DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KUNGRESS DINJI TAL-ĠINEKOLOĠIJA ONKOLOĠIKA

Awla Pawlu VI

Il-Ġimgħa, 11 ta' Settembru 2020

 

Ġentili Sinjuri, il-jum it-tajjeb!

Intikom merħba minn qiegħ qalbi u rroddilkom ħajr taż diż-żjara fl-okkażjoni tal-laqgħa annwali tal-International Gynecologic Cancer Society.  Dil-laqgħa tagħna qed toffrili opportunità biex insir naf u napprezza l-impenn tal-Assoċjazzjoni tagħkom favur in-nisa li jintlaqtu minn mard tant iebes u kumplikat.  Irrodd ħajr għat-tislima li tani l-President tagħkom, Profs. Roberto Angioli, li ħa  din l-inizjattiva biex issir il-laqgħa tal-lum.

Inħossni ferħan li qed nilqa' lir-rappreżenatanti ta' diversi assoċjazzjonijiet, fuq kollox magħmulin minn eks-pazjenti li jimpenjaw ruħhom fil-qsim u s-sapport reċiproku.  Fis-servizz prezzjuż li tagħtu intom konxji sewwa kemm hu importanti li jinħolqu rabtiet ta' solidarjetà bejn il-morda b'patoliġiji gravi, u tinvolvu l-qraba u l-operaturi tas-saħħa f'relazzjoni ta' għajnuna reċiproka.  Dan isir aktar prezzjuż meta nkunu qed inħabbtu wiċċna ma' mard li jista' jqiegħed f'riskju serju, jew jippreġudika l-fertilità u l-maternità.  F'sitwazzjonijiet bħal dawn, li jħallu marka fonda fil-ħajja ta-mara, indispensabbli li nieħdu ħsieb, b'sensibbiltà kbira u rispett, tal-kundizzjoni - psikoloġika, relazzjonali, spiritwali - ta' kull pazjenta.

Għal dir-raġuni, ma nistax ma ninkoraġġix l-impenn tagħkom biex iżżommu f'moħħkom dawn id-dimensjonijiet ta' kura integrali, anki fil-każi fejn il-kura hi essenjalment palljattiva.  F'dil-perspettiva ikun utli ħafna li tinvolvu persuni bil-ħila li jakkumpanjaw il-mixja tal-kura bil-kontribuzzjoni tal-fiduċja, tama u mħabba.  Ilkoll nafu - u hu ppruvat - li r-relazzjonijiet tajba jgħinu lill-morda matul il-kors sħih tal-kura, u jerġgħu jkebbsu fihom jew isaħħulhom it-tama tagħhom.  Hi propju l-qrubija mimlija mħabba li tiftaħ il-bibien tat-tama u anki tal-fejqan.

il-persuna marida dejjem hi u hija ferm aktar importanti mill-protokoll - ferm aktar importanti! -li fih tkun inkwadrata l-qagħda klinika tagħha - u dan għandu jsir -.  Prova ta' dan hu l-fatt li meta l-marid iħoss attenzjoni lejn l-uniċità tiegħu - l-esperjenza tagħkom tista' tikkonferma dan - titkattar fih il-fiduċja fit-tim mediku u lejn xefaq pożittiv.

Hi xewqa tiegħi, u m'għandix dubju tagħkom ukoll, li dan kollu ma jibqax biss stqarrija ta' ideal, imma jibqa' dejjem isib spazju u għarfien fil-qalba tas-sistemi sanitarji.

Spiss hu affermat, u bir-raġun, li r-relazzjoni, il-laqgħa mal-persuni sanitarji, hi parti mill-kura.  X'benefiċċju kbir jiksbu l-morda li jkollhom l-opportunità jiftħu qalbhom liberament u jitkellmu bil-kunfidenza dwar il-kundizzjoni u s-sitwazzjoni tagħhom!  U wkoll il-possibbilta li jibku bil-fiduċja.  Dan jiftħilhom ixqfa u jgħin il-fejqan.  Jew, tal-lanqas, li jġarrbu bis-sabar jekk il-marda tkun terminali.

Madankollu, fil-konkret, kif tista' tkun sviluppata din il-ħtieġa kbira fi ħdan l-organiżżazzjoni tal-isptar, li hi kundizzjonata bil-kbir mill-esiġenzi tal-funzjonalità?  Ippermettuli nesprimi s-swied il-qalb tiegħi u t-tħassib tiegħi dwar dar-riskju li hu mifrux sewwa, dak li d-dimensjoni umana tal-kura tal-persuni morda titħalla f'idejn "ir-rieda tajba" tat-tabib individwali, minflok ma titqies - kif fil-fatt hi -  bħal parti intergali tal-attività tal-kura li joffru l-istrutturi tas-saħħa.

Ma nistgħux nippermettu li l-ekonomija tidħol b'daqstant prepotenza fid-dinja tas-saħħa sal-punt li jispiċċaw sagrifikati aspetti essenzjali bħalma huma r-relazzjonijiet mal-morda.  F'das-sens  hu ta min ifaħħar id-diversi assoċjazzjonijiet volontarji bla skop ta' qligħ, li jqiegħdu lill-pazjenti fiċ-ċentru ta' kollox, u jissapportjawhom fil-ħtiġijiet tagħhom u fil-mistoqsijiet leġittimi li  jagħmlu billi jagħtu leħen anki lil min, minħabba l-fraġilita tal-kundizzjoni personali, ekonomika u soċjali tiegħu, ma jkunx jista' jsamma' leħnu.

Ċertament, ir-riċerka titlob impenn ekonomiku qawwi, dan hu veru.  Madankollu nemmen li jista' jinstab bilanċ bejn id-diversi fatturi.  L-ewwel post dejjem għandu jingħata lil-persuni, f'dal-każ in-nisa morda, imma wkoll - ma ninsewhx dan - lill-ħaddiema li jkunu ta' kuljum f'kuntatt dirett magħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu f'kundizzjonijiet addattati u jista' wkoll ikollhom il-ħin ta' mistrieħ biex jerġgħu jiksbu lura l-forzi ħalli jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b'xogħolhom.

Ninkoraġġikom biex ixxerdu fid-dinja r-riżultati tar-riċerki tagħkom favur in-nisa li intom tieħdu ħsiebhom.  Madankollu, minkejja d-diffikultajiet tagħhom, huma jfakkruna f'aspetti tal-ħajja, li xi kultant aħna ninsewhom, bħalma huma l-inċertezzi tal-eżistenza tagħna, il-ħtieġa li għandna ta' xulxin, minbarra l-bluha li ngħixu kkonċentrati biss fuqna nfusna, ir-realtà tal-mewt bħala parti mill-ħajja nfisha.  il-kundizzjoni tal-marda titlob atteġġjament deċisiv favur il-bniedem: li jkun jista' jafda f'xi ħadd: jafda f'ħutu l-oħra u fl-Ieħor, bl-ittra kapitali, li hu Missierna tas-sema.  U hi sejħa wkoll għall-valur tal-qrubija, li nkunu proxxmu, kif jgħallimna Ġesù fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb (cfr Lq 10,25-37).  Kemm u kemm tfejjaq żegħila fil-waqt opportun!  Intom dan tafuh aħjar minni.

Għeżież ħbieb nawguralkom kull ġid fix-xogħol tagħkom.  Fuqkom u fuq il-familji tagħkom, fuq il-kollegi tagħkom u fuq kull min għandkom taħt il-kura tagħkom nitlob il-barka t'Alla.  Inbierek lilkom ilkoll.  Ilkoll, kulħadd skont it-twemmin tiegħu, it-tradizzjoni reliġjuża li jħaddan.  Imma Alla hu wieħed għal kulħadd.  Inberikkom ilkoll.  Nitlob il-barka t'Alla, għajn tat-tama, tal-qawwa u tal-paċi ġewwiena.  Niżgurakom mit-talb tiegħi u - jgħidu li s-saċerdoti dejjem jittalbu! - jien intemm nitlobkom titolbu għalija, għax neħtieġu.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber