IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 24 ta’ Novembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

 

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Ġw 18,33-37) jippreżentalna lil Ġesù quddiem Ponzju Pilatu: kien mogħti f’idejn il-prokuratur ruman biex jikkundannah għall-mewt.  Però bejniethom – bejn Ġesù u Pilatu – jibda djalogu qasir.  Fil-mistoqsijiet ta’ Pilatu u t-tweġibiet tal-Mulej, hemm żewġ kelmiet li jittrasformaw tuħhom u jiksbu sens ġdid.  Żewġ kelmiet: il-kelma “re” u l-kelma “dinja.

 

L-ewwel, Pilatu jsaqsi lil Ġesù: “Int is-Sultan tal-Lhud?” (v. 33).  Qed jirraġuna bħala uffiċjal tal-imperu, irid jifhem jekk il-bniedem li għandu quddiemu hux theddida għalih, għax għalih ir-re hu awtorità li tikkmanda fuq is-sudditi tagħha.  Għalih din kienet tkun theddida, mhux hekk?  Ġesù jafferma li hu re, iva, imma b’mod differenti għal kollox!  Ġesù hu re għaliex hu xhud: huwa dak li jgħid il-verità (cfr v. 37).  Is-setgħa regali ta’ Ġesù, il-Verb inkarnat, tinsab fil-kelma vera tiegħu, fl-effikaċja ta’ kelmtu li tittrasforma d-dinja.

 

Dinja: dan hu t-tieni waqt.  “Id-dinja” ta’ Ponzju Pilatu hi dik fejn il-qawwi jegħleb lid-dgħajjef, l-għani lill-fqir, il-vjolenti l-ġwejjed, jiġifieri dinja, li sfortunatament, nafuha sew.  Ġesù hu Re, iżda r-renju tiegħu mhuwiex ta’ din id-dinja, infatti hu r-renju l-ġdid, dak etern li Alla jħejji għal kulħadd bl-għotja ta’ ħajtu għas-salvazzjoni tagħna.  Hu s-saltna tas-sema, li Kristu ġab fuq l-art bit-tiswib tal-grazzja u tal-verità (cfr Ġw 1,17).  Id-dinja li Ġesù hu r-re tagħha, tirhan il-ħolqien irvinat mill-ħażen bil-qawwa tal-imħabba divina tiegħu.  Ġesù jsalva l-ħolqien, għax Ġesù jeħles, Ġesù jaħfer, Ġesù jagħti l-paċi u l-ġustizzja.  “Imma, padre, dan minnu”” – “Iva”.  Kif inhu l-ispirtu tiegħek?  Hemm xi ħaġa hemm ġew li qed ittaqqlu?  Xi ħtija tal-imgħoddi?  Ġesù jaħfer dejjem.  Ġesù qatt ma jgħejja jaħfer.  Din hi s-Saltna ta’ Ġesù.  Jekk hemm xi ħaġa kerha fik, itlob maħfra.  U Hu jaħfer dejjem.

 

Ħuti, Ġesù jkellem lil Pilatu wiċċ imb wiċċ, imma dan jibqa’ bogħod minnu, għax jgħix f’dinja differenti.  Pilatu ma jinfetaħx għall-verità minkejja li tinsab quddiemu.  Isallab lil Ġesù u jordna li fuq is-salib jinkiteb: “Is-Sultan tal-Lhud” (Ġw 19,19), bla ma jifhem is-sens ta’ dik il-kelma: “Sultan tal-Lhud”, ta’ dak li kiteb,  Madankollu Kristu ġie fid-dinja, f’din id-dinja: min għandu fih il-verità jisma’ leħnu (cfr Ġw 18,37).  Hu l-leħen tas-Sultan tal-univers li jsalvana.

 

Ħuti, meta lil Ġesù nagġtuh widen qlubna u ħajjitna jiddawlu.  Allura nippruvaw insaqsu lilna nfusna -kulħadd isaqsi f’qalbu -: nista’ ngħid li Ġesù hu “s-Sultan” tiegħi?  Jew inkella f’qalbi hemm slaten oħra?  F’liema sens?  Kelmtu hi l-gwida tiegħi, iċ-ċertezza tiegħi?  Fih nara l-wiċċ ħanin ta’ Alla li jaħfer dejjem, li dejjem jaħfer, li qed jistenniena biex itina l-maħfra?

 

Nitolbu flimkien lil Marija, qaddejja tal-Mulej, waqt li bit-tama nistennew is-Saltna t’Alla.

 

Wara l-Angelus

 

Dawn iż-żewġ żgħażagħ koreani (li hawn ħdejja) llum irċevew is-Salib tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir f’Seoul u se jieħduh fil-Korea biex iħejju l-Jum Dinji.  Applaws lil koreani!  U applaws ukoll liż-żgħażagħ portugiżi li għaddewlhom is-Salib.

 

Ilbieraħ f’Barċellona kienu beatifikati s-saċerdot Cayetano Clausellas Ballvé u l-fidil lajk Antonio Tort Reixachs, li nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1936, fi Spanja.  Niżżu ħajr lil Alla għad-don kbir ta’ dawn ix-xhieda eżemplari ta’ Kristu u tal-Evanġelju.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

 

Illum, fil-Knejjes partikolari, qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ bit-tema: Min jittama fil-Mulej jiġri bla ma jgħejja (cfr Iż 40,31).  Iż-żgħażagħ ukoll jgħejjew xi kultant, jekk ma jittamawx fil-Mulej!  Insellem lid-delegazzjonijiet mill-Portugall u mill-Korea t’Isfel, li għaddew lil xulxin “is-simbolu” tal-mixja lejn il-JDŻ ta’ Seoul fl-2027.  Applaws liż-żewġ delegazzjonijiet.

 

Kif diġà ħabbart, fis-27 ta’ April li ġej, fil-qafas tal-Ġublew tal-Adoloxxenti, se niddikjara Qaddis lill-Beatu Carlo Acutis.  Minbarra dan, skont informazzjoni mgħoddija lili mid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin li wasal biex itemm pożittivament l-istudju dwar il-kawża tal-Beatu Pier Giorgio Frassati, għandi f’moħħi li nikkanonizzah fit-3 ta’ Awwissu li ġej waqt il-Ġublew taż-żgħażagħ, wara li nkun smajt il-parir tal-Kardinali.  Applaws lil dawn li dalwaqt se jsiru l-qaddisin il-ġodda.

 

Għada, fil-Myanmar jaħbat il-Jum Nazzjonali b’tifkira tal-ewwel protesta tal-istudenti li bdiet it-triq lejn l-indipendenza tal-pajjiz, bil-prospettiva ta’ staġun ta’ paċi u demokratiku li sal-lum għadu jsibha bi tqila biex jasal.  Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjoni kollha tal-Myanmar, partikolarment ma’ dawk li qed isofru minħabba t-taqbid li għaddej, fuq kollox lill-vulnerabbli: tfal, anzjani, morda u rifuġjati, fosthom ir-Rohingya.  Lill-partijiet kollha nagħmlilhom appell minn qalbi biex iwaqqfu l-armi u jibdew djalogu sinċier u inklussiv, li jwassal għal paċi dejjiema.

 

U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u Pellegrini.  Partikolarment lill-gruppi ta’ fidili minn Malta, minn Iżrael, mis-Slovenja u minn Spanja, kif ukoll lil dawk mid-djoċesi ta’ Mostar-Duvno u Trebinje-Mrkan u mit-territorju tal-Abazija ta’ Fossanova.

 

Ejjew inkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna li għaddejja minn tbatija kbira, nitolbu għall-Palestina, għal Iżrael, għas-Sudan.  Nitolbu għall-paċi.

 

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber