Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KUNGRESS INTERNAZZJONALI TAL-KATEKISTI

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 10 ta’ Settembru 2022

 

Għeżież katekisti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-laqgħa tiegħi magħkom hi motiv ta’ ferħ għalija, għax naf tajjeb ħafna bl-impenn tagħkom biex tgħaddu l-fidi. Kif qal Mons. Fisichella – li nirringrazzjah għal dan l-appuntament –, intom ġejjin minn diversi pajjiżi u intom sinjal tar-responsabbiltà tal-Knisja fil-konfront ta’ tant persuni: tfal, żgħażagħ u adulti li jitolbu biex jagħmlu mixja ta’ fidi.

 

Sellimtilkom ilkoll bħala katekisti. Dan għamiltu intenzjonalment. Qed nilmaħ f’nofskom diversi isqfijiet, tant saċerdoti u persuni kkonsagrati: anki dawn huma katekisti. Anzi, ngħid jien, huma qabel kollox katekisti, għax il-Mulej isejħilna lkoll biex insemmgħu l-Vanġelu tiegħu fil-qalb ta’ kull persuna. Nistqarr magħkom li lili jogħġobni ħafna l-appuntament tal-Erbgħat, meta ta’ kull ġimgħa niltaqa’ ma’ tant persuni li jiġu biex jieħdu sehem fil-katekeżi. Dan hu mument ipprivileġġjat għaliex, aħna u nirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla u t-tradizzjoni tal-Knisja, aħna nimxu bħala Poplu ta’ Alla, u aħna wkoll imsejħin insibu l-forom li hemm bżonn biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum.

 

Nitlobkom: la tegħjew qatt tkunu katekisti. Mhux “tagħmlu lezzjoni” ta’ katekisti. Il-katekeżi ma tistax tkun bħal xi siegħa l-iskola, imma hi esperjenza ħajja tal-fidi li kull wieħed u waħda minna jħoss ix-xewqa li jgħaddiha lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Bla dubju, irridu nsibu l-aħjar modi biex il-komunikazzjoni tal-fidi tkun adegwata għall-età u għall-preparazzjoni tal-persuni li qed jisimgħuha; madankollu, hija deċiżiva l-laqgħa personali li jkollna ma’ kull wieħed u waħda minnhom. Hija biss il-laqgħa interpersonali li tiftaħ il-qalb biex tilqa’ l-ewwel tħabbira u tixtieq li tikber fil-ħajja Nisranija bid-dinamiżmu proprju li l-katekeżi tippermettilna nattwaw. Id-Direttorju għall-Katekeżi l-ġdid, li tqassmilkom fix-xhur li għaddew, sa jkun utli ħafna għalikom biex tistgħu tifhmu b’liema mod għandkom tagħmlu din il-mixja u kif iġġeddu l-katekeżi fid-djoċesijiet u fil-parroċċi.

 

Qatt la tinsew li l-iskop tal-katekeżi, li hija tappa pprivileġġjata tal-evanġelizzazzjoni, hu dak li twassalna għal laqgħa ma’ Ġesù Kristu u hu jikber fina. U hawn nidħlu direttament għall-ispeċifiku ta’ din it-tielet Laqgħa Internazzjonali tagħkom, li kkunsidrat it-tielet parti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Hemm silta fil-Katekiżmu li nħoss li importanti ngħaddihielkom fid-dawl tal-fatt li intom “Xhieda tal-ħajja ġdida”. Tgħid hekk: “Meta aħna nemmnu f’Ġesù Kristu, nissieħbu fil-misteri tiegħu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu, is-Salvatur innifsu jiġi fina jħobb lil Missieru u lil ħutu, lil Missierna u lil ħutna. Il-persuna tiegħu, bi grazzja tal-Ispirtu s-Santu, issir għalina regola ħajja fina dwar l-għemil kollu tagħna” (n. 2074).

 

Nifhmu għaliex Ġesù qalilna li l-kmandament tiegħu hu dan: Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien (ara Ġw 15:12). L-imħabba vera hi dik li tiġi minn Alla u li Ġesù wriena bil-misteru tal-preżenza tiegħu fostna, bil-predikazzjoni tiegħu, il-mirakli tiegħu u fuq kollox bil-mewt u l-qawmien tiegħu. L-imħabba ta’ Kristu tibqa’ bħala l-kmandament veru u waħdieni tal-ħajja ġdida, li n-Nisrani, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, jagħmel tiegħu ta’ kuljum f’mixja li ma tafx b’waqfien.

 

Għeżież katekisti, intom imsejħa tagħmlu viżibbli u tanġibbli l-persuna ta’ Ġesù Kristu, li jħobb lil kull wieħed u waħda minnkom u għalhekk isir regola tal-ħajja tagħkom u kriterju ta’ ġudizzju għall-aġir morali tagħna. Qatt la titbiegħdu minn din l-għajn ta’ mħabba, għax hija l-kundizzjoni biex tkunu hienja u mimlijin ferħ dejjem u minkejja kollox. Din hi l-ħajja ġdida li gelglet għal ġo fina fil-jum tal-Magħmudija u li għandna r-responsabbiltà li naqsmuha ma’ kulħadd, biex hekk tista’ tikber f’kull persuna u tħalli l-frott.

 

Jiena ċert li din il-mixja se twassal lil ħafna fostkom biex jiskopru b’mod sħiħ il-vokazzjoni ta’ katekisti, u biex allura jitolbu li jirċievu l-ministeru ta’ katekista. Jiena waqqaft dan il-ministeru għax naf kemm hu kbir ir-rwol li jista’ jiżvolġi fil-komunità Nisranija. La tibżgħux: jekk il-Mulej qed isejħilkom għal dan il-ministeru, imxu warajh! Tkunu qed tieħdu sehem fl-istess missjoni ta’ Ġesù li jxandar il-Vanġelu tiegħu u li jdaħħal f’relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla l-Missier.

 

U ma nixtieqx nagħlaq – hekk sewwa u xieraq – mingħajr ma nfakkar il-katekisti tiegħi. Hemm soru li kienet tmexxi l-grupp tal-katekisti; xi drabi kienet tgħallimna hi, xi drabi żewġ nisa bravi, it-tnejn kien jisimhom Alicia, dejjem niftakar fihom. U din is-soru qiegħdet il-pedamenti tal-ħajja Nisranija tiegħi, ħejjietni għall-Ewwel Tqarbina, fis-sena 1943-1944… Naħseb ħadd minnkom ma kien għadu twieled f’dak iż-żmien. Il-Mulej tani wkoll grazzja kbira ħafna. Kienet anzjana ħafna, jiena kont student, kont qed nistudja barra, fil-Ġermanja, u xħin temmejt l-istudji u rġajt lura l-Arġentina, l-għada mietet. Stajt nakkumpanjaha f’dik il-ġurnata. U meta kont hemm, nitlob quddiem it-tebut tagħha, raddejt ħajr lill-Mulej għax-xhieda ta’ din is-soru li qattgħet ħajjitha kważi biss bħala katekista, tipprepara lit-tfal u l-adolexxenti għall-Ewwel Tqarbina. Kien jisimha Dolores. Ippermettuli ngħid dan biex nagħti xhieda li, meta jkun hemm katekista tajba, tħalli marka warajha; mhux biss il-marka ta’ dak li tiżra’, imma l-marka tal-persuna li żergħet. Nawguralkom li l-adolexxenti tagħkom, it-tfal tagħkom, l-adulti tagħkom, dawk li intom takkumpanjaw fil-katekeżi, jiftakru fikom dejjem quddiem il-Mulej  bħala persuna li żergħet ħwejjeġ sbieħ u tajba fil-qalb.

 

Nakkumpanjakom ilkoll bil-barka tiegħi. Nafdakom fl-interċessjoni tal-Verġni Marija u tal-martri katekisti: huma ħafna – importanti dan –, anki fi żminijietna, huma ħafna! U nitlobkom, jekk jogħġobkom, ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard