DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-LAQGĦA INTERNAZZJONALI

“IL-KNISJA LI TOĦROĠ”

KIF NILQGĦU L-“EVANGELII GAUDIUM” U PERSPETTIVI GĦALIHA

 Awla tal-Benedizzjonijiet
Is-Sibt 30 ta’ Novembru 2019

 

Għeżież ħuti,

 

F’dawn il-ġranet tinsabu hawn, numru sabiħ, minn kull naħa tad-dinja, biex terġgħu taqbdu f’idejkom l-Evangelii gaudium. Ta’ dan nirringrazzjakom u ninsab grat lejn Mons. Fisichella għal dak li qal u anki għax qed jieħu ħsieb li jmexxi ’l quddiem dan ix-xogħol. Ċert li se tieħdu lura d-dar magħkom, b’entużjażmu, il-frott ta’ dawn il-ġranet ta’ laqgħat.

 

Nixtieq ngħidilkom, b’ħafna sempliċità: il-ferħ tal-Vanġelu jsib l-għajn tiegħu fil-laqgħa ma’ Ġesù. Huwa meta niltaqgħu mal-Mulej li nsibu ruħna mgħaddsa f’dik l-imħabba li hu biss kapaċi jagħti. Għalhekk, “meta nħallu lil Alla joħroġna barra minna nfusna”, ħajjitna tinbidel u “naslu għal dak li tassew aħna fil-verità. Din hi l-għajn tal-azzjoni evanġelizzatriċi” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 8). Hemm, il-bżonn li nxandruh jiġi spontanju, isir inkontrollabbli; anki jekk bla kliem, dan nagħmluh bix-xhieda tagħna. Hekk bdiet l-evanġelizzazzjoni, dakinhar tal-Għid filgħodu, b’mara-appostlu, Marija Maddalena, li wara li ltaqgħet ma’ Ġesù mqajjem mill-imwiet, ħaj, evanġelizzat lill-Appostli. Kienet qrib il-qabar ta’ Ġesù b’qalbha mimlija dwejjaq: mal-weġgħa għat-telfa tal-Imgħallem żdiedu l-biża’ dwar il-futur u l-fixla għax ħasbet li serquh mill-qabar. Iżda l-biki tagħha nbidel f’ferħ, is-solitudni f’faraġ, wara li sabet f’Ġesù l-imħabba li qatt ma tiddiżappuntak, li ma titilqek qatt, lanqas quddiem il-mewt, li tagħtik il-qawwa terġa’ ssib lilek innifsek mill-ġdid. Huwa minnu għal kulħadd li “n-niket tagħna bla tmiem jitfejjaq biss bi mħabba bla tmiem” (ibid., 265).

 

L-esperjenza ta’ ħafna persuni llum il-ġurnata mhijiex differenti ħafna minn dik ta’ Marija Maddalena. In-nostalġija għal Alla, għal imħabba bla tarf u vera, tinsab imsejsa fil-qalb ta’ kull bniedem. Għandna bżonn lil xi ħadd li jgħinna nkebbsuha mill-ġdid. Għandna bżonn ta’ anġli li, bħalma għamlet Marija Maddalena, iwasslulna aħbar tajba: anġli tad-demm u l-laħam li jieqfu ħdejna biex jixxuttaw id-dmugħ, biex jgħidulna f’isem Ġesù: “Tibżgħu xejn!” (ara Mt 28:5). Dawk li jevanġelizzaw huma bħal anġli, bħal anġli kustodji, messaġġiera tal-Bxara t-tajba li ma jagħtukx tweġibiet lesti, iżda jaqsmu miegħek id-dubji tal-ħajja. Kien Ġesù stess li xħin kellem lil Marija sejħilha b’isimha u staqsieha: “Lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20:15). Lil min qiegħda tfittex, mhux x’inhu li qed tfittex, għaliex l-oġġetti mhumiex biżżejjed fil-ħajja; fil-ħajja għandna bżonn lil Alla tal-imħabba. U jekk b’din l-imħabba nkunu kapaċi nħarsu fil-qlub tal-persuni li, minħabba l-indifferenza li ngħixu fiha u l-konsumiżmu li jmewwitna, spiss jgħaddu minn quddiemna bla ma nindunaw bihom, jirnexxilna naraw fuq kollox l-għatx għal dan il-min, it-tfittxija ta’ mħabba li ma tmut qatt, il-mistoqsija dwar x’inhu s-sens tal-ħajja, dwar it-tbatija, dwar it-tradiment, dwar is-solitudni. Quddiem dawn il-ħsibijiet mhumiex biżżejjed riċetti u preċetti: hemm bżonn nimxu, nimxu flimkien, nakkumpanjaw fil-vjaġġ.

 

Min jevanġelizza, fil-fatt, qatt ma jista’ jinsa li jinsab f’mixja, u li mal-oħrajn qiegħed ifittex. Għalhekk ma jista’ jħalli lil ħadd warajh, ma jistax jitbiegħed minn min jimxi bil-mod, ma jistax jingħalaq fil-grupp żgħir tiegħu, fejn għandu relazzjonijiet li fihom iħossu komdu. Min ixandar ma jfittixx li jaħrab mid-dinja, għax il-Mulej hekk ħabb id-dinja li ta lilu nnifsu, mhux biex jagħmel ħaqq iżda biex id-dinja ssalva permezz tiegħu (ara Ġw 3:16-17). Min ixandar għandu l-istess xewqa ta’ Alla, li jixtieq b’qalbu kollha jasal għand min hu mbiegħed minnu. M’għandux għedewwa, għandu biss sieħba tal-vjaġġ. Ma jqisx ruħu mgħallem, jaf li anki hu qed ifittex lil Alla, li ħadd m’għandu jiċċaħħad miċ-ċans li jersaq lejn Ġesù.

 

Għeżież ħuti, m’għandux iżommna lura l-biża’ li nagħmlu żball u n-nuqqas ta’ kuraġġ biex ngħaddu minn toroq ġodda. Fil-ħajja lkoll niżbaljaw, ilkoll kemm aħna. Normali. M’għandu jkun hemm xejn li jisboq ix-xandir tal-qawmien, il-kerygma tat-tama. Il-karatteristiċi foqra tagħna mhumiex ostakli, iżda strumenti prezzjużi, għaliex il-grazzja ta’ Alla tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef (ara 2 Kor 12:9). Għandna bżonn insibu konferma ta’ ċertezza li tiġi minn ġewwa, fil-“konvinzjoni li Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkustanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti” (ibid., 279). Għandna bżonn nemmnu verament li Alla huwa mħabba u li għalhekk xejn mill-ħidmiet li jitwettqu bi mħabba mhuma se jintilfu, xejn mhu se jintilef mit-tħassib ġenwin għall-oħrajn, xejn mhu ħa jintilef mill-għemejjel ta’ mħabba lejn Alla, xejn mhu ħa jintilef mill-ħidma ġeneruża, xejn mhu ħa jintilef mis-sabar li mhux nieqes mill-uġigħ (ara ibid.). Biex inxandru din il-bxara għandna bżonn inkunu sempliċi u ħfief bħalma naraw fl-Evanġelji tal-Għid: bħal Marija, li għandha seba’ mitt sena biex tgħid lid-dixxipli: “Rajt lill-Mulej!” (Ġw 20:18); bħall-Appostli, li jiġru lejn il-qabar (ara Ġw 20:4); bħal Pietru, li jintefa’ l-baħar biex imur għand Ġesù (ara Ġw 21:8). Għandna bżonn ta’ Knisja ħielsa u sempliċi, li ma taħsibx dwar kif se tidher, dwar dak li hu konvenjenti u dwar id-dħul, imma li tkun Knisja li “toħroġ”. Xi ħadd qal li l-vera Knisja ta’ Ġesù, biex dejjem tkun xhieda ta’ fidi, fil-bilanċ tal-kontijiet għandha tmur minn taħt. Hekk sew: li tmur minn taħt.

 

Jekk naħsbu fl-ewwel Insara, li kellhom lil kulħadd kontrihom, naraw li kienu ppersegwitati iżda ma kinux igergru mid-dinja. Xħin naqraw it-Testment il-Ġdid, naraw li ma kinux jiddejqu jiddefendu ruħhom minn imperu li kien jaqtagħhielhom għall-mewt, imma kienu jxandru lil Ġesù, anki jekk dan kien jiswielhom ħajjithom. Għalhekk m’għandniex nitnikktu xħin naraw li xi affarijiet ma jirnexxux, xħin inħossu l-għeja, naraw li ma jifhmuniex, nisimgħu s-seksik kontrina, le: dawn huma affarijiet żgħar quddiem “il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi” (ara Fil 3:8). Ejja ma niddakkrux mill-attitudni pessimista li tara kollox sejjer ħażin: dan mhux il-ħsieb ta’ Alla. U min hu mdejjaq, mhuwiex Kristjan. Il-Kristjan ħafna drabi jbati, imma ma jaqax fid-dwejjaq profondi tar-ruħ. Id-dwejjaq mhuwiex virtù Kristjana. It-tbatija, iva. Biex ma nħallux xi jtellfilna l-entużjażmu tal-Vanġelu, għandna nirrikorru kuljum għand l-Awtur, l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-ferħ li jżomm ħajja l-ħeġġa missjunarja, li l-ħajja jagħmilha storja ta’ mħabba ma’ Alla, li jistedinna nħajru d-dinja biss permezz tal-imħabba, u niskopru li l-ħajja tkun tagħna biss meta noffruha lill-oħrajn. Tkun tagħna meta b’faqar, nagħtuha, u ninżgħu minna nfusna. U mqar meta jissorprendina, meta jgħaġġibna, xħin naraw li qabel naslu aħna, l-Ispirtu s-Santu diġà jkun wasal u qed jistenniena hemm.

 

Nirringrazzjakom minn qalbi għall-ġid li tagħmlu. Inberikkom u nitlobkom titolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona