IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

26 ta’ Ġunju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd ikellimna dwar bidla deċisiva.  Jgħid hekk: “Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9, 51).  Hekk jibda “l-vjaġġ il-kbir” lejn il-belt qaddisa, li jitlob fehema speċjali għax hu l-aħħar wieħed.  Id-dixxipli, mimlijin entużjażmu li għadu wisq tad-dinja, joħolmu li l-Imgħallem sejjer lejn it-trijonf; iżda Ġesù jaf li f’Ġerusalemm hemm jistennewh iċ-ċaħda u l-mewt (cfr Lq 9, 22.43b-45); jaf li sejjer biex ibati ħafna; u dan jesiġi fehma deċiża.  Hekk, Ġesù jersaq b’pass riżolut lejn Ġerusalemm.  Hi l-istess deċiżjoni li għandna nieħdu aħna jekk irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù.  Fiex tikkonsisti din id-deċiżjoni?  Għax aħna għandna nkunu dixxipli ta’ Ġesù bis-serjetà, b’rieda sħiħa, mhux - kif kienet tgħid waħda mara xwejħa li kont naf – “insara tal-ilma żahar”.  Le, insara deċiżi.  U dan jgħinna nifhmuh, l-episodju li jirrakkonta minnufih wara, l-evanġelista Luqa.

Meta kienu fit-triq, villaġġ tas-Samaritani, li saru jafu li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm – li kienet il-belt avversarja -, ma jilqgħuhx.  L-appostli Ġakbu u Ġwanni jħossuhom offiżi u lil Ġesù jriduh jikkastiga lil dawk in-nies u jibgħatilhom in-nar mis-sema.  Ġesù, mhux biss ma jaċċettax il-proposta, talli jċanfar liż-żewġ aħwa.  Huma jriduh jissieħeb max-xewqa tagħhom tat-tpattija u Hu jirrifjuta (vv. 5-55).  “In-nar” li Hu ġie biex ikebbes fuq l-art hu ieħor (cfr Lq 12, 49), hu l-imħabba mimlija ħniena tal-Missier,  U biex dan-nar ikompli jikbes hemm bżonn il-paċenzja, il-perseveranza, spirtu penitenzjali.

Iżda Ġakbu u Ġwanni jħallu r-rabja tirkibhom.  U dan jiġri lilna wkoll meta, minkejja li nagħmlu l-ġid, forsi wkoll b’sagrifiċċju, minflok akkoljenza nsibu bieb magħluq.  Allura ninħakmu mir-rabja: saħansitra nippruvaw indaħħlu lil Alla wkoll bit-theddid ta’ kastigi mis-sema.  Iżda Ġesù jimxi minn triq oħra, mhux it-triq tar-rabja, imma dik tal-fehma sħiħa li jibqa’ miexi ‘l quddiem, li aktar milli tissarraf f’ebusija, timplika kalma, paċenzja, ġenerożità bla ma xxellef imqar ftit l-impenn li nagħmlu l-ġid.  Din l-imġieba mhix dgħufija, anzi, għall-kuntrarju turi qawwa interjuri kbira.  Faċli li fil-kuntrarju nħallu r-rabja ġġorrna, hu istint.  Imma huwa diffiċli li bniedem jiddomina lilu nnifsu, jagħmel bħal Ġesù illi – jgħidilna l-Evanġelju – “telaq lejn villaġġ ieħor” (v. 56).  Dan ifisser li meta nħabbtu wiċċna mal-għeluq, għandna nibdew nagħmlu l-ġid ximkien ieħor, bla kliem żejjed.  B’hekk Ġesù jgħinna nkunu bnedmin hienja, ferħanin bil-ġid li nkunu għamilna u mhux bnedmin li jfittxu l-approvazzjoni umana.

Issa nistaqsu lilna nfusna: aħna fejn wasalna?  Fejn ninsabu?  Quddiem il-kuntrarju, quddiem min ma jifhimniex, induru lejn il-Mulej, nitolbuh itina l-qawwa tiegħu biex nagħmlu l-ġid?  Jew infittxu ‘l min iċapċpilna u nispiċċaw bil-qrusa u mimlijin rankur meta ma nisimgħux iċ-ċapċip?  Kemm drabi, ftit jew wisq, bla ma nkunu nindunaw, infittxu l-applawsi?  Le, mhux hekk.  Għandna nagħmlu l-ġid bħala servizz u mhux biex infittxu l-applaws.  Xi drabi naħsbu li l-ħeġġa tagħna tiġi mis-sens ta’ ġustizzja għal kawża tajba, imma fir-realtà, il-biċċa l-kbira ma jkun xejn aktar ħlief kburija magħquda mad-dgħufija, sensittività żejda u nuqqas ta’ paċenzja.

Għalhekk li Ġesù nitolbuh li nkunu bħalu, li nimxu warajh b’fehma sħiħa f’dit-triq ta’ servizz.  Li ma nkunux vendikattivi, li ma nkunux intolleranti meta naħbtu mad-diffikultajiet, meta nkunu qed ningħataw bil-ġenerożità għall-ġid tal-oħrajn u huma ma jifhmux, anzi, meta jbarruna.  Le, silenzju u nibqgħu mexjin.

Il-Verġni Marija tgħinna nagħmlu tagħna d-determinazzjoni ta’ Ġesù li nibqgħu fl-imħabba sal-aħħar.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi tħassib dak li qed iseħħ fl-Ekwador.  Jien qrib dak il-poplu u ninkoraġġixxi lill-partijiet kollha biex jabbandunaw il-vjolenza u l-pożizzjonijiet estremi.  Nitgħallmuha: bid-djalogu biss tista’ tinġieb, nittama malajr kemm jista’ jkun, il-paċi soċjali, b’attenzjoni partikolari lejn il-popolazzjonijiet emarġinati u l-aktar foqra, imma dejjem b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd u lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiz.

Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-familjari u l-konsorelle ta’ Swor Luisa Dell’Orto, tal-Piccole Suore tal-Vanġelu ta’ Charles de Foucauld, li lbieraħ inqatlet f’Port-au-Prince, il-kapitali ta’ Haiti.  Minn għoxrin sena ‘l hawn swor Luisa għexet hemmhekk u tat ħajjitha speċjalment għas-servizz tat-tfal tat-triq.  Inħalli ruħha f’idejn Alla u nitlob għall-poplu ta’ Haiti, speċjalment għaż-żgħar, sabiex ikollhom ġejjieni seren, bla miżerja u bla vjolenza.  Swor Luisa għamlet ħajjitha don għall-oħrajn sal-martirju.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi.  Qed nara bandiera arġentina, konnazzjonali tiegħi, insellmilkom ħafna!  Insellem partikolarment lill-fidili ġejjin minn Lisbona, lill-istudenti tal-Istitut Notre-Dame de Sainte-Croix minn Neuilly, fi Franza u lil dawk minn Telfs, fl-Awstrija.  Insellem lill-kor polifoniku minn Riesi, lill-grupp tal-ġenituri minn Rovigo u l-komunità pastorali Beatu Serafin Morazzone minn Maggianico.  Qed nara li hawn xi bnadar tal-Ukrajna.  Hemmhekk, fl-Ukrajna, għadhom għaddejjin il-bumbardamenti li qed iġibu l-mewt, qerda u tbatija għall-popolazzjoni.  Jekk jogħġobkom ma ninsewx lil dal-poplu mnikket bil-gwerra.  Ma ninssewhx fi qlubna u fit-talb tagħna.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber