaqgħu u jkunu jistgħu jaċċessaw id-dinja reliġjuża tal-ieħor.  Din it-tixbiha tfakkarna f’ħaġa importanti: li l-aspetti viżibbli tar-reliġjonijiet – ir-riti, il-prattiċi eċċ – huma patrimonju tradizzjonali li għandhom ikunu mħarsa u rispettati; imma dak li jinsab “taħt”, dak li “jiġri” taħt l-art, propju bħall-mina tal-ħbiberija, nistgħu ngħidu li huma l-għeruq  komuni tas-sensibbiltajiet reliġjużi, dawk huma kollha l-istess: it-tfittxija għal-laqgħa mad-divin, l-għatx għall-infinit li l-Aktar Għoli żera’ fi qlubna, it-tfittxija ta’ hena akbar u ta’ ħajja li tisboq kull mewt, li tanima l-vjaġġ ta’ ħajjitna u timbuttana biex noħorġu minna nfusna ħalli mmorru niltaqgħu ma’ Alla.  Niftakruh dan: aħna u nħarsu fil-fond, aħna u nixtarru dak li jkun għaddej fl-intimità tal-ħajja tagħna, ix-xewqa tal-milja li tgħammar fi qlubna, niskopru li aħna lkoll aħawa, ilkoll pellegrini, ilkoll mexjin lejn Alla, lil hinn mid-differenzi ta’ bejnietna.

It-tieni stedina hi: nibżgħu għar-rabtiet ta’ bejnietna.  Il-mina nbniet min-naħa għal oħra biex tgħaqqad żewġ postijiet differenti u mbegħdin.  Dan jagħmel il-passaġġ ta’ taħt l-art: ilaqqa’, jiġifieri joħloq rabtiet.  Kultant jidhrilna li l-laqgħa bejn ir-reliġjonijiet tolqot biss it-tfittxija bla heda ta’ punti komuni bejn id-diversi duttrini u professjonijiet reliġjużi.  Fir-realtà jista’ jiġri li dan l-approċċ jispiċċa biex jifridna għax id-duttrini u d-dogmi ta’ kull esperejnza reliġjuża huma differenti.  Dak li jqarribna verament hu li noħolqu kollegament bejn id-diversitajiet tagħna, nieħdu ħsieb li nikkultivaw ir-rabtiet ta’ ħbiberija, attenzjoni, reċiproċità.  Huma relazzjonijiet li permezz tagħhom ninfetħu għal xulxin, li permezz tagħhom nimpenjaw ruħna biex flimkien infittxu l-verità billi nitgħallmu mit-tradizzjoni reliġjuża tal-ieħor, u nwieżnu lil xulxin fil-ħtiġijiet umani u spiritwali.  Huma rabtiet li jippermettulna naħdmu flimkien, nimmarċjaw magħqudin lejn objettivi, għad-difiża tad-dinjità umana, fil-ġlieda kontra l-faqar, fil-promozzjoni tal-paċi.  L-għada tiġi minn rabtiet ta’ ħbiberija personali, mir-rispett reċiproku, mid-difiża tal-ispazji u l-ideat tal-ieħor.  Jalla dejjem tieħdu ħsieb dan!

Għeżież ħuti, “il-promozzjoni tal-armonija reliġjuża għall-ġid tal-umanità” hi l-ispirazzjoni li aħna msejħin għaliha u li wkoll tagħti t-titlu lid-Dikjarazzjoni Konġjunta mħejjija għal din l-okkażjoni.  Fiha, bir-responsabbiltà, nieħdu nagħmlu tagħna l-kriżijiet gravi u kultant drammatiċi li qed jheddu l-futur tal-umanità, partikolarment  il-gwerer u l-kunflitti, li sfortunatament huma mkebbsin minn strumetalizzazzjonijiet reliġjużi, imma wkoll il-kriżi ambjentali, li saret ostaklu għat-tkabbir u l-konvivenza bejn il-popli.  U quddiem dax-xenarju, importanti li l-valuri komuni għat-tradizzjonijiet reliġjużi kollha jitmexxew ‘il quddiem u jissaħħu, bħala għajnuna għas-soċjetà biex tkun tista’ “tegħleb il-kultura tal-vjolenza u tal-indifferenza (Dikjarazzjoni konġjunta ta’ Istiqlal) u biex nippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Irroddilkom ħajr għal dil-mixja komuni li qed twettqu. L-Indonesia hu pajjiż kbir, mużajk ta’ kulturi, etniji u tradizzjonijiet reliġjużi, diversità ta’ għana kbir, li tidher ukoll fil-varjetà tal-ekosistema u l-ambjent tal-madwar.  U la hu minnu li intom għandkom l-akbar minjiera tad-deheb fid-dinja, kunu afu li l-aktar teżor prezzjuż hu r-rieda li d-differenzi ma jissarfux f’kunflitt imma jarmonizzaw ruħhom bl-armonija u r-rispett reċiproku.  L-armonija, dak li qed tagħmlu intom.  Titilfuhx dan id-don! Titfaqqru qatt minn dir-rikkezza tant kbira, anzi, ikkultivawha u għadduha speċjalment liż-żgħar u liż-żgħgżagħ.  Jalla ħadd ma’ jinġibed mis-seduzzjoni tal-integraliżmu u l-vjolenza, u jalla minflok, kulħadd jinġibed lejn il-ħolma ta’ soċjetà u umanità ħielsa, fraterna u paċifika!

Grazzi!  Grazzi għat-tbissima ġentili tagħkom, li dejjem jiddi fuq wiċċkom u hi sinjal tas-sbuħija u l-ftuħ interjuri tagħkom.  Alla jtikom dan id-don.  Ibqgħu mexjin bl-għajnuna u l-barka tiegħu  Bhinneka Tunggal Ika, magħqudin fid-diversità.  Grazzi!

 

______________________________________

Tislima tal-Qdusija Tiegħu Franġsiku fil-Mina tal-Ħbiberija

 

Għeżież ħuti,

nifirħilkom ilkoll għaliex din “Il-Mina tal-Ħbiberija” triduha tkun imkien ta’ djalogu u laqgħa.

Meta nsemmi l-mina faċli jiġi f’moħħi post imdallam u, speċjalment jekk inkunu waħedna, post li jista’ jqabbadna l-biża’.  Iżda hawnhekk differenti, hawnhekk kollox imdawwal.  Irrid ngħidilkom, però, li d-dawl ġej minnkom, mill-ħbiberija ta’ bejnietkom, mill-armonija li tikkultivaw, mit-tweżin ta’ xulxin, u mil-mixi tagħkom flimkien, mixi li f’tarf it-triq iwassalkom lejn id-dawl sħiħ.

Aħna li nemmnu u li nagħmlu parti minn tradizzjonijiet reliġjużi diversi, għandna rwol x’naqdu: ngħinu lil kulħadd jaqsam il-mina b’ħarstu lejn id-dawl.  Hekk, fi tmiem il-mixja, f’dawk li jkunu mxew magħna nkunu nistgħu nagħrfu l-aħwa li magħhom naqsmu l-ħajja u nwieżnu lil xulxin.

Il-ħafna sinjali ta’ theddid, iż-żminijiet mudlama, nopponuhom bis-sinjal tal-fratellanza li tilqa’ lill-ieħor u tirrispetta l-identità tiegħu, tħajru jingħaqad f’mixja komuni magħmula minn ħbiberija li twassal għad-dawl.

Grazzi lil dawk kollha li jaħdmu b’konvinzjoni li nistgħu lkoll ngħixu fl-armonija u l-paċi, konxji mill-ħtieġa ta’ dinja aktar fraterna.  Nawgura li l-komunitajiet tagħna jkunu dejjem aktar miftuħin għad-djalogu inter-reliġjuż u jkunu simbolu tal-koeżistenza paċifika karatteristika tal-Indonesia.

Nerfa’ talbi lejn Alla, Ħallieq ta’ kulħadd, sabiex ibierek lil dawk kollha li jgħaddu minn dil-Mina bi spirtu ta’ ħbiberija, armonija u fraternità.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti minn minn Joe Huber