DISKORS TAL-QDJUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-FUNDAZZJONI "BANCO FARMACEUTICO"

Sala Pawlu VI
Is-Sibt, id-19 ta’ Settembru 2020

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nilqagħkom, u nirringrazzja lill-President tal-Fondazzjoni Banco Farmaceutico għall-kliem ġentili tiegħu. Kif għidt, din is-sena hija l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Banco Farmaceutico: nawguralkom! Minn dik il-ħolma tal-bidu, bdiet triq twila. Minbarra li intom tinsabu fl-Italja, tinsabu wkoll f'pajjiżi oħra.

Min jgħix fil-faqar, huwa fqir f’kollox, anke  mill-mediċini, u għalhekk saħħtu tkun iktar vulnerabbli. Kultant hemm il-periklu li wieħed ma jkunx jista’ jieħu l-kura li għandu bżonn minħabba li ma jkollux flus, u hemm ukoll xi popolazzjonijiet tad-dinja li m'għandhomx aċċess għal ċerti mediċini. Teżisti wkoll il-"marġinalità fil-mediċina", u dan irridu ngħiduh. Dan joħloq firda oħra bejn in-nazzjonijiet u bejn il-popli. Fuq livell etiku, jekk hemm il-possibbiltà li marda tiġi trattata b’xi mediċina partikulari, din għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, inkella tinħoloq inġustizzja. Għad hemm ħafna nies, u ħafna tfal li qed imutu fid-dinja għax ma jistax ikollhom aċċess għal dik il-mediċina jew għal dak il-vaċċin li huwa aċċessibbli f’inħawi oħra tad-dinja. Nafu bil-periklu tal-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Minflok, jiena qed nipproponi l-globalizzazzjoni tal-kura, jiġifieri l-possibbiltà li kulħadd jista’ jkollu aċċess għal dawk il-mediċini li jistgħu jsalvaw ħafna ħajjiet. U dan jgħodd  għall-popolazzjonijiet kollha. U biex dan iseħħ, huwa meħtieġ sforz komuni minn kulħadd. U intom eżempju ta' dan l-isforz komuni.

Jiena nawgura li r-riċerka xjentifika tkompli miexja ʼl quddiem, biex tfittex dejjem soluzzjonijiet ġodda għal problemi kemm qodma, kif ukoll dawk ġodda. Ix-xogħol ta’  ħafna riċerkaturi huwa mitqlu deheb, u jurina eżempju ċar ta’ kif l-istudju u l-għerf tal-bniedem huma kapaċi joħolqu toroq ġodda ta’ fejqan u ta’ kura.

Il-kumpaniji tal-mediċina, meta huma stess isostnu r-riċerka u jidderieġu l-produzzjoni, jistgħu jikkontribwixxu b'mod ġeneruż għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-mediċini.

L-ispiżjara huma msejħa biex joffru servizz ta’ kura qrib l-aktar nies fil-bżonn, u jaħdmu skont ix-xjenza u l-kuxjenza tagħhom, għall-ġid sħiħ ta’ dawk li jduru lejhom.

Anki l-mexxejja, permezz ta’ għażliet leġislattivi u finanzjarji, huma msejħa biex jibnu dinja aktar ġusta, li fiha l-fqar ma jkunux abbandunati jew, agħar minn hekk, jintremew.

L-esperjenza reċenti tal-pandemija, minbarra li hi emerġenza kbira tas-saħħa li matulha diġa mietu kważi miljun ruħ, issa qed tinbidel fi kriżi ekonomika serja, fejn qed jiżdiedu nies fqar u familji li ma jafux kif se jimxu 'l quddiem. Filwaqt li qed tingħata għajnuna bħala karità, jeħtieġ li neħduha kontra dan it-tip ta’ faqar mill-mediċini, b'mod partikolari bit-tixrid ta' vaċċini ġodda fid-dinja. Nirrepeti li jkun ta’ għajb jekk fit-tqassim tal-vaċċin tingħata prijorità lill-iktar sinjuri, jew jekk dan il-vaċċin isir il-proprjetà ta’ dan jew dak in-nazzjon, u ma jibqax għal kulħadd. Għandu jkun universali, għal kulħadd.

Għeżież ħbieb, grazzi ħafna tas-servizz li tagħtu lil dawk l-iktar dgħajfa. Grazzi ta’ dak li qed tagħmlu. Jum il-Ġbir tal-Mediċini huwa eżempju ċar ta’ kif il-ġenerożità u l-qsim tal-ġid jistgħu jtejbu s-soċjetà tagħna u jagħtu xhieda ta’ dik l-imħabba tal-proxxmu li jitlob minna l-Evanġelju (ara Ġw 13:34). Inbierek lilkom hawn preżenti, u lill-familji tagħkom. Inberikkom u nitlob lil Alla jbierek lilkom ilkoll. Kif qal il-president tagħkom, intom ġejjin minn reliġjonijiet differenti. Imma Alla huwa l-Missier ta’ kulħadd u jien nitlob: O Alla, bierek lilkom ilkoll, lill-familji tagħkom, ix-xogħol tagħkom, il-ġenerożità tagħkom. U, billi s-saċerdoti dejjem iridu, nitlobkom titolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.