VJAĠĠ
APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU INDONESIA, PAPUA NUOVA GUINEA,
TIMOR-LESTE u SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru, 2024)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U MAL-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Sala
tal-Palazz Presidenzjali “Istana Negara” (Ġjakarta, Indonesia)
l-Erbgħa, 4 ta’ Settembru, 2024
Sur
President,
Awtoritajiet Distinti,
Eminentissimi Kardinali,
Isqfijiet,
illustri Rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi, tad-diversi reliġjonijiet,
illustri Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
Membri tal-Korp Diplomatiku!
Minn qalbi rrodd ħajr lilek, Sur President, tal-invit li għoġbok tagħmilli biex inżur pajjiżek u għall-kliem ġentili li bihom ilqajtni. Lill-President-elett intih l-isbaħ awguri tiegħi għal ħidma sfiqa b’servizz għall-Indonesia, arċipelagu enormi magħmul minn eluf ta’ eluf ta’ gżejjer imdawrin bil-baħar li jgħaqqad l-Asja mal-Oċeanja.
Kważi wieħed jista’ jafferma li kif l-oċean hu l-element naturali li jgħaqqad flimkien il-gżejjer indonesjani kollha, bl-istess mod ir-rispett reċiproku lejn il-karatteristiċi speċifiċi kulturali, etiniċi, lingwistiċi u reliġjużi tal-gruppi umani li jiffurmaw l-Indonesia hu n-nisġa indispensabbli li torbot flimkien lill-poplu indonesjan tgħaqqdu u tagħmlu kburi.
L-innu nazzjonali tagħkom “Bhinneka tunggal ika” (“Magħqudin fid-diversità”) juri ċar din ir-realtà multiformi ta’ popli diversi magħqudin flimkien bħala nazzjoni wieħed. Minbarra hekk, juri illi, bħalma l-biodiversità li hawn f’dan l-arċipelagu hu għajn ta’ għana u splendur, bl-istess mod id-differenzi speċifiċi jikkontribwixxu biex jiffurmaw mużajk meraviljuz li fih, kull biċċa hi element insostitwibbli li bihom tissawwar opra oriġinali u prezzjuża. Dan hu t-teżor tagħkom, hu l-akbar għana tagħkom.
L-armonija, bir-rispett lejn id-diversità, tinkiseb meta kull viżjoni partikolari żżomm f’moħħha l-ħtiġijiet komuni u meta kull grupp etniku u kull konfessjoni reliġjuża jaġixxu fi spirtu ta’ fraternità, jimmiraw lejn l-għan nobbli li jkunu ta’ servizz għall-ġid ta’ kulħadd. L-għarfien li kulħadd hu sehem minn storja waħda, li fiha kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu, flimkien mas-solidarjetà ta’ kull parti lejn il-ġid komuni, hi fundamentali, tgħin biex jinstabu s-soluzzjonijiet xierqa u biex titwarrab l-eżasperazzjoni tan-nuqqas ta’ qbil u hekk, il-kontrappożizzjoni tinbidel f’kollaborazzjoni fattiva.
Dan l-ekwilibriju delikat u għaqli, fost il-moltepliċità tal-kulturi u l-viżjonijiet ideoloġiċi differenti, flimkien mar-raġunijiet tal-prinċipju li jsaħħaħ l-għaqda, għandu jkun imħares minn kull tip ta’ sbilanċjament. Huwa xogħol artiġjanali, intenni, xogħol artiġjanali dmir ta’ kulħadd, imma b’mod speċjali dmir tal-azzjoni politika, meta jkollha bħala għan tagħha l-armonija, il-ekwità, ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, svilupp sostenibbli, solidarjetà u t-tfittxija għall-paċi, kemm fi ħdan is-soċjetà kif ukoll mal-popli u n-nazzjonijiet l-oħra. Minn hawn tidher kemm hi b’saħħitha l-politika. Wieħed għaref kien jgħid li l-politika hi l-aktar forma għolja tal-karità. Ħaġa sabiha din.
Biex tiffaċilita armonija paċifika u kostruttiva li tiżgura l-paċi u tgħaqqad il-forzi kollha biex jingeħleb l-iżbilanċ u l-irqajja tal-miżerja li għadhom jippersistu f’xi żoni, il-Knisja tixtieq issaħħaħ id-djalogu inter-reliġjuż. B’hekk jistgħu jitneħħew il-preġudizzji u tisseddaq il-klima ta’ rispett u fiduċja reċiproka, elementi indispensabbli biex naffrontaw l-isfidi komuni, fosthom biex nopponu l-estremiżmu u l-intolleranza, illi – bit-tgħawwiġ tar-reliġjon – jippruvaw jimponu ruħhom bl-ingann u l-vjolenza. Minflok, il-qrubija, li wieħed jisma’ l-opinjonijiet tal-ieħor, joħolqu l-fratellanza fi ħdan in-nazzjon. Din ħaġa sabiħa ħafna, sabiħa ħafna.
Il-Knisja Kattolika titqiegħed għas-servizz tal-ġid komuni u tixtieq issaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi u ma’ sezzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, bla ma qatt tagħmel prożelitiżmu, qatt; tirrispetta l-fidi ta’ kull persuna. B’hekk tkun ta’ inkoraġġiment biex tifforma nisġa soċjali aktar ekwilibrata u tiżgura li l-assistenza soċjali tkun imqassma b’mod aktar effiċjenti u ekwu.
Ippermettuli nirreferi għall-Preambolu tal-Kostituzzjoni tagħkom tal-1945, li joffri indikazzjonijiet prezzjużi dwar id-direzzjoni tal-mixja li għażlet l-Indonesia demokratika u indipendenti. U din hi storja sabiħa ħafna: meta wieħed jaqraha jinduna li kienet l-għażla ta’ kulħadd.
Għal darbtejn, fi ftit sentenzi, il-Preambolu jsemmi lil Alla li jista’ kollox u l-ħtieġa li l-barka tiegħu tinżel fuq l-Istat tal-Indonesja li kien qed jitwieled. Bl-istess mod, it-test li jiftaħ il-Liġi fundamentali tagħkom għal darbtjen jitkellem dwar il-ġustizzja soċjali u jawgura li l-ordinament internazzjonali jinbena fuqha. Dan hu wieħed mill-għanijiet ewlenin li għandu jintlaħaq b’vantaġġ għall-poplu indonesjan kollu.
Għaqda fil-varjetà, ġustizzja soċjali, barka divina, għalhekk, huma l-l-prinċipji fundamentali, destinati li jnebbħu u jorjentaw il-programmi speċifiċi, qieshom il-ġebla tax-xewka, il-bażi solida li fuqha mibnija d-dar. U kif nistgħu ma ninnutawx li dawn il-prinċipji jaqblu perfettament mal-motto ta’ diż-żjara tiegħi fl-Indonesia: “Fidi, fraternità, kumpasjoni”?
Iżda sfortunatament, fid-dinja tal-lum qed naraw tendenzi li jxekklu l-iżvilupp tal-fraternità universali (cfr Fratelli tutti, 9). F’diversi reġjuni qed naraw jiżdiedu kunflitti vjolenti li spiss huma frott ta’ nuqqas ta’ rispett reċiproku, ta’ pożizzjoni intolleranti li trid akkost ta’ kollox tgħaddi tagħha u timponi biss l-interessi tagħha, il-pożizzjoni tagħha, jew l-interpretazzjoni tal-istorja skont kif jaqbel lilha, anki meta dan iġib miegħu tbatija bla tarf għall-kollettivitajiet sħaħ u jispiċċaw isiru biss gwerer imdemmija.
Ximindaqqiet imbagħad, jinbtu tensjonijiet vjolenti fi ħdan l-istess Stati, għar-raġuni li min ikollu l-poter irid iġib kollox uniformi, ugwali, billi jimponi l-viżjoni tiegħu anki fi kwistjonijiet li suppost għandhom jitħallew f’idejn il-persuni individwali jew f’idejn il-gruppi.
Min-naħa l-oħra, minkejja d-dikjarazzjonijiet programmatiċi mielsa, hemm ħafna sitwazzjonijiet neqsin minn impenn effettiv li jħares fil-bogħod, biex verament ikun hemm ġustizzja soċjali. B’riżultat ta’ dan, parti mdaqqsa sew tal-umanità titwarrab fil-ġenb, mingħajr mezzi biex tgħix ħajja dinjituża u bla difiża quddiem skwilibriju soċjali gravi li qed jiżdied, u li mbagħad ikun ir-raġuni għala jitkebbsu kunflitti vjolenti. U xinhi s-soluzzjoni għal dan? Il-liġi tal-mewt, jiġifieri nillimitaw it-twelid, nillimitaw l-akbar rikkezza li għandu l-pajjiż, it-twelid. Imma pajjiżkom għad għandu familji ta’ tlieta, erba’, ħamest itfal. U dan jidher fil-livell tal-età tal-pajjiż. Komplu hekk. Hu eżempju għall-pajjiżi kollha. Forsi dan il-kumment iġib tbissima: forsi ċertu familji jippreferu jkollhom qattus minflok wild. Dan mhux sew.
F’kuntesti oħrajn hemm l-idea li wieħed jista’, inkella m’għandux bżonn ifittex il-barka t’Alla, għax titqies fiergħa għall-bniedem u għas-soċjetà ċivili, li l-progress jista’ jsir bil-ħila tal-bniedem waħdu, imma aġir bħal dan spiss iħabbat wiċċu ma’ frustrazzjoni u falliment. Min-naħa l-oħra hemm każijiet fejn il-fidi f’Alla tingħata importanza imma spiss biex sfortunatament tkun immanipolata u mhux biex tgħin fil-binja tal-paċi, tal-komunjoni, tad-djalogu, tar-rispett, tal-kollaborazzjoni, tal-fraternità, tat-tisħiħ tal-pajjiż, imma biex tinċita firdiet u mibegħda.
Ħuti, quddiem dawn id-dellijiet, jhennini nosserva kif fil-filosofija li tnebbaħ l-oragnizzazzjoni tal-Istat indonesjan jispikkaw id-dehen u l-ekwilibriju. A propożitu ta’ dan, nagħmel tiegħi dak li qal San Ġwanni Pawlu II, propju f’dal-Palazz, fl-okkażjoni taż-żjara li għamel fl-1989. Fost kollox kien afferma: “Intom u tagħtu għarfien lill-preżenza leġittima tad-diversità, tirrispettaw id-drittijiet umani u politiċi taċ-ċittadni kollha u tmexxu ‘l quddiem it-tisħiħ tal-għaqda nazzjonali u r-rispett lejn l-oħrajn, intom qed tibnu pedament ta’ soċjetà ġusta u paċifika li l-indonesjani kollha jixtiequ għalihom u li jixtiequ jgħaddu lil uliedhom” (Diskors lill-President tar-Repubblika tal-Indonesia u lill-Awtoritajiet, Ġjakarta, 9 ta’ Ottubru, 1989).
Anki jekk kultant, fil-mixja tal-ġrajjieet tal-istorja, il-prinċipji li għadni kif semmejt, mhux dejjem irnexxilhom joħorġu minn fuq f’kull ċirkostanza, xorta waħda jibqgħu validi u affidabbli, qieshom fanal li juri d-direzzjoni u jwissi dwar l-iżbalji perikolużi li wieħed għandu jevita.
Sur President, Sinjuri,
nawgura lil kulħadd li fl-imġieba tal-ħajja ta’ kuljum jislet ispirazzjoni minn dawn il-prinċipji u jagħmilhom effettivi hu u jaqdi dmirijietu għaliex opus justiziae pax, il-paċi hi frott tal-ġustizzja. Infatti, l-armonija tinkiseb meta kull persuna timpenja ruħha mhux biss għall-interessi tagħha u għall-viżjoni personali, imma bil-ħarsa lejn il-ġid ta’ kulħadd, biex jinbew pontijiet, ikun hemm il-ftehim u s-sinerġija, biex jingħaqdu flimkien il-forzi ħalli tkun megħluba kull għamla ta’ miżerja morali, ekonomika, soċjali u jimxu ‘l quddiem il-paċi u l-armonija.
Għeżież ħuti, komplu mexjin fi triqtkom li hi tant sabiħa u tant ġusta. U b’hekk inwassal il-barka lill-poplu kollu: Alla jbierek l-Indonesia bil-paċi, b’ġejjieni għani bit-tama. Alla jberikkom ikoll!
Miġjub għall-Malti minn minn Joe Huber