VJAĠĠ
APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-LUSSEMBURGU U FIL-BELĠJU
(26-29 ta’ Settembru, 2024)
Kastell
ta’ Laeken (Bruxelles)
Il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru, 2024
Maestà Tagħkom,
Sur Prim Ministru,
ħuti Isqfijiet,
distinti Awtoritajiet,
Sinjuri!
Maestà, irroddlok ħajr tal-akkoljenza kordjali u l-indirizz ġentili li bih sellimtli. Ferħan ħafna li qed inżur il-Belġju. Meta naħsbu f’dal-pajjiż, minnufih tiġina f’moħħna xi ħaġa mhix ċkejkna u xi ħaġa kbira, pajjiż tal-punent u fl-istess ħin ċentrali, qiesha l-qalb tħabbat ta’ organiżmu ġgantesk.
Fil-fatt il-proporzjon u l-iskala tad-daqs jingannaw. Il-Belġju mhux stat ta’ daqs kbir imma l-istorja unika tiegħu wasslu biex ma’ tmiem it-tieni gwerra dinjija, il-popli ewropej, għajjenin u mifnija, huma u jibdew mixja serja ta’ paċifikazzjoni, kollaborazzjoni u integrazzjoni, qiesu lill-Belġju bħala s-sede naturali għall-istituzzjonijiet ewlenin ewropej. Minħabba l-fatt li jinsab fuq il-vina ġeoloġika bejn id-dinja ġermanika u d-dinja latina, u għandu konfini ma’ Franza u mal-Ġermanja, li kienu l-aktar pajjiżi li nkarnaw l-antitesi nazzjonalistika li kkawżat il-kunflitt, il-Belġju deher li hu l-post ideali, kważi sintesi tal-Ewropa mnejn tinbeda r-rikostruzzjoni fiżika, morali u spiritwali tal-Ewropa.
Jista’ jingħad li l-Belġju hu pont: bejn il-kontinent u l-gżejjer britanniċi, bejn il-firxa ta’ timbru ġermaniku u dik frankofona, bejn in-nofsinhar u t-tramuntana tal-Ewropa. Pont li bis-saħħa tiegħu jissaħħu l-armonija u l-ftehim u l-kontroversji jitbiegħdu. Pont fejn kulħadd, bil-lingwa tiegħu, bil-mentalità tiegħu u l-konvinzjonijiet tiegħu, jiltaqa’ mal-ieħor u jagħżel il-kelma, id-djalogu, il-kondviżjoni bħala mezz biex jirrelata. Imkien fejn bniedem jitgħallem li l-identità tiegħu ma jagħmilhiex idolu jew barriera, imma spazju ospitali mnejn jitlaq u jirritorna, fejn joħloq spazji ta’ skambju u jfittex ekwilibriji ġodda, ifassal sintesi ġodda. Pont, għalhekk, indispensabbli, għall-bini tal-paċi u r-rifjut tal-gwerra.
B’hekk allura jinftiehem aħjar kemm hu kbir il-Belġju! Wieħed jifhem kemm l-Ewropa għandha bżonnu biex tfakkar lilha nfisha l-istorja tagħha magħmula minn popli u kulturi, katidrali u universitajiet, kisbiet ta’ inġenju uman, imma wkoll ta’ tant gwerer u rieda ta’ dominju li kultant kienet tissarraf f’kolonjaliżmu u sfruttament.
L-Ewropa għandha bżonn il-Belġju biex imexxi ‘l quddiem il-mixja tal-paċi u tal-fraternità bejn il-popli li jsawruha. Dal-pajjiż ifakkar lil kulħadd illi meta – b’kull tip ta’ skuża immaġinabbli – jibda jonqos ir-rispett tal-konfini u t-trattati u l-armi jiksbu s-setgħa li joħolqu d-dritt, billi jaqilbu ta’ taħt fuq id-dritt viġenti, tinfetaħ il-ġarra ta’ Pandora u l-irjieħ kollha jibdew jonfħu bil-vjolenza, jheżżu d-dar u jheddu li jeqirduha. F’dal-mument storiku nemmen li l-Belġju għandu rwol important ħafna. Kważi ninsabu qrib ta’ gwerra dinjija.
L-armonija u l-paċi, infatti, mhumiex kisba ta’ darba għal dejjem, iżda kompitu u missjoni – l-armonija u l-paċi huma kompitu u missjoni -, missjoni li ma taqta’ xejn, li rridu nieħdu ħsiebha bil-perseveranza u l-paċenzja. Infatti, il-bniedem li jitlef il-memorja tal-imgħoddi u ma jitgħallimx minnha, għandu ħila sorprendenti li jerġa’ lura għall-istess żbalji, anki wara li saflaħħar ikun irnexxilu jqum, u jerġa’ jaqa’, jitlef il-memorja ta’ tant tbatija u l-prezz tal-biża’ li jkunu ħallsu l-ġenerazzjonijet ta’ qablu. Meta l-memorja tinxef, ħaġa kurjuża, ikunu forzi oħra kemm fis-soċjetà u wkoll fil-persuni, li jreġġgħu lura lejn l-istess żbalji.
F’das-sens, il-Belġju hu prezzjuz ħafna għall-memorja tal-kontinent ewropew. Infatti jqiegħed għad-dispożizzjoni argumenti inkontestabbli biex tkun żviluppata azzjoni kulturali, soċjali u politika kostanti u tempestiva, kuraġġuża u fl-istess ħin prudenti, li teskludi ġejjieni li fih l-idea u l-użu tal-gwerra jsiru għażla li ġġib magħha biss konsegwenzi katastrofiċi.
L-istorja għalliema tal-ħajja li spiss aħna torox għaliha, mill-Belġju qed issejjaħ lill-Ewropa biex terġa’ tibda l-mixja tagħha u ssib mill-ġdid żvilupp veru, il-wiċċ veru tagħha u mill-ġdid tinvesti fil-futur billi tinfetaħ għall-ħajja, għat-tama biex tegħleb ix-xitwa demografika u l-infern tal-gwerra! Huma żewġ diżastri ta’ bħalissa. L-infern tal-gwerra, jinsab quddiem għajnejna, li jista’ jispiċċa jsir gwerra dinjija. Ix-xitwa demografika; għalhekk nagħmlu t-tfal, aktar tfal!
Il-Knisja Kattolika trid tkun preżenza li bix-xhieda tal-fidi tagħha fi Kristu Rxoxt, toffri lill-persuni, lill-familji, lis-soċjetà u lin-nazzjonijiet, tama antika u dejjem ġdida; preżenza li tgħin lil kulħadd jaffronta l-isfidi u l-provi, mingħajr entużjażmi faċli u l-anqas bil-pessimiżmu dipressiv, imma biċ-ċertezza li l-bniedem, maħbub minn Alla, għandu vokazzjoni eterna ta’ paċi u ġid u mhux iddestinat biex jispiċċa fix-xejn.
B’ħarsitha fissa fuq Ġesù, il-Knisja dejjem tagħraf lilha nfisha bħala dixxiplu, li bil-biża’ u t-tregħid issegwi lill-Imgħallem tagħha, konxja li hi qaddisa għax imwaqqfa minnu, u fl-istess ħin fraġli – qaddisa u midinba – li l-membri tagħha jonqsu, u qatt mhi adattata għal kollox għall-kompitu li kien afdat f’idejha għax dan dejjem hu akbar minnha.
Il-Knisja hi Aħbar li tista’ timla l-qlub bil-ferħ u li bl-opri ta’ karità u t-testimonjanzi bla għadd ta’ mħabba għall-proxxmu, tfittex li toffri sinjali konkreti u provi tal-imħabba li tmexxiha. Madankollu hi tgħix fil-konkretezza tal-kulturi u tal-mentalitajiet ta’ epoka determinata, u tagħti kontribut biex twaħħad jew li b’xi mod iġġarrab minn żmien għal żmien; u mux dejjem tifhem u tgħix il-messaġġ evanġeliku fil-purezza u l-sħuħija tiegħu. Il-Knisja hi qaddisa u midinba.
Il-Knisja tgħix b’dil-koeżistenza dejjiema bejn il-qdusija u d-dnub, bejn id-dawl u d-dell, b’riżultati li spiss juru ġenerożità kbira u dedikazzjoni meraviljuża, u li sfortunatament fiha jitfaċċaw kontro-testimonjanzi ta’ nkwiet u tbatija. Qed nirreferi għall-episodji drammatiċi tal-abbużi fuq il-minuri – li semmew kemm ir-re u wkoll il-Prim Ministru -, pjaga li l-Knisja qed tafrronta b’serjetà kbira u fermezza, billi tisma’ u takkumpanja lill-persuni miġrugħin u bi programm preċiz ta’ prevenzjoni madwar id-dinja kollha.
Ħuti, din hi l-mistħija! Il-mistħija li llum aħna lkoll irridu nagħtu kasha, nitolbu maħfra u nsolvu l-problema: il-mistħija tal-abbużi, tal-abbużi fuq il-minuri. Aħna niftakru fiż-żmien tal-Qaddisin Innoċenti u ngħidu: “Xi traġedja, x’wasal biex jagħmel Erodi!”, imma llum, fil-Knisja għad hawn dan il-krimini; il-Knisja għandha tħammar wiċċha u titlob maħfra billi tipprova ssolvi dil-kwistjoni bl-umiltà kristjana. U qed tagħmel il-kundizzjonijiet kollha biex dan ma jerġa’ jseħħ qatt aktar. Xi ħadd jgħidli: “Santità, ftakar li skont l-istatistiċi il-maġġroranza l-kbira tal-abbużi jseħħu fil-familja jew fil-kwartier, fid-dinja tal-isports, fl-iskola”.Biżżejjed waħda minn dawn biex nistħu! Fil-Knisja rridu nitolbu maħfra għal dan: l-oħrajn jitolbu maħfra min-naħa tagħhom. Din hi l-mistħija tagħna u l-umiljazzjoni tagħna.
Sewwidt qalbi bi kbir – a propożitu ta’ dan – minħabba fenomenu ieħor: l-adozzjonijiet forzati, li kienu seħħew anki fil-Belġju bejn is-snin 50 u 70 tas-seklu l-ieħor. F’dawk l-istejjer jaħaqru kien hemm imħalltin flimkien il-frott qares ta’ reat u att kriminali ta’ mentalità mifruxa mal-livelli kollha tas-soċjetà tant illi dawk li kienu jħaddmu s-sistema kienu jqisu li l-kuxjenza tagħhom kienet nadifa għax kien jidhrilhom li qed jagħmlu l-ġid kemm lit-tarbija kif ukoll lill-omm. Spiss, il-familja u atturi soċjali oħra, inkluża l-Knisja, kien jidhrilhom li biex ineħħu l-istigma negattiva li sfortunatament dak iż-żmien kienet tolqot lill-omm li ma tkunx miżżewġa, kien ikun ta’ fejda għat-tnejn, għall-omm u għat-tarbija, li din tkun adottata. Saħansitra kien hemm każi li fihom xi nisa lanqas biss ingħataw l-għażla jżommux it-tarbija inkella jtuhiex għal-adozzjoni. U dan għadu jseħħ f’xi pajjiżi u f’xi kulturi sal-lum.
Bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru nitlob lill-Mulej sabiex il-Knisja ssib dejjem fiha nfisha l-forza li tkun ċara u li ma tintrabatx mal-kultura dominanti, anki meta din il-kultura tuża – timmanipola – il-valuri li jinstiltu mill-Evanġelju, biex minnhom tislet konklużjonijiet żbaljati li jirriżultaw f’sofferenzi u esklużjoni.
Nitlob sabiex min hu responsabbli min-nazzjonijiet, iħares lejn il-Belġju u l-istorja tiegħu u jislet tagħlim biex hekk lill-popli tagħhom jevitawlhom diżastri bla tarf u luttu bla għadd. Nitolb sabiex ill-gvernijiet jagħrfu jitgħabbew bir-responsabbiltà, bir-riskju u l-unur tal-paċi u jagħrfu jitbiegħdu mill-azzard, mill-orrur u mill-assurdità tal-gwerra. Nitlob biex huma jibżgħu mill-ġudizzju tal-kuxjenza, tal-istorja u ta’ Alla, u jikkonvertu ħarsithom u qlubhom billi fl-ewwel post iqiegħdu dejjem il-ġid komuni. F’dal-waqt li fih l-ekonomija żviluppat ħafna, nixtieq niddenunzja l-fatt li f’xi pajjiżi l-investimenti li l-aktar iħallu qliegħ huma l-fabbriki tal-armi.
Maestà, Sinjuri, il-motto ta’ diż-żjara f’pajjiżkom hu “En route, avec Espérance” (“Fit-triq, bit-Tama”). Il-fatt li l-kelma Espérance miktuba bl-ittra kapitali jġagħlni nirrifletti: it-tama mhix xi ħaġa li tmissha, li mat-triq iġġorrha fil-haversack; le, it-tama hi don t’Alla, forsi hi l-aktar virtù umli – kien jgħid il-kittieb – imma hi dik li ma tfalli qatt, ma tiddeludi qatt. It-tama hi don t’Alla u nġorruha fi qlubna! Allura nixtieq inħalli awgurju lilkom u lill-irġiel u n-nisa kollha li jgħixu fil-Belġju: jalla jirnexxilkom dejjem titolbu u tilqgħu dan id-don tal-Ispirtu s-Santu, it-tama, biex timxu flimkien bit-Tama fit-triq tal-ħajja u tal-istorja. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber