VJAĠĠ APOSTOLIKU TAL-QDUSSJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-INDONEŻJA, IL-PAPUA NEW GINEA,
TIMOR-LESTE U SINGAPORE
(2-13 ta' Settembru 2024)
LAQGĦA MAL-BENEFIĊJARJI MINN ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-KARITÀ
DISKORS TAL-QDUSJA TIEGĦU
Kwartieri Ġenerali tal-Konferenza tal-Isqfijiet Indoneżjani (Ġakarta, Indoneżja)
Il-Ħamis, 5 ta’ Settembru 2024
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Jien kuntent ħafna li qiegħed hawn magħkom. Insellem lilkom ilkoll, partikolarment lill-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Indoneżjani, li nirringrazzjah għall-kliem ġentili ta’ introduzzjoni tiegħu. Nirringrazzja wkoll lil Mimi u Andrew għal dak li qasmu magħna. Huwa tajjeb ħafna li l-Isqfijiet Indoneżjani għażlu li jiċċelebraw magħkom il-mitt anniversarju tal-Konferenza nazzjonali tagħhom. Grazzi! Grazzi talli ħadtu din id-deċiżjoni. Grazzi lill-President! Nista’ ngħid li l-ispirtu Kartużjan tiegħek jgħinna nagħmlu dawn l-affarijiet.
Intom kwiekeb jiddu fis-sema ta’ dan l-arċipelagu, il-membri l-aktar prezzjużi ta’ din il-Knisja. Fi kliem id-djaknu u martri San Lawrenz, mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, intom it-“teżori” tagħha. Ħa nibda billi ngħid li naqbel bis-sħiħ ma’ dak li qaltilna Mimi: Alla “ħoloq bnedmin b’kapaċitajiet uniċi biex jarrikkixxu d-diversità tad-dinja tagħna”. Tkellimt tajjeb, Mimi, grazzi. Hija kompliet turina dan billi qalet kliem mill-isbaħ dwar Ġesù bħala “s-sinjal tat-tama tagħna”. Grazzi għal dan!
L-esperjenza li niffaċċjaw id-diffikultajiet flimkien, billi lkoll nagħmlu l-almu tagħna, kull wieħed u kull waħda minna jagħtu l-kontribut speċifiku tagħhom, tarrikkixxina u tgħinna niskopru mill-ġdid kuljum kemm hu importanti għalina li naħdmu flimkien: fid-dinja, fil-Knisja, fil-familji tagħna, kif fakkarna Andrew. Ejjew nifirħulu li ħa sehem fil-Logħob Paralimpiku! Bravu! Ejjew nagħtu applaws għal Andrew! Fl-istess waqt, ejjew nagħtu ċapċipa wkoll lilna nfusna, għaliex lkoll aħna msejħin biex insiru, flimkien, “champions tal-imħabba” fl-“Olimpjadi” il-kbar tal-ħajja! Ħa nagħtu applaws lilna lkoll!
Għeżież ħbieb, ilkoll għandna bżonn lil xulxin, u din mhix xi ħaġa ħażina. Tgħinna nifhmu dejjem aktar li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna hija l-imħabba (ara 1 Kor 13,13) u tgħinna wkoll nirrealizzaw kemm hemm nies tajbin madwarna. Tfakkarna wkoll kemm il-Mulej iħobbna, lil kull wieħed u kull waħda minna, anke bil-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet tagħna (ara Rum 8,35-39). Aħna lkoll uniċi f’għajnejh, f’għajnejn il-Mulej. Hu qatt ma jinsiena. Qatt. Ejjew dejjem niftakruh dan. Hekk inżommu t-tama tagħna ħajja u nagħmlu l-parti tagħna billi nistinkaw, mingħajr qatt ma ngħejju. B’dan il-mod, ħajjitna ssir don għall-oħrajn (ara Ġw 15,12-13).
Grazzi għal din il-laqgħa u għal dak kollu li tagħmlu, ilkoll flimkien. Inberikkom u nitlob għalik. U nitlob lilkom ukoll biex, jekk jogħġbkom, ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi. Illum nixtieq nawgura wkoll lil dik l-omm li ma setgħetx tattendi, għaliex tinsab fis-sodda, imma llum tagħlaq 87 sena. Minn għandna lkoll hawn, nibagħtulha l-isbaħ xewqat.