IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 26 ta’ Jannar, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
F’dal-Ħadd, l-evanġelista Luqa jippreżentalna lil Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret, il-post fejn trabba. Ġesù jaqra l-pass tal-profeta Iżaija li jħabbar il-missjoni evanġelizzatriċi u libertariċi tal-Messija, imbagħad, fost silenzju ġenerali jgħid: “Din il-kitba seħħet illum” (cfr Lq 4,21).
Nimmaġinaw is-sorpriża u l-fixla tan-nies li kienu jafuh bħala bin il-mastrudaxxa u qatt ma setgħu jimmaġinaw li Hu seta’ jippreżenta ruħu bħala l-Messija. Kienet fixla għalihom. Madankollu hekk hu: Ġesù jiddikjara li bil-preżenza tiegħu kienet waslet “is-sena ta’ grazzja tal-Mulej” (v.19). Hi l-aħbar it-tajba għal kulħadd u b’mod speċjali għall-foqra, għall-imjassrin, għall-għomja, għall-maħqurin, hekk jgħid l-Evanġelju (cfr (v. 18).
Dakinhar f’Nazaret, lil dawk li kienu qed jisimgħuh, tahom għażla dwar l-identità u l-missjoni tiegħu. Ħadd minn dawk li kienu fis-sinagoga ma seta ħlief isaqsi: Dan hu biss bin il-mastrudaxxa li qed jagħmel tiegħu rwol li mhux tiegħu, jew hu verament il-Messija mibgħut biex isalva l-poplu mid-dnub?
L-evanġelista jgħidilna li n-nies ta’ Nazaret lil Ġesù ma rnexxilhomx jaraw fih l-ikkonsagrat tal-Mulej. Kien jidhrilhom li kienu jafuh wisq tajjeb u dan il-fatt, minflok ma kien għajnuna għalihom biex jiftħu moħħhom u qalbhom, għalaqhom qiesu purtiera li tostor id-dawl.
Ħuti, dil-ġrajja, bl-analoġiji kollha marbutin magħha, qed tiġri lilna wkoll illum. Aħna wkoll għandna jinterpellawna l-preżenza u kliem Ġesù; aħna wkoll imsejħin biex fih naraw l-IBen t’Alla, is-Salvatur tagħna. Imma jista’ jiġrilna, kif ġara lil niesu dakinhar, li nimmaġinaw li diġà nafuh, li nafu kollox dwaru, li trabbejna miegħu fl-iskola, fil-parroċċa, waqt il-katekiżmu, f’pajjiż ta’ kultura kattolika... Hekk, għalina Hu, hu Persuna qrib anzi ”qrib iżżejjed”.
Imma nippruvaw insaqsu lilna nfusna: aħna nagħrfu l-awtorità unika li biha jitkellem Ġesù ta’ Nazaret? Nagħrfu li Hu ġab l-aħbar tas-salvazzjoni li ħadd aktar ma jista’ jagħtihielna? U jien, inħoss il-bżonn ta’ dis-salvazzjoni? Inħoss ukoll li b’xi mod jien fqir, imjassar, għama u magħkus? Għalhekk, u għalhekk biss “is-sena tal-grazzja” se tkun għalija!
Induru bil-fiduċja lejn Marija, Omm Alla u Ommna, biex tgħinna nagħrfu lil Ġesù.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Il-kunflitt li hemm bħalissa fis-Sudan, li beda f’April tal-2023, qed iġib miegħu l-akbar kriżi umanitarja li hawn fid-dinja bħalissa, b’konsegwenzi drammatiċi fis-Sudan t’Isfel ukoll. Jien qrib il-popolazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi u nistedinhom biex ifittxu l-fraternità, is-solidarjetà, biex jevitaw kull xorta ta’ vjolenza u biex ma jippermettu lil ħadd jistrumentalizzahom. Inġedded l-appell tiegħi lill-partijiet fi gwerra fis-Sudan sabiex isikktu l-armi u jaċċettaw li joqgħodu bilqiegħda madwar il-mejda tan-negozjati. Inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel ħilitha kollha ħalli twassal l-għajnuna umanitarja meħtieġa lill-evakwati u tgħin lill-partijiet li qed jiġġieldu jsibu t-triq tal-paċi mill-aktar fis.
Qed inħares bi preokkupazzjoni lejn is-sitwazzjoni fil-Kolombja, partikolarment fir-reġjun ta’ Catatumbo, fejn il-ġlied bejn gruppi armati ħalla bosta vittmi ċivili u aktar minn tletinelf ruħ evakwati. Nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom u nitlob.
Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra. Nagħmel kuraġġ lil kull min jaħdem favur dawk milquta b’dil-marda biex jissoktaw fl-impenn tagħhom, jgħinu wkoll lil dawk li jfiequ biex jerġgħu jsibu posthom fis-soċjetà. Dawn mhumiex emarġinati!
Għada jaħbat il-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-memorja tal-vittmi tal-Olokawst: tmenin sena minn meta kien illiberat il-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz. L-orrur tal-massakru ta’ miljuni ta’ persuni għebrej u ta’ twemmin ieħor li seħħ f’dawk is-snin, la jista’ jintesa u anqas ikun miċħud. Infakkar lill-brava poetessa ungeriża Edith Bruck, li tgħix f’Ruma. Hi sofriet dan kollu. Illum, jekk tridu, tistgħu tisimgħuha fil-programm “Che tempo che fa”. Mara kuraġġuża. Niftakru, wkoll fil-ħafna nsara, fosthom għadd kbir ta’ martri. Inġedded l-appell tiegħi biex kulħadd jikkollabora ħalli tinqered il-pjaga tal-antisemitiżmu, kif ukoll kull għamla ta’ diskriminazzjoni u persekuzzjoni reliġjuża. Ejjew nibnu flimkien dinja aktar fraterna, aktar ġusta, billi nedukaw liż-żgħar biex ikollhom qalb miftuħa għal kulħadd, bil-loġika tal-fraternità, tal-maħfra u tal-paċi.
Insellem lilkom ikoll mill-Italja u minn tant inħawi oħra tad-dinja. Insellem b’mod partikolari lill-ġurnalisti u lilsl-operaturi tal-Komunikazzjoni li dal-ġranet għexu l-Ġublew tagħhom: inħeġġiġhom biex ikunu dejjem narraturi tat-tama.
Insellem lill-pollakki, speċjalment li dawk minn Zabno; lill-istudenti tal-istitut “Zurbará” minn Bajadoz, (Spanja), lill-fidili minn Siquirres (Costa Rica), lill-grupp tat-tfajliet quinceañeras mill-Panama. Insellem lill-pellegrini tal-Unità Pastorali minn Busto Garofalo u Olcella, ariċidjoċesi ta’ Milan. U nilqa’ bil-ferħ lilkom, żgħażagħ tfajliet u ġuvintur tal-Azzjoni Kattolika, mill-parroċċi u mill-iskejjel kattoliċi ta’ Ruma. Wasaltu hawn fi tmiem “il-Karwana tal-Paċi”, li tulha rrifflettejtu dwar il-preżenza ta’ Ġesu f’ħajjitkom, u tajtu xhieda lil tamparkom tas-sbuħija tal-akkoljenza u l-fraternità. U issa nisimgħu lil dawn iż-żgħażagħ bravi li jridu jgħidulna xi ħaġa...isaw! Għollu leħinkom!
(Qari tal-messaġġ)
Issa dan (il-ġuvni li kien qed jaqra) qal kelma sabiħa wisq (jerġa’ jaqraha: “Hekk jirnexxilhom issktu l-armi”). Bravu dal-ġuvnott! Selluli għal sħabkom kollha. Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber