IL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
JSELLEM LILL-ĦADDIEMA TAL-VATIKAN
GĦALL-BDIL TAL-AWGURI TAL-MILIED
Sala
Pawlu VI
Il-Ħamis, 23
ta’ Diċembru,
2021
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Niżżu ħajr ‘l Alla li qed jerġa’ jlaqqgħana flimkien biex nagħtu l-awguri tal-Milied it-tajjeb lil xulxin. Nawgura minn qalbi lilkom, missirijiet, ommijiet, ulied, nanniet, u lill-għeżież kollha tagħkom. Jalla Ġesù jitwieled fi qlubkom u fil-familji tagħkom. U kif jitwieled Ġesù? Fl-imħabba. M’hemmx triq oħra. Dan jingħad ukoll f’innu sagru magħruf: “Fejn issib l-imħabba w l-għożża ‘l Alla wkoll issib”. Hemmhekk jitwieled Alla, fejn l-imħabba tkun konkreta, tkun qrubija, issir tenerezza, kumpassjoni.... Hemmhekk ikun hemm Alla.
Jekk, per eżempju, fil-familja hemm in-nannu jew in-nanna li tkun iebsa għalihom biex joħorġu, allura mmorru nżuruh, inżuruha, bil-prekawzjonijiet li timponi l-pandemija, imma mmorru, ma nħalluhomx waħedhom. U jekk ma nistgħux immorru, inċemplulhom u noqgħodu nitkellmu ftit. Imma fuq kollox, malli jkun possibbli, immorru u noqgħodu ftit miegħu jew magħha. Dwar din tan-nanniet qed nieqaf ftit għax f’dil-kultura tal-iskart in-nanniet huma wisq imwarbin. “Iva, jinsabu tajbin, qiegħdin hemm....”: imma mhumiex parti mill-ħajja. Tiġini f’moħħi storja li rrakkuntatli waħda min-nanniet meta kont tfal. Kien hemm familja li magħha kien jgħix in-nannu li beda jixjieħ. U waqt l-ikla ta’ nofsinhar jew ta’ filgħaxija, meta kien ikun qed jiekol il-brodu kien jitħammeġ. U ħin minnhom il-missier qal: “Ma nistgħux ngħixu hekk għax lanqas nistgħu nistiednu lill-ħbieb, minħabba n-nannu.... Se nara li n-nannu jibda jiekol fil-kċina waħdu. Nagħmillu mejda żgħira”. U hekk sar. Ġimgħa wara x’ħin wasal id-dar sab lil ibnu ta’ għaxar snin jilgħab bl-injam u bl-imsiemer, bil-martell... “X’qed tagħmel?” – “Mejda żgħira, papà” – “Imma għalfejn?” – “Għalik għal meta tixjieħ”. Ma ninsewx li dak li niżirgħu fit-tfal jagħmluh magħna. Jekk jogħġobkom, tittraskurawhomx lin-nanniet, tittraskurawx lill-anzjani: huma l-għaqal. “Iva, imma għamilli ħajti nfern....” Aħfer, insa, kif Alla għad jaħfer lilek. Imma tinsewhomx lill-anzjani għax dil-kultura tal-iskart titfagħhom fil-ġenb, dejjem. Skużawni imma li nitkellem dwar in-nanniet hi wisq għal qalbi, u nixtieq li lkoll kemm aħna nimxu f’dit-triq.
Għeżież, nixtieq nawguralkom li l-Milied iġibilkom ftit tas-serenità, speċjalment jekk intom għaddejjin minn żmien tqil, bil-preokkupazzjonijiet... Kull familja għandha minnhom, imma kultant ikun hemm sitwazzjonijiet aktar diffiċli. Nitlob biex min hu l-aktar fil-bżonn jirċievi d-don tas-serenità personali u familjari. Il-pandemija ġabet ħafna problemi fi ħdan il-familji, problemi kemm ekonomiċi kif ukoll psikoloġiċi. Qed niftakar fiż-żgħażagħ, fl-adoloxxenti li ħassew f’ġildhom b’mod partikolari l-perjodi ta’ iżolament u tagħlim online. Imma kull età kellha d-diffikultajiet tagħha minħabba l-pandemija.
U f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol, kif kont għidtilkom sena ilu, ippruvajna niggarantuh; konna mpenjati biex ma nħallu lil ħadd bla xogħol. Naturalment, iż-żmien tal-lockdown ma kienx ħafif; naf li kien hemm xi problemi, naf; nittama li jinstabu soluzzjonijiet sodisfaċenti permezz tad-djalogu, billi nippruvaw insibu kompromess, dejjem bir-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ġid komuni.
Għal dan nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp: hu “tal-affari tiegħu” fil-qasam tax-xogħol! Imma mhux biss. Anzi, fir-realtà, qabel kollox, hu l-ħarries ta’ Ġesù u tal-Verġni Marija. U għalhekk huwa wkoll il-patrun tal-Knisja. Kif tafu, din is-sena kienet kollha ddedikata lil San Ġużepp: inħossni kuntent ħafna b’dak li ġara matul dis-sena u nittama li għinitkom biex tħossuh aktar qribkom, aktar preżenti f’ħajjitkom, fil-familji tagħkom. Ċerti sitwazzjonijiet xi ftit aktar kumplikati tistgħu tafdawhom f’idejh, sitwazzjonijiet li fihom nindunaw li l-forzi tagħna mhumiex biżżejjed li m’hemmx soluzzjonijiet ready made. Allura tistgħu dduru lejn San Ġużepp bit-talb. Hu bniedem ta’ ftit kliem imma bniedem ta’ bosta fatti. Ippruvaw. Bniedem li jisma’ x’inhi r-rieda t’Alla u jqegħedha fis-seħħ, bla ma jittituba. Jien nitolbu dejjem għal dal-bżonn, għal dak, għall-ieħor, u hu dejjem iwieġeb.
U tafu kif Alla kien inebbħu dwar ir-rieda tiegħu? Waqt l-irqad, waqt li kien ikun rieqed. Dan hu fatt li jirrakkuntawh l-Evanġelji, u fih ukoll sens simboliku: mhuwiex biss ħolm fis-sens psikoloġiku, imma huwa rivelazzjoni tal-pjan divin li hu kien jirċievi waqt l-irqad u mbagħad, meta jqum, iwettqu minnufih. Naraw dan erba’ darbiet: l-ewwel waħda meta kellu jieħu b’għarustu lil Marija; it-tieni meta Erodi kien theddida għall-ħajja ta’ Ġesù u kien hemm bżonn jaħrab lejn l-Eġittu; it-tielet fil-mument li kellu jerġa’ lura lejn il-patrija; u r-raba’ meta kellu jibda jgħammar f’Nażaret. Dawn l-indikazzjonijiet kollha l-Mulej tahom lil Ġużeppi fil-ħolm, permezz tal-anġlu. Imma ma kienux fantasiji, alluċinazzjonijiet, bil-maqlub, kienu messaġġi marbutin sew mar-realtà, immirati biex jiggwidaw il-mixja tal-Familja Mqaddsa. Kienu l-manifestazzjoni tal-Providenza t’Alla.
U ejjew nieqfu ftit dwar dil-kelma Providenza. Kif tgħallimna l-istorja ta’ Ġużeppi u Marija, il-familja hi l-imkien privileġġjat li fih inġarrbu l-Providenza t’Alla. Għalhekk irrid nawgura lilkom ukoll, lil kull waħda mill-familji tagħkom, propju dan: li ġġarbu l-esperjenza tal-id paterna ta’ Alla li jmexxi l-passi tagħna fit-toroq tiegħu, għall-ġid tal-miżżewġin, għall-ġid tal-ulied, għall-ġid tal-familja kollha. Il-pjanijiet t’Alla mhux dejjem ċari; spiss jidhru maż-żmien, jeħtieġu l-paċenzja; jeħtieġu fuq kollox, il-fidi, ħafna fiduċja li Alla jrid biss u dejjem il-ġid, l-aħjar ġid għalina u għall-għeżież tagħna. U allura hemm bżonn nagħmlu bħal San Ġużepp: nintelqu f’idejn Alla – dan ifisser l-irqad – biex nirċievu l-messaġġi tiegħu.
Jien nitlob għalikom. Intom ukoll, itolbu għal xulxin, biex b’hekk, il-komunità tax-xogħol tissaħħaħ, issir aktar magħquda. Irroddilkom ħajr li ġejtu għal dil-laqgħa. Nitlob lil San Ġużepp u nitlob lill-Madonna biex jakkumpanjawkom fil-mixja tagħkom, u Ġesù, is-Salvatur, jimlielkom qlubkom u djarkom bil-ferħ u l-paċi. Lilkom ilkoll u lill-familji tagħkom nawguralkom il-Milied it-Tajjeb. U rroddilkom ħajr għax-xogħol kollu li tagħmlu hawn: grazzi ħafna!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber