|
DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI GĦAL-LAQGĦA TA’ KULL SENA
MAL-MODERATURI TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET TAL-FIDILI,
TAL-MOVIMENTI EKKLEŻJALI U TAL-KOMUNITAJIET ĠODDA
PROMOSSA MID-DIKASTERU GĦAL-LAJĊI, L-FAMILJA U L-ĦAJJA
Sala tas-Sinodu
Il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju 2024
Eminenza, għeżież aħwa, l-għodwa t-tajba u merħba lilkom ilkoll!
Ninsab kuntent li qed niltaqa’ magħkom, u nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nirrifletti magħkom dwar is-sinodalità li intom għażiltu bħala t-tema tal-jum tal-laqgħa tagħkom. Kemm-il darba rrepetejt li l-mixja sinodali teħtieġ konverżjoni spiritwali, għaliex mingħajr bidla interjuri ma jinkisbux riżultati li jibqgħu fit-tul. Ix-xewqa tiegħi, fil-fatt, hi li wara dan is-Sinodu, is-sinodalità tibqa’ bħala mod permanenti ta’ kif wieħed jaġixxi fil-Knisja, fil-livelli kollha, billi tidħol fil-qalb ta’ kulħadd, rgħajja u fidili, sakemm issir “stil ekkleżjali” komuni bejn kulħadd. Dan kollu, però, jitlob bidla li trid isseħħ f’kull wieħed u waħda minna, ‘konverżjoni’ vera u tabilħaqq.
Kienet mixja twila. Żommu f’moħħkom li l-ewwel li ra li kien hemm bżonn għas-sinodalità fil-Knisja Latina kien San Pawlu VI, meta wara l-Konċilju ħoloq is-Segretarjat għas-Sinodu tal-Isqfijiet. Il-Knisja orjentali kienet żammet is-sinodalità, imma l-Knisja Latina kienet tilfitha. Kien San Pawlu VI li fetaħ din it-triq. U llum, wara kważi 60 sena, nistgħu ngħidu li s-sinodalità daħlet fil-mod ta’ kif taġixxi l-Knisja. L-aktar ħaġa mportanti ta’ dan is-Sinodu fuq is-sinodalità mhijiex tant kif għandha tkun indirizzata din il-problema jew l-oħra. L-aktar ħaġa mportanti hija l-mixja parrokkjali, djoċesana u universali fis-sinodalità.
U mill-lenti ta’ din il-konverżjoni spiritwali, issa ser nipprova nindika xi attitudnijiet, xi wħud minnhom “virtujiet sinodali”, li nistgħu nisiltu mit-tlett tħabbiriet tal-Passjoni fl-Evanġelju ta’ San Mark (ara 8,31; 9,31; 10,32-34): li taħseb bħalma jaħseb Alla, li tegħleb kull għeluq u li tikkultiva l-umiltà.
L-ewwel: li taħseb bħalma jaħseb Alla. Wara l-ewwel tħabbira tal-Passjoni, l-Evanġelista jgħidilna li Pietru jċanfar lil Ġesù. Proprju hu, li suppost kellu jkun ta’ eżempju u jgħin lid-dixxipli l-oħrajn sabiex ikunu kompletament mogħtija għas-servizz tal-opra tal-Imgħallem, jopponi l-pjanijiet ta’ Alla, billi jirrifjuta l-passjoni u l-mewt. U Ġesù jwieġbu: «Int m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin» (Mk 8,32).
Hawn hi l-ewwel bidla ġewwinija li tiġi mitluba minna: li ngħaddu minn “ħsieb li huwa biss uman” għall-“ħsieb ta’ Alla”. Fil-Knisja, qabel ma tittieħed kull deċiżjoni, qabel ma jinbeda kull programm, kull appostolat, kull missoni, għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna: xi jrid Alla minni, xi jrid Alla minna, f’dan il-mument, f’din is-sitwazzjoni? Dak li jien għandi f’moħħi, dak li aħna bħala grupp għandna f’moħħna, huwa tassew il-“ħsieb ta’ Alla”? Ejjew niftakru li l-protagonist tal-mixja sinodali huwa l-Ispirtu s-Santu, u mhux aħna. Huwa biss hu dak li jgħallimna nisimgħu l-leħen ta’ Alla, individwalment u bħala Knisja.
Alla huwa dejjem akbar mill-ideat tagħna, huwa akbar mill-mentalità li tiddomina, mill-“modi ekkleżjali” tal-mument, anki mill-kariżma tal-grupp jew tal-moviment partikolari tagħna. Għalhekk m’għandna qatt neħduha bħala ovvja li ninsabu “f’sintonija” ma’ Alla: pjuttost, għandna nfittxu dejjem li nelevaw lilna nfusna ‘il fuq mill-mod ta’ kif naħsbu sabiex nikkonvertu u nibdew naħsbu bl-istess mod kif jaħseb Alla u mhux kif jaħsbu l-bnedmin. Ejjew naħsbu fuq dik il-parti tal-Vanġelu meta l-Mulej iħabbar il-Passjoni u Pietru jopponi. X’jgħid il-Mulej? “Inti m’intix skont Alla, inti ma taħsibx skont Alla”.
It-tieni: li tegħleb kull għeluq. Wara t-tieni tħabbira tal-Passjoni, Ġwanni joġġezzjona għal raġel li kien qed jagħmel eżorċiżmu f’isem Ġesù, iżda li ma kienx miċ-ċirku tad-dixxipli: «Ridna nżommuh – jafferma – għaliex hu mhuwiex wieħed minn tagħna!» (Mk 9,38). Ġesù ma japprovax dan l-atteġġament u jgħidlu: «Min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna» (Mk 9,40); imbagħad jistieden lill-Appostli kollha sabiex pjuttost jgħassu fuqhom infushom, ħalli ma jkunux okkażjoni ta’ skandlu għall-oħrajn (ara Mk 9,42-50).
Jekk jogħġobkom, ejjew noqogħdu atteni għat-tentazzjoni taċ-“ċirku magħluq”. It-Tnax kienu ġew magħżula sabiex ikunu il-pedament tal-poplu l-ġdid ta’ Alla, miftuħ għall-ġnus kollha tal-art, iżda l-Appostli ma jilqgħux dan l-oriżżont wiesgħa: jingħalqu fihom infushom u jidhru daqslikieku jridu jiddefendu d-doni li rċevew mingħand l-Imgħallem – ifejqu l-morda, ikeċċu x-xjaten, iħabbru s-Saltna (ara Mk 2,14) – daqslikieku dawn kienu privileġġi.
U din hija sfida għalina wkoll: li ma mmorrux lil hinn minn dak li jaħsbu taċ-“ċirku” tagħna, li nkunu konvinti li dak li nagħmlu aħna huwa tajjeb għal kulħadd, li niddefendu – jista’ jkun mingħajr ma biss nindunaw – pożizzjonijiet, prerogattivi jew prestiġju “tal-grupp”. Jew inkella li nħallu lilna nfusna neħlu minħabba l-biża’ li nitilfu s-sens proprju ta’ appartenenza u l-identità tagħna, mill-fatt li ninfetħu għal persuni oħra u għal modi differenti ta’ ħsieb, mingħajr ma nagħrfu d-diversità bħala opportunità u mhux theddida. Dawn huma “ċnut” li warajhom aħna lkoll għandna r-riskju li nibqgħu priġunieri. Oqogħdu attenti: il-grupp tagħna, l-ispiritwalità tagħna, huma realtà li jgħinuna sabiex nimxu mal-Poplu ta’ Alla, imma mhumiex privileġġi, għaliex hemm il-periklu li nispiċċaw priġunieri wara dawn iċ-ċnut.
Għall-kuntrarju, is-sinodalità titlobna nħarsu lil hinn miċ-ċnut b’qalb qawwija, sabiex naraw il-preżenza t’Alla u l-ħidma tiegħu anki f’persuni li ma nafux, f’modalitajiet pastorali ġodda, f’ambjenti ta’ missjoni li qatt ma ħdimna fihom qabel; titlob minna li niġu milquta, anki ‘feruti’ mil-leħen, mill-esperjenza u mit-tbatija tal-oħrajn: tal-aħwa fil-fidi u tal-persuni kollha li jinsabu ħdejna. Miftuħa, qalbna miftuħa.
Fl-aħħar, it-tielet: li tikkultiva l-umiltà. Wara t-tielet tħabbira tal-Passjoni, Ġakbu u Ġwanni jitolbu postijiet ta’ unur viċin Ġesù, li għall-kuntrarju jweġibhom lura billi jistieden lil kulħadd sabiex iqis bħala veru kobor mhux li wieħed ikun moqdi, imma li jaqdi, li jkun qaddej ta’ kulħadd, għaliex Huwa stess ġie fid-dinja biex jagħmel hekk (ara Mk 10,44-45).
Hawn nifhmu li l-konverżjoni spiritwali għandha tibda mill-umiltà, li hija l-bieb tad-dħul għall-virtujiet kollha. Lili inikkitni ħafna meta nsib insara li jiftaħru: għaliex jiena qassis minn hawn, jew għaliex aħna lajċi minn hemm, għaliex jiena ta’ din l-istituzzjoni... Din hija xi ħaġa kerha. L-umiltà hija l-bieb, hija l-bidu. U anki dan jimbuttana sabiex nistaqsu lilna nfusna: imma jiena x’qed tassew infittex fir-relazzjonijiet mal-aħwa tiegħi fil-fidi? Għaliex qiegħed immexxi l-quddiem ċerti inizjattivi fil-Knisja? U jekk nintebħu li ġewwa fina b’xi mod nibtet żerriegħa ta’ kburija, jew ta’ arroganza, allura ejjew nitolbu l-grazzja sabiex nerġgħu lura ħalli nikkonvertu għall-umiltà. Dawk li huma umli biss, fil-fatt, iwettqu ħwejjeġ kbar fil-Knisja, għaliex min huwa umli għandu pedamentii sodi, mibnija fuq l-imħabba t’Alla, li ma tonqos qatt, u għalhekk ma jfittixx rikonoxximenti oħra.
Dan l-istadju tal-konverżjoni spiritwali huwa wkoll fundamentali sabiex jibni Knisja sinodali: huwa biss il-bniedem umli li jagħti valur lill-oħrajn, u jilqa’ l-kontribut tagħhom, il-pariri, ir-rikkezza interjuri, sabiex joħroġ mhux il-“jien” tiegħu, iżda l-“aħna” tal-komunità. Lili jweġġagħni meta nsibu nsara..., bl-ispanjol ngħidu “yo me mí conmigo para mí ”, “Jiena, jien, miegħi, għalija”. Dawn l-insara “fiċ-ċentru”. Tan-niket. Huwa l-umli li jiddefendi l-komunjoni fil-Knisja, billi jevita l-qasmiet, billi jegħleb it-tensjonijiet, billi jagħraf ipoġġi fil-ġenb anki l-inizzjattivi tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-proġetti komuni, u dan għaliex fil-qadi jsib ferħ u mhux frustrazzjoni jew riżentiment. Li tgħix is-sinodalità, f’kull livell, hija tabilħaqq impossibbli mingħajr l-umiltà.
U nixtieq ngħid għal darb’oħra, nemfasizza ir-rwol tal-movimenti ekkleżjali. Il-movimenti ekkleżżjali huma għall-qadi, u mhux għalina nfusna. Huwa tan-niket meta wieħed jisma’ li “jiena nappartjeni għal dan, għal dak, għall-ieħor”, daqslikieku hu xi ħaġa superjuri. Il-movimenti ekkleżjali qegħdin hemm sabiex jaqdu lill-Knisja, mhumiex messaġġ fihom infushom, ċentralità ekkleżjali. Jeżistu sabiex jaqdu.
Nittama li dawn il-ħsibijiet ikunu utli għall-mixja tagħkom, fl-assoċjazzjonijiet u l-movimenti tagħkom, fir-relazzjonijiet tagħkom mar-Rgħajja u mar-realtajiet ekkleżjali kollha; u nittama li din il-laqgħa u mumenti oħrajn simili, jgħinukom tagħtu valur lill-kariżmi rispettivi f’perspettiva ekkleżjali, sabiex tagħtu l-kontribut ġeneruż u prezzjuż tagħkom għall-evanġelizzazjoni, għal-liema aħna lkoll imsejħin.
Dejjem aħsbu f’dan: jiena nappartjeni għall-muviment ekkleżjali, għall-assoċċjazzjoni, jew għall-Knisja? Nappartjeni għall-muviment tiegħi, fl-assoċċjazzjoni tiegħi għall-Knisja, bħala “tappa” sabiex ngħin lill-Knisja. Iżda l-movimenti magħluqa fihom infushom għandhom jiġu kkanċellati – mhumiex ekkleżjali.
Inberikkom, ibqgħu mexjin ‘il quddiem! U, jekk jogħġobkom, itolbu għalija. Favur tiegħi!
Issa se nagħtikom il-Barka. L-ewwel nitolbu lill-Madonna.
Jgħid Ave Maria
Barka
Din li tlabtkom titolbu favur tiegħi għedtu waqt li qed naħseb dwar dak li ġrali darba waħda. Kont qed nikkonkludi l-udjenza ġenerali u kien hemm anzjana ċkejkna, kienet tidher li hi raħlija, mara umli, iżda li kellha għajnejha sbieħ ħafna. U għamlitli sinjal, kienet xi għoxrin metru l-bogħod. Jiena mort. “Kemm għandek żmien?” – “87”, qaltli. “Imma inti x’tiekol biex tinsab daqshekk tajba?” – “Jien niekol ir-ravjul, nagħmlu jien”, u anki qagħdet tispjegali r-riċetta tar-ravjul. U fl-aħħar għedtilha: “Itlob għalija”. U hi qaltli: “Kuljum hekk nagħmel” – “Imma għidli, sinjura, inti titlob favur tiegħi jew kontra?”. Ir-risposta ta’ bniedma sempliċi: “Santità, tifhimni! Kontrik, jitolbu hemm ġew!”. Għalhekk tlabtkom biex titolbu favur tiegħi. Daħħkitni dik il-mara.
Miġjub għall-Malti minn John Muscat