IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Kappella tad-Dar Santa Marta

Il-Ħadd, 22 ta’ Diċembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Jiddispjaċini lil minix magħkom fil-pjazza, imma ġej għall-aħjar u hemm bżonn ftit prekawzjoni.  L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Marija, li wara t-Tħabbira tal-Anġlu, żżur lil Eliżabetta, qariba anzjana tagħha (cfr Lq 1,39-45) li wkoll qed tistenna tarbija.  Għaldaqstant din hi laqgħa bejn żewġ nisa hienja minħabba d-don straordinarju, tal-maternità: Marija għadha kif nisslet lil Ġesù, is-Salvatur tad-dinja (cfr Lq 1,31-35), u Eliżabetta, minkejja l-età avvanzata, għandha f’ġufha lil Ġwanni, li kellu jħejji t-triq għall-Messija (cfr Lq 1,13-17).

 

It-tnejn li huma għandhom għalfejn ikunu ferħanin ħafna, u forsi nistgħu nħossuhom bogħod minna, protagonisti ta’ mirakli tant kbar, li ma jseħħux normalment fl-esperjenza tagħna.  Il-messaġġ li jrid itina l-Evanġelista, però, ftit jiem  qabel il-Milied, hu differenti.  Infatti l-kontemplazzjoni tas-sinjali tal-azzjoni salvifika ta’ Alla qatt m’għandha żżommna bogħod minnu, iżda pjuttost, tgħinna nagħrfu l-preżenza tiegħu u mħabbtu qrib tagħna, per eżempju fid-don ta’ kull ħajja, ta’ kull tarbija u ta’ ommha.  Id-don tal-ħajja.  Fil-programm “A Sua Immagine” qrajt ħaġa sabiħa miktuba: Ebda tarbija mhi żball.  Id-don tal-ħajja.

 

Jekk jogħġobkom, ma nibqgħux indifferenti għall-preżenza tagħhom, ejjew nitgħallmu nistagħġbu bis-sbuħija tagħhom kif għamlu Eliżabetta u Marija, dik is-sbuħija tan-nisa fit-tqala.  Inbierku lill-ommijiet u nagħtu ġieħ lil Alla għall-miraklu tal-ħajja!  Meta kont fid-djoċesi l-oħra, kont inħobb nara, meta kont inkun fuq tal-linja, - kont inħobb għax issa ma nistax nagħmilha aktar – li meta titla’mara tqila mill-ewwel kienu jċedulha post biex toqgħod bilqiegħda: ġest ta’ tama u ta’ rispett!

 

Ħuti, f’dawn il-ġranet nieħdu gost noħolqu klima ferrieħ bid-dwal, bit-tiżjin u bil-mużika tal-Milied.  Niftakru wkoll però, biex nesprimu sentimenti ta’ ferħ kull darba li niltaqgħu ma’ omm li għandha f’dirgħajha jew f’ġufha lit-tarbija tagħha.  U kull darba li naraw dan nitolbu fi qlubna u ngħidu aħna wkoll, bħal Eliżabetta: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1,42); ngħannu bħal Marija: “Ruħi tfaħħar lill-Mulej” (Lq 1,46), sabiex kull maternità tkun imbierka, u f’kull omm tad-dinja jkun imfaħħar u jingħata ġieħ isem il-Mulej, li lill-irġiel u lin-nisa jafdalhom f’idejhom is-setgħa li jagħtu l-ħajja lit-trabi.

 

Minn hawn u ftit ieħor se nbierku “l-Bambini tal-Milied” – jien ġibt dak tiegħi: dan kien tahuli rigal l-Arċisqof ta’ Santa Fé, kienu għamluh l-aboriġini tal-Ekwador – il-Bambini li ġibtu magħkom.  Nistgħu nsaqsu lilna nfusna, għalhekk: jien niżżi ħajr lill-Mulej għax sar bniedem bħalna, biex jaqsam kollox magħna, minbarra d-dnub, l-eżistenza tagħna?  Jien infaħħar lill-Mulej u nbierku għal kull tarbija li titwieled?  Meta niltaqa’ ma’ xi omm tqila, inkun ġentili magħha?  Jien favur, niddefendi l-valur sagru tal-ħajja taċ-ċkejknin sa mit-tnissil tagħhom fil-ġuf tal-omm?

 

Jalla Marija, l-Imbierka fost in-nisa, ttina l-ħila li nistagħġbu u nkunu grati quddiem il-misteru tal-ħajja li se titwieled.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi dejjem u bi tħassib l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Mozambique, u nixtieq li lil dak il-poplu nġeddidlu l-messaġġ tiegħi ta’ tama, ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.  Nitlob sabiex id-djalogu u t-tfittxija tal-ġid komuni, imweżnin mill-fidi u r-rieda tajba, jegħlbu l-isfiduċja u n-nuqqas ta’ qbil.

 

Il-martri Ukrajna għadha milquta minn attakki fuq l-ibliet, li xi kultant jagħmlu ħsara lil skejjel, sptarijiet u knejjes.  Ħalli jieqfu l-armi u minflok jidwi l-kant tal-Milied!  Nitolbu biex fil-Milied jieqaf il-ġlied fuq il-fruntieri kollha li jinsabu fi gwerra, fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fil-Lvant Nofsani kollu u fid-dinja kollha.  U b’niket niftakar f’Gaża, f’tant krudeltà: fit-tfal xkubettjati, fil-bumbardamenti tal-iskejjel u tal-isptarijiet... Kemm krudeltà!

 

Insellem b’għożża lilkom ikoll, rumani u pellegrini.  Insellem lid-delegazzjoni taċ-ċittadini taljani li jgħixu fit-territorji lil ilhom żmien jistennew reklamazzjoni taż-żoni tagħhom biex tkun imħarsa saħħithom.  Nesprimi l-qrubija tiegħi ma’ dawn il-popolazzjonijiet, speċjalment dawk li għadhom kif għaddew mit-traġedja reċenti ta’ Calenzano.

 

Dalgħodu fraħt li kont mat-tfal u ma’ ommijiethom, dawk li jiffrekwentaw id-dispensarju Santa Marta tal-Vatikan, immexxi mis-Sorijiet Vinċenzjani.  Sorijiet bravi dawn!  Fosthom hemm soru li qiesha n-nanna ta’ kulħadd, il-brava Swor Antonietta, soru maħbuba ħafna minn kulħadd.  U lili dawn it-tfal, kienu ħafna, imlewli qalbi bil-ferħ.  Intenni: “It-tfal qatt mhuma żball”.

 

U issa nbierek il-Bambini tal-Milied, jien ġibt tiegħi.  L-istatwi ta’ Ġesù Bambin li ġibtu magħkom għeżież tfal u adoloxxenti u li mbagħad terġgħu teħduhom id-dar biex tpoġġuhom fil-presepju.  Nirringrazzjakom ta’ dan il-ġest sempliċi imma importanti.  Inbierk lilkom ilkoll minn qalbi, lill-ġenituri tagħkom, lin-nanniet, lill-familji tagħkom!  U jekk jogħġobkom tinsewhomx lin-nanniet tagħkom!  Jalla ħadd ma jibqa’ waħdu f’dal-ġranet.

 

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom, L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber