Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-KONFERENZA INTERNAZZJONALI TAL-FUNDAZZJONI “CENTESIMUS ANNUS PRO PONTIFICE”

 

Sala Klementina
Is-Sibt, 23 ta’ Ottubru 2021

 Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ninsab kuntent li qed niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni tal-Konferenza Internazzjonali tagħkom. Grazzi, Sinjura President, tal-kliem ġentili tiegħek – kliem ċari, kif dejjem tagħmel int, kliem ċari –. F’dawn il-jiem intom qed tittrattaw temi kbar u importanti: is-solidarjetà, il-koperazzjoni u r-responsabbiltà bħala kura kontra l-inġustizzja, l-inugwaljanza u l-esklużjoni.

 

Dawn huma riflessjonijiet importanti, fi żmien li fih l-inċertezza u l-prekarjetà li jaffettwaw il-ħajja ta’ tant nies u komunitajiet marru għall-agħar minħabba sistema ekonomika li tkompli tarmi l-ħajjiet tan-nies f’isem l- alla li jismu flus, trawwem ir-regħba u attitudnijiet distruttivi lejn ir-riżorsi tad-dinja, u b’hekk trewwaħ ħafna forom ta’ inġustizzji. Quddiem dan, ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Iżda t-tweġiba għall-inġustizzji u l-isfruttament trid tkun aktar minn sempliċi kundanna; qabel kollox trid tkun il-promozzjoni ta’ dak li hu tajjeb: iva, nikkundannaw il-ħażin imma nippromwovu t-tajjeb. U għal din ir-raġuni nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għall-ħidma tagħkom, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari għall-impenn tagħkom li tiffinanzjaw studju u riċerka għaż-żgħażagħ fuq mudelli ġodda ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ispirati mid-duttrina soċjali tal-Knisja. Dan huwa importanti u neħtiġuh: fil-ħamrija vvalenata mill-ħakma tal-flus, għandna bżonn ħafna żrieragħ żgħar li jipproduċu ekonomija ġusta u ta’ benefiċċju, umana u li ċ-ċentru tagħha huwa l-bniedem. Għandna bżonn possibilitajiet li kapaċi jsiru realtà, realtajiet li joffru tama. Dan ifisser li d-duttrina soċjali tal-Knisja titqiegħed fil-prattika.

 

Irrid nerġa’ lura għal dak li għidt dwar “il-ħakma tal-flus”. Erba’ snin ilu ġiet tarani ekonomista distinta li kellha xogħol anke fi gvern partikulari. Qaltli li ppruvat toħloq djalogu bejn l-ekonomija, l-umaneżimu u l-fidi, ir-reliġjon, u li mar tajjeb u għadu sejjer tajjeb. Ippruvajt l-istess ħaġa, qaltli, bejn il-finanzi, l-umaneżimu u r-reliġjon, iżda lanqas stajna nibdew. Interessanti. Dan iġagħlni naħseb. Din l-ekonomista għallmitni nħoss li l-finanzi hija xi ħaġa “fluwida”, “effimera” li tispiċċa bħal chain letter. Qsamt magħkom din l-esperjenza għax forsi tista’ tgħinkom.

 

It-tliet kelmiet li għażiltu – solidarjetà, koperazzjoni u responsabbiltà –jirrappreżentaw tliet pilastri tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, li jħares lejn il-persuna umana, naturalment miftuħa għar-relazzjonijiet, bħala l-quċċata tal-ħolqien u ċ-ċentru tal-ordni soċjali, ekonomiku u politiku. Abbażi ta’ din il-viżjoni, it-tagħlim soċjali tal-Knisja, li għandu lill-bniedem fiċ-ċentru tiegħu u li għandu sensittività għal proċessi storiċi konkreti, jikkontribwixxi għal viżjoni tad-dinja kuntrarja għal viżjonijiet individwalistiċi, peress li huwa bbażat fuq ir-rabta bejn il-bnedmin u li għandu bħala skop tiegħu l-ġid komuni. Min-naħa l-oħra, dan it-tagħlim huwa kuntrarju għall-viżjonijiet kollettivistiċi (kultura li tenfasizza l-bżonnijiet ta’ grupp fuq il-bżonnijiet tal-persuna) li llum qed jerġgħu joħorġu f’forma ġdida, moħbija wara proġetti ta’ standardizzazzjoni teknokratika. Din mhix sempliċiment kwistjoni ta’ “politika”; it-tagħlim soċjali tal-Knisja huwa bbażat fuq il-kelma ta’ Alla u jfittex li jippromwovi żvilupp uman integrali fuq il-bażi tal-fidi tagħna f’Alla li sar bniedem. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi pprattikat, maħbub u żviluppat. Ejjew għal darb’oħra nsiru nħobbu dan it-tagħlim, ejjew nagħrfuh, għax huwa teżor tat-tradizzjoni tal-Knisja! Huwa proprju mill-istudju tagħkom tad-duttrina soċjali tal-Knisja li intom ukoll ħassejtu ruħkom imsejħin biex tiġġieldu forom ta’ inugwaljanza li jolqtu b’mod speċjali lil dawk l-aktar dgħajfa, u biex taħdmu ħalli tippromwovu fraternità vera u effettiva.

 

Solidarjetà, koperazzjoni u responsabbiltà: f’dawn il-jiem poġġejtu dawn it-tliet kelmiet fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet tagħkom. Tliet kelmiet li jfakkru l-misteru ta’ Alla nnifsu, li bħala Trinità, komunjoni ta’ persuni, jispirana biex insibu l-milja tagħna billi nkunu miftuħin b’mod ġeneruż għall-oħrajn (solidarjetà), billi nikkollaboraw mal-oħrajn (koperazzjoni) u billi nimpenjaw ruħna lejn l-oħrajn.(responsabbiltà). Jispirana biex dan nagħmluh f’kull aspett tal-ħajja tagħna fis-soċjetà, fir-relazzjonijiet tagħna, fix-xogħol tagħna u fl-impenji tagħna bħala ċittadini, fir-relazzjoni tagħna mal-ħolqien u fis-sehem tagħna fil-ħajja politika. F’kull qasam tal-ħajja, illum aktar minn qatt qabel, aħna obbligati li nagħtu xhieda li nagħtu każ tal-oħrajn, li ma naħsbux biss fina nfusna, u li nimpenjaw ruħna b’mod liberu għall-iżvilupp ta’ soċjetà aktar ġusta u ugwali fejn ma jkunx hemm egoiżmu jew interessi partiġġjani. Fl-istess ħin, aħna msejħin biex ngħassu ħalli jkun hemm rispett lejn il-persuna umana u l-libertà tagħha, u biex inħarsu d-dinjità tagħha li m’għandhiex tintmess. Din hija l-missjoni li għandha d-duttrina soċjali tal-Knisja.

 

Għeżież ħbieb, meta aħna nġibu ʼl quddiem dawn il-valuri u dan l-istil ta’ ħajja – kif nafu – ħafna drabi nsibu ruħna mmorru kontra l-kurrent, iżda ejjew dejjem niftakru li m’aħniex waħedna. Alla huwa Alla ġie qrib tagħna. Mhux bil-kliem biss, imma bil-preżenza tiegħu stess: f’Ġesù, Alla sar bniedem. F’ Ġesù, li sar ħuna, aħna naraw lil kull bniedem bħala ħuna jew oħtna. Din il-komunjoni universali tispirana, bħala komunità li temmen, biex nikkoperaw ma’ kulħadd mingħajr ebda biża’, u dan għall-ġid komuni: mingħajr ma ningħalqu għal ħadd, bla ma neskludu lil ħadd u bla ma jkollna ebda preġudizzju.

 

 

 

Bħala Nsara, aħna msejħin biex ikollna imħabba li tmur lil hinn mill-fruntieri u l-limiti; imsejħin biex inkunu sinjal u xhieda li huwa possibbli li mmorru lil hinn mill-ħitan tal-egoiżmu u tal-interess personali u nazzjonali, lil hinn mill-poter tal-flus li ħafna drabi jkunu huma li jiddeċiedu d-destin tal-popli, lil hinn mill-firdiet ideoloġiċi li jrawmu l-mibegħda, lil hinn minn kull xkiel storiku u kulturali u, fuq kollox, lil hinn mill-indifferenza, dik il-kultura tal-indifferenza li sfortunatament nesperjenzaw kuljum. Nistgħu nkunu ilkoll aħwa, u għalhekk nistgħu u għandna naħsbu u naħdmu bħala aħwa ta’ kulħadd. Din tista’ tidher bħala ħolma li ma tistax issir realtà. Imma aħna nippreferu nemmnu li din hija ħolma li tista’ ssir realtà, għax din hi l-istess ħolma ta’ Alla li huwa wieħed u Trinità. Bl-għajnuna tiegħu, din hija ħolma li tista’ tibda ssir realtà, anke fid-dinja tagħna. 

 

Il-bini ta’ dinja aktar solidali, ġusta u ugwali hija biċċa xogħol kbira. Għal min jemmen, din mhix sempliċiment kwistjoni prattika li m’għandha x’taqsam xejn mad-duttrina, iżda huwa l-mod kif inlaħħmu l-fidi tagħna, biex infaħħru lil Alla li jħobb lill-bniedem, li jħobb il-ħajja. Iva, ħuti għeżież, il-ġid li tagħmlu lil kull bniedem fid-dinja iferraħ il-qalb ta’ Alla fis-sema. Komplu bil-kuraġġ kollu f’din it-triq. Nakkumpanjakom bit-talb tiegħi u nbierek lilkom u kull ħidma tagħkom. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes