Laikos

 

DISKORS TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTECIPANTI TAL-LAQGĦA LI SARET MILL-KONFERENZA MONDJALI

TAL-ISTITUTI SEKULARI (CMIS)

Sala tal-Konċistorju

 Il-Ġimgħa, 25 ta’ Awwissu 2022

 

Għeżież ħuti,

Hu ta’ pjaċir għalija li nagħtikom merħba fl-okkażjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Mondjali tal-Istituti Sekulari (CMIS). Insellmilkom minn qalbi u nirringrazzja lill-Presidenta għad-diskors tagħha. Nixtieq noffrilkom xi riflessjonijiet biex ngħinkom tikkunsidaw il-kwalitajiet partikulari tal-vokazzjoni li ngħatajtu, biex il-kariżma tagħkom tkun aktar effettiva fiż-żmien tal-lum.

It-terminu sekolarità mhuwiex għal kollox l-istess bħal dak tal-lajċità; hi l-qalb tal-vokazzjoni tagħkom li turi n-natura sekulari tal-Knisja, il-poplu ta’ Alla, f’mixja qalb il-popli u mal-popli. Hi l-Knisja li toħoġ, mhix ‘il bogħod min-nies, mhix mifruda mid-dinja, imma hi mgħaddsa fid-dinja u fl-istorja biex tkun melħ u dawl, żerriegħa ta’ unità, ta’ tama ta’ salvazzjoni. Il-vokazzjoni partikulari tagħkom twassalkom biex tkunu qalb in-nies, biex tagħrfu u tifhmu dak li hu għaddej fil-qlub tar-rġiel u n-nisa tal-lum, biex jifirħu flimkien u biex ibatu flimkien, bl-istil ta’ viċinanza, li hu l-istil ta’ Alla: il-viċinanza.

Dan hu wkoll l-istil ta’ Alla, li wera l-viċinanza u l-imħabba tiegħu għall-umanità meta twieled minn mara. Hu l-misteru tal-Inkarnazzjoni, il-bidu ta’ dik ir-relazzjoni li tagħmilna aħwa ma’ kull ħliqa u li l-ħin kollu titlobna naħsbu dwarha, biex nintebħu u nwasslu lill-oħrajn il-ġid li Alla ħabbar għar-realtajiet differenti u li lanqas id-dnub, għalkemm tappan, ma kellu l-ħila li jeqred għalkollox.

Il-kariżma li ngħatajtu timpenjakom, b’mod personali u bħala komunità, li tlaqqgħu il-kontemplazzjoni ma’ dik il-parteċipazzjoni li tħallikom taqsmu mal-oħrajn l-ansjetajiet tal-umanità, waqt li twieġbu għall-mistoqsijiet biex iddawlu bid-dawl tal-Vanġelu. Intom ġejtu msejħa biex tgħixu bis-sħiħ il-prekarjetà tal-provviżorju u l-ġmiel kollu tal-assolut fil-ħajja ordinarja, fit-toroq fejn jimxu l-bnedmin, fejn l-aktar li huma qawwija l-għeja u n-niket, fejn id-drittijiet huma mogħtija l-ġenb, fejn il-gwerra tifred il-popli, fejn tiġi mċaħħda d-dinjità. Hu hemmhekk, kif uriena Ġesù, li Alla jkompli jagħmilna rigal tas-salvazzjoni tiegħu. U intom tinsabu hemm, intom imsejħa biex tkunu hemm, biex tagħtu xhieda tat-tjubija u tat-tenerezza ta’ Alla b’ġesti ta’ mħabba ta’ kuljum.

Imma fejn tistgħu ssibu l-qawwa biex tingħataw b’ġenerożità għall-qadi tal-oħrajn? Fejn tistgħu ssibu l-kuraġġ ukoll għal għażliet ibsin li jimbuttawkom biex tkunu xhieda? Din il-forza u dan il-kuraġġ issibuhom fit-talb u fil-kontemplazzjoni siekta ta’ Kristu. Il-laqgħa ta’ talb ma’ Ġesù timla l-qalb bil-paċi u l-imħabba tiegħu, li intom tistgħu tagħtu lill-oħrajn. It-tfittxija assidwa ta’ Alla, il-familjarità mal-Iskrittura Mqaddsa u s-sehem fis-sagramenti, huma l-imfietaħ tal-ġid li joħroġ mill-ħidma tagħkom.

Il-vokazzjoni tagħkom hi vokazzjoni ta’ fruntiera, xi drabi mħarsa mid-diskrezzjoni tal-kunfidenzjalità. F’okkażjonijiet oħra semmejtu li mhux dejjem kontu magħrufa u rikonoxxuti mir-Ragħajja u din in-nuqqas ta’ stima forsi wasslitkom biex tirtiraw, tibqgħu lura mid-djalogu, u dan mhuwiex sew. Imma din tagħkom hi vokazjoni li tiftaħ it-toroq, vokazzjoni tal-fruntiera, biex ma tibqgħux weqfin: tiftaħ it-toroq.

Jiġuni f’moħħi ħidmiet tal-Knisja mblukkati mill-klerikaliżmu, u din hi ħaġa ħażina. Il-vokazzjoni tagħkom turi s-sbuħija ta’ sekularità mbierka li ġġib l-Knisja qrib kull raġel u mara. Naħseb fis-soċjetà fejn id-drittijiet tal-mara ġew miċħuda u fejn intom, bħalma ġara fl-Italja bil-beata Armida Barelli, kellkom is-saħħa li tbiddllu l-affarijiet billi ħdimtu għad-dinjità. Naħseb f’dawk il-postijiet, li huma ħafna, fil-politika, fis-soċjetà, fil-kultura, fejn wieħed jonqos milli jaħseb, jingħaqad mal-kurrent l-iktar b’saħħtu jew mal-kumdità tiegħu, filwaqt li intom imsejħa biex tfakkru li d-destin ta’ kull bniedem hu marbut ma’ dak tal-oħrajn. Mhemmx destin ta’ wieħed waħdu.

Għeżież ħbieb tiegħi, tegħjewx milli turu l-wiċċ ta’ Knisja li teħtieġ terġa’ tiskopri lilha nfisha f’mixja ma’ kulħadd, li tilqa’ fiha d-dinja bit-tbatijiet u bil-ħwejjeg sbieħ kollha tagħha. Il-Knisja mhix laboratorju biex traqqadna u biex nistrieħu. Il-Knisja hi missjoni. Flimkien biss nistgħu nimxu bħala poplu ta’ Alla, bħala nies li qed infittxu sens mal-irġiel u n-nisa kollha ta’ żmienna, inkunu ħarriesa tal-ferħ ta’ ħniena li tlaħħmet fil-ħajja tagħna. Din il-mixja titlob li ninħallu minn drawwiet li m’għadhom jappellaw għal ħadd, li nkissru skemi li jrażżnu t-taħbira, billi nissuġġerixxu kliem ħaj, kapaċi li jilħaq il-ħajja tan-nies għax hu sostnut b’ħajjithom u mhux b’ideat astratti. Ħadd ma jagħti xhieda b’ideat astratti. Le. Jew tevanġelizza b’ħajtek, u din hi x-xhieda vera, jew m’intix kapaċi tevanġelizza.

Ninkuraġġikom biex iżżommu fil-Knisja s-sekularità bil-ħlewwa, mingħajr tilwim imma b’determinazzjoni u b’dik l-awtorità li tiġi mill-qadi tagħkom. Il-qadi tagħkom għandu jkun dak taż-żerriegħa, il-qadi tal-ħmira, il-qadi fil-moħbi u, fl-istess ħin, evidenti li jaf imut taħt l-attivitajiet tagħkom - anke ekkleżjali - qadi li jista’ jbiddel minn ġewwa u jġib frott tajjeb. Agħtu widen bil-ħlewwa lil-leħen tal-Ispirtu s-Santu biex tifhmu kif tagħmlu dejjem iżjed effikaċi l-ħidma tagħkom, anke billi tmorru fi triqat ġodda li juru r-rikkezza li qed iġġorru.

Importanti li r-Ragħajja tal-Knisja jkunu qribkom biex jisimgħukom u jagħtukom sehem f’dak id-dixxerniment tas-sinali taż-żminijiet li jimmarkaw il-passi fil-mixja tal-missjoni. Min-naħa tiegħi, inġedded il-viċinanza u l-apprezzament għall-kontribut tagħkom u għan-nifs li ġġibu fil-Knisja, bil-ħeġġa kollha li hemm fikom. Tieqfu qatt milli twasslu lid-dinja l-aħbar ta’ ħajja ġdida, ta’ fraternità universali u ta’ paċi dejjema, rigali stupendi tal-Mulej Irxoxt.

Nitlob li tinżel fuqkom u fuq il-ħidma tagħkom il-protezzjoni tal-Verġni Marija u, filwaqt li nagħtkom il-barka tiegħi, nitlobkom biex titolbu għalija. Agħmlu dan bil-qalb. Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Galea