DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIL GRUPP TA' ESPERTI KOLLABORATURI

TAL-KONFERENZA EPISKOPALI FRANĊIŻA

DWAR IT-TEMA TAL-LAUDATO SI'

Il-Ħamis, 3 ta' Settembru 2020

 

Diskors impromptu tal-Qdusija Tiegħu

Diskors imħejji mill-QdusijaTiegħu mogħti lill-parteċipanti waqt il-laqgħa

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Irrodd ħajr likom ilkoll għaż-żjara tagħkom u rrodd ħajr lill-President tal-Episkopat.

Qed nara li lkoll kemm intom għandkom f'idejkom it-traduzzjoni ta' dak li se ngħid.  U, parti mill-konverżjoni ekoloġika hi li ma jintilifx ħin.  Għalhekk għandkom it-test uffiċjali.  Issa nippreferi nitkellem b'mod spontanju.  Id-diskors oriġinali se ntihulkom.

Nixtieq nibda bi ftit storja.  Fl-2007 tlaqqgħet il-Konferenza tal-Episkopat Latino-Amerikan fil-Brażil, f'Aparecida.  Jien kont wieħed mill-edituri tad-dokument finali u kienu qed jaslu l-proposti mill-Amażonja.  Kont ħsibt bejni u bejn ruħi: "Imma dal-brażiljani kif qed idejquna b'din l-Amażonja!  X'għandha x'taqsam l-Amażonja mal-evanġeliżżazzjoni?"  Dak kont jien fl-2007.  Imbagħad fl-2015 ħarġet il-Laudato si'.  Jien kelli mixja ta' konverżjoni, ta' għarfien tal-problema ekoloġika.  Qabel ma kont nifhem xejn!

Meta mort Strasburgu, fl-Unjoni Eweopea, il-President Hollande bagħat biex tilqagħni lill-Ministru tal-Ambjent, Ségolène Royale.  Tkellimna fl-ajruport... ftit għall-bidu għax kien hemm il-programm imħejji, imma wara,  fl-aħħar, qabel ma tlaqt kellna nistennew xi ftit u tkellimna aktar fit-tul.  U s-Sinjura Ségolène Royale kienet qaltli hekk: "Minnu li qed tikteb xi ħaġa dwar l-ekoloġija? - minnu! -  Jekk jogħġbok ippubblikah qabel il-laqgħa ta' Pariġi!"

Jien laqqajt it-tim li kien qed iħejjiha - għax għandkom tkunu tafu li din ma ktibthiex jien minn rajja, kien hemm tim ta' xjenzjati, tim ta' teoloġi u lkoll flimkien għamilna din  ir-riflessjoni - laqqajt lil dat-tim u għidtilhom: "Din trid toħroġ qabel il-laqgħa ta' Pariġi" - "Imma għaliex?" - "Biex issir pressjoni".  Minn Aparecida sal-Laudato si' għalija kienet mixja interjuri.

Meta bdejt naħseb dwar din l-Enċiklika, sejjaħt lix-xjenzjati - grupp imdaqqas - u għidtilhom:  "Għiduli l-affarijiet ċari u li hemm prova tagħhom mhux ipotesijiet, ir-realtà".  U huma tawni dak li qed taqraw intom illum hemmhekk.  Imbagħad sejjaħt grupp ta filosofi u teoloġi (u għidtilhom): "Jien irrid nagħmel riflessjoni fuq dan.  Intom aħdmu u ddjalogaw miegħi".  U huma għamlu l-ewwel xogħol, u wara dħalt jien.  U fl-aħħar, id-daqqa finali għamiltha jien.  Hekk issawret.

Imma rrid nisħaq dan: minn sitwazzjoni fejn ma kont nifhem xejn, f'Aparecida fl-2007, sal-Enċiklika.  Hu ta' sodisfazzjoni għalija li nagħti dix-xhieda. Jeħtieġ naħdmu biex kulħadd ikollu dil-konverżjoni ekoloġika.

Imbagħad wasal is-Sinodu dwar l-Amażonja.  Meta mort l-Amażonja ltqajt ma' ħafna nies hemmhekk.  Mort Puerto Maldonado, fl-Amażonja Peruvjana.  Tkellimt man-nies, ma' tant kulturi indiġeni differenti.  Imbagħad ippranzajt ma' 14-il kap tagħhom.  Kienu jitkellmu b'għerf u inteliġenza ta' livell għoli ħafna!  Mhux biss b'inteliġenza imma wkoll bl-għerf.  U mbagħad staqsejt: "U inti x'tagħmel?" - "Jien professur l-università".  Indiġenu bir-rix f'rasu, imma fl-università jilbes ilbies normali.  "U int, sinjura?" - "Jien il-persuna fi ħdan il-ministeru tal-edukazzjoni responsabbli għal dar-reġjun kolllu".  U hekk wieħed wara l-ieħor.  U mbagħad tfajla: "Jien studenta l-università, qed nistudja x-xjenzi politiċi".  U hemm fhimt li hemm bżonn inneħħu l-idea li għandna tal-indiġeni li aħna narawhom biss bil-vleġeġ.  Skoprejt, spalla ma' spalla, l-għerf tal-popli indiġeni u wkoll l-għerf "tal-għejxien tajjeb", mhux 'id-dolce vita', le, l-għażż li ma tagħmel xejn, le.  Għejxien tajjeb huwa għejxien f'armonija mal-maħluq.  U dan l-għerf tal-għejxien tajjeb aħna tlifnih.  Il-popli oriġinarji qed ituna dal-bieb miftuh.  U xi xjuħ tal-popli oriġinarji tal-Punent tal-Kanada jilmentaw li n-neputijiet tagħhom imorru fl-ibliet, jiddakkru mill-affarijiet moderni u jinsew l-għeruq.  U din li jinsew l-għeruq mhux dramm tal-aboriġini biss, imma tal-kultura kontemporanja.

U hekk, insibu dan l-għerf li forsi aħna tlifna minħabba wisq inteliġenza.  Aħna - ħasra - sirna 'macrocefali' (rasna kbira): bosta universitajiet tagħna jgħllamuna idejat, kunċetti... Aħna werrieta tal-liberaliżmu, tal-illuminiżmu... U tlifna l-armonija tat-tliet lingwaġġi.  Il-lingwaġġġ tal-moħħ: il-ħsieb; il-lingwaġġ tal-qalb: il-ħass; il-lingwaġġ tal-idejn: it-twettiq.  U nġorru fina din l-armonija li kulħadd jaħseb dwar dak li jħoss u jagħmel; li kulħadd iħoss dak li jaħseb u jagħmel; li kulħadd jagħmel dak li jħoss u jaħseb.  Din hi l-armonija tal-għerf.  Mhix ftit jew wisq id-diżarmonija - u dan mhux qed ngħidu f'sens ta' tmaqdir - tal-ispeċjaliżżazzjoni.  Hemm bżonn l-ispeċjalisti, hemm bżonnhom bil-patt li jkollhom għeruqhom imħawlin fl-għerf uman.  L-ispeċjalisti maqtugħin minn dan l-għerf isiru robots.

Jiem ilu, aħna u nitkellmu dwar l-inteliġenza artifiċjali, persuna staqsietni, - aħna fid-Dikasteru tal-Kultura għandna grupp ta' studju ta' livell għoli mmens dwar l-inteliġenza artifiċjali -: "Imma l-inteliġenza artifiċjali tkun tista' tagħmel kollox?" -"Ir-robots tal-ġejjieni se jkunu jistgħu jagħmlu kollox, dak kollu li tista' tagħmel persuna?  Imma xi jkun jonqoshom? - għidt jien - x'inhi dik il-ħaġa li ma jkunux jistgħu jagħmlu?"  U hu waqaf jasħeb ftit u qalli: "Ħaġa waħda ma jkollhomx: it-tenerezza".  U t-tenerezza hi bħat-tama.  Kif jgħid Péguy, huma virtuwjiet umli.  Huma virtuwjiet li jmellsu, li ma jimponux ruħhom... U nemmen - u dan nixtieq nisħaq dwaru - li fil-konverżjoni ekoloġika tagħna hemm bżonn naħdmu fuq din l-ekoloġija umana; naħdmu fuq it-tenerezza tagħna u l-ħila li nżiegħlu... Int, ma' wliedek... Il-ħila li nżiegħlu, element tal-ħajja sabiħa u f'armonija.

Minbarra dan hemm ħaġa oħra li nixtieq ngħid dwar l-ekoloġija umana.  Il-konverżjoni ekoloġika tgħinna napprezzaw l-armonija ġenerali, li kollox hu relatat.  Fis-soċjetajiet umani tagħna tlifna das-sens ta' korrelazzjoni umana.  Veru li hemm assoċjazzjonijiet, hemm gruppi - bħalma hu dan tagħkom -  li jiltaqgħu biex jagħmlu xi ħaġa.. Imma jien qed nirreferi għal dik ir-relazzjoni fundamentali li toħloq l-armonija umana.  U bosta drabi tlifna s-sens tal-għeruq, tal-appartenenza.  Is-sens tal-appartenenza.  Meta poplu jitlef is-sens ta' għeruqu, jitlef l-identità tiegħu.  - Imma mhux hekk, aħna moderni!  Naħsbu ftit fin-nanniet u l-bużnanniet tagħna... Affarijiet tal-imgħoddi! -  Imma hemm realtà oħra, l-istorja, hemm l-apparteneza għal tradizzjoni, għal xi umanità, għal stil ta' għejxien... Għalhekk hu importanti llum li nieħdu ħsieb l-għeruq tal-appartenenza tagħna ħalli l-frott ikun tajjeb.

Għaldaqstant illum aktar minn qatt qabel, meħtieġ id-djalogu bejn in-nanniet u n-neputijiet.  Dan donnu jidher xi ftit stramb, imma jekk żgħażugħ - intom hawn ilkoll għadkom żgħażagħ - ma jkollux is-sens tar-relazzjoni man-nanniet, is-sens tal-għeruq, ma jkollux il-ħila jmexxi 'l quddiem l-istorja tiegħu personali, l-umanità, u jispiċċa jkollu jaqa' għall-ftehim, kompromessi maċ-ċirkostanzi.  L-armonija umana ma tittollerax ftehim ta' kompromess.  Iva, il-politika umana - li hi arti oħra u meħtieġa - il-politika umana hekk issir, bil-kompromessi biex kulħadd jista' jibqa' miexi.  Imma l-armonija le.  Jekk int m'għandekx għeruq is-siġra ma tikbirx.  Hemm poeta arġentin, Francisco Luis Bernárdez – mejjet, imma hu weħed mill-akbar poeti tagħna - li jgħid: “Todo lo que el árbol tiene de florido vive de lo que tiene sepultado” (Dak kollu li s-siġra għandha jwarrad jgħix b'dak li hemm midfun).  Jekk l-armonija umana tagħti l-frott ir-raġuni hi li għandha l-għeruq.

U għalfejn id-djalogu man-nanniet?  Nista' nitkellem mal-ġenituri, dan hu importanti ħafna!, li titkellem mal-ġenituri hu importanti ħafna.  Imma n-nanniet għandhom xi ħaġa aktar, bħall-inbid tajjeb.  L-inbid tajjeb aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jitjieb.  Intom il-franċiżi dawn l-affarijiet tafuhom, mhux hekk?  In-nanniet għandhom dak l-għerf.  Dejjem laqatni dak il-pass mill-Ktieb ta' Ġoel: "In-nanniet għad joħolmu.  Ix-xjuħ għad joħolmu u ż-żgħażagħ għad jipprofetiżżaw"  Iż-żgħażagħ huma profeti.  Ix-xjuħ huma ħalliema.  Donnu l-maqlub huwa hekk, imma hekk hu!  Bil-patt li x-xjuħ (iż-żgħażagħ??) u n-nanniet jitkellmu bejniethom.  U din hi l-ekoloġija umana.

Jidsipjaċini imma jkollna nieqfu għax il-Papa wkoll hu lsir tal-arloġġ!  Imma ridt nirrakkonta din it-testimonjanza tal-istorja tiegħi, dawn l-affarijiet, biex nibqgħu mexjin.  U ċ-ċavetta ta' kollox hi l-armonija.  U ċ-ċavetta umana hi t-tenerezza, il-ħila taż-żegħil.  L-istruttura umana hi waħda mill-ħafna  strutturi politiċi meħteiġa.  L-istruttura umana hi d-djalogu bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ.

Irroddilkom ħajr għal dak li qed tagħmlu.  Ħadt pjaċir nibgħatilkom dan (id-diskorss miktub) għall-arkivju tagħkom - taqrawh aktar tard - u ngħid dak li qed inħoss f'qalbi.  Deherli li hu aktar uman.  nawguralkom l-aħjar. Et priez pour moi. J’en ai besoin. Ce travail n’est pas facile. Et que le Seigneur benisse vous tous.  (U itolbu għalija.  Għandi bżonnu ħafna.  Ix-xogħol tiegħi xejn mhu ħafif.  U jalla l-Mulej iberikkom ilkoll.

 

_________________________________________

 

Id-diskors imħejji tal-Papa mogħti lill-parteċipanti

 

Eċċellenza,

Sinjuri,

hu pjaċir tiegħi nilqagħkom u ntikom merħba minn qalbi hawn f'Ruma.  Irrodd ħajr li-Monsinjur de Moulins Beaufort għall-inizjattiva biex issejħet dil-laqgħa wara r-riflessjonjijiet li għamlet il-Konferenza Episkopali ta' Franza dwar l-Enċiklika Laudato si', riflessjonijiet li fihom ħadu sehem għadd ta' esperti impenjati fil-kawża ekoloġika.

Aħna niffurmaw parti minn familja umana waħda, imsejħin biex ngħixu f'dar komuni li fiha, ilkoll flimkien qed naraw it-tħasir li jħassbek.  Il-kriżi sanitarja li għaddejja minnha l-umanità bħalissa qed tfakkarna fil-fraġiltà tagħna.  Qed nifhmu sa liema punt aħna marbutin ma' xulxin, miġburin  f'dinja li tagħha aħna naqsmu bejnietna l-ġejjieni u li meta nittrattawha ħażin ma jistax ikun li ma jkunx hemm konsegwenzi mhux biss ambjentali imma wkoll soċjali u umani.

Iqawwilek qalbek il-fatt li tqajjmet kuxjenza ftit jew wisq kullimkien dwar l-urġenza tas-sitwazzjoni, illi s-suġġett tal-ekoloġija qed jidħol sew fil-ħsieb fuq il-livelli kollha u qed jibda jkollu influwenza fuq l-għażliet politiċi u ekonomiċi, anki jekk baqa' ħafna xi jsir u qed nassistu għal wisq tkaxkir tas-saqajn jekk mhux saħansitra, passi lura.  Min-naħa tagħha, il-Knisja Kattolika trid tipparteċipa bis-sħiħ fl-impenn għall-ħarsien tad-dar komuni.  Hi m'għandhiex soluzzjonijiet lesti u konxja mid-diffikultajiet tal-kwistjonijiet tekniċi, ekonomiċi u politiċi li hemm jiżfnu fin-nofs, u aktar u aktar mill-isforzi meħtieġa f'impenn bħal dan.  Iżda trid taġixxi konkretament fejn hu possibbli u fuq kollox, trid tifforma l-kuxjenzi bl-għan li tkun ta' fejda għal konverżjoni ekoloġika profonda u dejjiema, għax b'hekk  biss nistgħu nwieġbu għall-isfidi importanti li rridu nħabbtu wiċċna magħhom.

Dwar dil-konverżjoni ekoloġika, nixtieq naqsam magħkom il-mod kif il-konvinzjonijiet tal-fidi joffru lill-insara motivazzjonijiet kbar għall-ħarsien tan-natura, kif ukoll tal-aħwa l-aktar fraġli, għax jien ċert li x-xjenza u l-fidi, li joffru r-realtà minn lentijiet differenti jistgħu jiżviluppaw djalogu għani u għammiel (cfr Enċ. Laudato si', 62).

il-Bibbja tgħalllimna li d-dinja ma nibtitx mill-kaos jew b'kumbinazzjoni, imma b'deċiżjoni ta' Alla li sejħilha u jibqa' jsejħilha dejjem għall-eżistenza, għax iħobbha.  L-univers hu sabih u tajjeb u aħna u nikkuntemplawh jippermettielna niskopru s-sbuħija u t-tjubija tal-Awtur tiegħu.  Kull ħlejqa, anki l-aktar waħda fraġli, hi frott tat-tenerezza tal-Missier li taha post fid-dinja.  In-nisrani ma jistax ma jirrispettax l-opra li afdalu f'idejh il-Missier, qiesha ġnien biex ikun kultivat, jitħares u jitkabbar skont il-possibiltajiet tiegħu.  U jekk il-bniedem għandu dritt jagħmel użu min-natura għall-għanijiet tiegħu, għall-ebda raġuni ma jista' jippretendi li hu propjetarju tagħha jew li jikkmandaha kif jidhirlu hu, imma jqis ruħu biss bħala amminstratur li jrid jagħti kont ta' kif mexxa.  F'dal-ġnien li joffrielna Alla, il-bnedmin għandhom is-sejħa li jgħixu f'armonija bil-ġustizzja, fil-paċi u l-fraternità, l-idejal evanġeliku li offrielna Ġesù (cfr LS, 82).  U meta n-natura nqisuha  biss bħala oġġett ta' profitt jew interessi - viżjoni li ssaħħaħ il-kapriċċi ta' min hu l-aktar b'saħħtu - allura l-armonija tinkiser u nibdew naraw id-diżugwaljanzi, l-inġustizzji u t-tbatija.

San Ġwanni Pawlu II kien afferma: "Mhux biss l-art ingħatat minn Alla lill-bniedem li għandu jużaha b'rispett lejn l-intenzjoni oriġinarja tal-ġid, li skontu kienet ingħatatlu; imma l-bniedem hu rigal lilu nnifsu mogħti lilu minn Alla u għalhekk, għandu jirrispetta l-istrutturi naturali u morali, li bihom kien imżejjen" (Enċ. Centesimus annus, 8).  Għalhekk, kollox hu marbut ma' xulxin.  Huma l-indifferenza, l-egoiżmu il-kilba, is-suppervja il-pretensjoni li hu s-sid u d-dittatur tad-dinja li, min-naħa, jwasslu l-bniedem biex jeqred l-ispeċi u jaħtaf u jħarbat ir-riżorsi naturali, mill-oħra jisfrutta l-miżerja, jabbuża mix-xogħol tan-nisa u tat-tfal, jaqleb ta' taħt fuq il-liġijiet taċ-ċellula tal-familja, ma jibqax jirrispetta d-dritt għall-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali.

Għaldaqstant, "Jekk il-kriżi ekoloġika qed tikxef u turi l-kriżi etika, kulturali u spiritwali tal-epoka moderna, ma nistgħux nitqarrqu naħsbu li nistgħu nfejqu r-relazzjoni tagħna man-natura u l-ambjent mingħajr ma nfejqu r-relazzjonijiet fundamentali umani kollha" (LS, 119).  Għalhekk ma jistax ikun hemm relazzjoni ġdida man-natura mingħajr bniedem ġdid u huwa bil-fejqan tal-qalb li nistgħu nittamaw li nfejqu d-dinja mid-diżordni tagħha kemm soċjali kif ukoll ambjentali.

Għeżież ħbieb, inġedded l-inkoraġġiment tiegħi lilkom għall-isforzi tagħkom favur il-ħarsien tal-ambjent.  Filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-pjaneta donnhom jidhru katastrofiċi u ċerti sitwazzjonijiet donnhom jidhru saħansitra li ma jistgħux jitreġġgħu lura, aħna l-insara ma nitilfux it-tama għax għandna ħarsitna fuq Ġesù Kristu.  Huwa Alla, il-Ħallieq li ġie jżur il-ħolqien tiegħu u jgħammar fostna (LS, 96-100), biex ifejjaqna, biex jgħinna nsibu mill-ġdid l-armonija li tlifna, armonija ma' ħutna u armonija man-natura.  "Hu qatt ma jitlaqna, ma jħalliniex waħedna, għax hu twaħħad għal dejjem ma’ din l-art tagħna, u mħabbtu twassalna dejjem għall-għarfien ta’ toroq ġodda" (LS, 245.

Nitlob 'l Alla jberikkom.  U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber