IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 21 ta’ Lulju, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 6,30-34), jirrakkonta li l-wara li ġew lura mill-missjoni, l-appostli jinġabru madwar Ġesù u jirrakkunatwlu dak li kienu għamlu; għalhekk Hu jgħidilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit” (v. 31).  Però, in-nies jindunaw x’se jagħmlu u meta  niżlu mid-dagħjsa, Ġesù jsib folla tistennih, tiġih ħniena minnhom u jibda jgħallimhom (cfr v. 34).

Għalhekk, min-naħa hemm l-istedina biex jistrieħu u mill-oħra l-kumpassjoni ta’ Ġesù għall-folla. – sabiħ ħafna nieqfu nirriflettu dwar dil-ħniena ta’ Ġesù -.  Iż-żewġ sitwazzjonijiet donnhom kuntradittorji, l-istedina għall-mistrieħ u l-kumpassjoni, iżda dawn jimxu id f’id: mistrieħ u kumpassjoni.  Naraw.

Ġesù preokkupat minħabba li d-dixxipli għajjenin.  Forsi qed jara periklu li jolqot ħajjitna u l-appostolat tagħna, meta per eżempju, l-entużjażmu biex inwettqu l-missjoni, jew ix-xogħol, u l-istess rwol u l-ħidma li għandna afdata f’idejna, jirrenduna vittmi tal-attiviżmu, u din hi ħaġa kerha: wisq imħassbin minħabba dak li għandna nagħmlu, wisq  imħassbin dwar ir-riżultati.  U hekk, jiġri li nimtlew bl-ansjetà u l-essenzjali jgħib minn quddiem għajnejna, bir-riskju li jixorbilna l-enerġija u u nispiċċaw għajjenin kemm fil-ġisem u wkoll fl-ispirtu.  Hi twissija importanti għal ħajjitna, għas-soċjetà tagħna li spiss hi lsiera tal-għaġla, imma dan jgħodd ukoll għall-Knisja u għas-servizz pastorali: ħuti, noqgħodu attenti biex ma nsirux vittmi tad-dittatura tal-attiviżmu!  U dan jista’ jiġri neċessarjament fil-familji wkoll, per eżempju, meta biex jaqla’ l-ħobż, il-missier ma jkunx preżenti u jissagrifika l-ħin li jista’ jagħti lill-familja.  Spiss ikollhom joħorġu kmieni filgħodu meta t-tfal ikunu għadhom reqdin u jaslu lura tard filgħaxija meta t-tfal ikunu diġà fis-sodda.  Din hi inġustizzja soċjali.  Fil-familji l-omm u l-missier għandu jkollhom ħin biex ikunu ma’ wliedhom, biex ikattru din l-imħabba fil-familja u ma jaqgħux fid-dittatura tal-azzjoni.  Naħsbu ftit dwar x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu persuni li jkunu mġagħlin jgħixu b’dal-mod.

Fl-istess ħin, il-misrtieħ li ssuġġerixxa Ġesù mhuwiex ħarba mid-dinja, li wieħed jingħalaq fih innifdu u f’dak li għandu; għall-kuntrarju, meta jara n-nies mitlufin Hu jħoss ħniena.  Għalhekk, mill-Evanġelju nitgħallmu li dan iż-żewġ realtajiet – il-mistrieħ u l-ħniena – huma marbutin flimkien: ikun biss meta nitgħallmu nistrieħu li jista’ jkollna l-ħniena.  Infatti jkun possibbli li ħarsitna tkun waħda ta’ kumpassjoni, li tagħraf xinhuma l-ħtiġijiet tal-ieħor, biss, jekk qalbna ma tkunx mikula mill-ansjetà tal-attiviżmu, jekk nagħrfu nieqfu u fis-skiet tal-adorazzjoni, nirċievu l-Grazzja t’Alla.

Għaldaqstant, għeżież ħuti, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: naf nieqaf għal xi ħin matul il-jum? Naf insib mument biex nibqa’ miegħi innifsi u mal-Mulej, jew dejjem maħkum mill-għaġla, l-għaġla li dejjem għaddejjin bla nifs?  Nafu nsibu ftit “deżert” interjuri qalb il-ħsejjes u l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum?

Il-Verġni Mqaddsa tgħinna “nistieħu fl-Ispirtu” anki qalb l-attivitajiet kollha tal-ħajja ta’ kuljum, u nkunu disponibbli għall-oħrajn u nuru ħniena magħhom.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Dil-ġimgħa jibda’ l-Logħob Olimpiku f’Pariġi u wara jkun hemm ukoll il-Logħob Paralimpiku.  L-isports huwa wkoll forza soċjali kbira, bil-ħila li jiġbor flimkien persuni ta’ kulturi differenti f’għaqda waħda fil-paċi.  Nawgura li dil-ġrajja tkun sinjal għad-dinja inklussiva li nixtiequ nibnu u li l-atleti, bit-testimonjanza sportiva tagħhom, ikunu messaġġiera tal-paċi u mudelli validi għaż-żgħażagħ.  B’mod partikolari, skont it-tradizzjoni antika, jalla l-Olimpjadi jkunu okkażjoni biex ikun hemm waqfien fil-gwerer, b’wirja sinċiera ta’ paċi.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-Équipe Notre Dame mid-djoċesi ta’ Quixadá fil-Brażil; lill-assoċjazzjoni “Assumpta Science Center Ofekata”, impenjata fi proġetti solidali ta’ formazzjoni fl-Afrika.

Insellem ukoll lis-Silenziosi Operai della Croce u liċ-Centro Volontari della Sofferenza, miġburin flimkien fit-tifkira tal-fundatur il-Beatu Luigi Novarese; lill-aspiranti u l-professi żgħażagħ tal-Istitut tal-Missjunarji tar-Regalità ta’ Kristu; lill-adoloxxenti tal-grupp vokazzjonali tas-Seminarju Minuri ta’ Ruma li mxew fuq il-passi ta’ San Fanġisk minn Assisi sa Ruma.

Nitolbu ħuti, għall-paċi.  Ma ninsewx lill-Ukrajna mifluġa, il-Palestina, Iżrael, il-Myanmar u tant pajjiżi oħra li jinsabu fi gwerra. Ma ninsewx, ma ninsewx.  Il-gwerra hi telfa!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber