IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 19 ta’ Jannar, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Ġw 2,1-11) jirrakkuntalna l-ewwel sinjal ta’ Ġesù, meta bidel l-ilma f’inbid waqt il-festa tat-tieġ f’Kana tal-Galileja. Hu rakkont li jantiċipa u jiġbor f’sintesi l-missjoni kollha ta’ Ġesù: fil-jum tal-miġja tal-Messija – hekk kienu jgħidu l-profeti – il-Mulej iħejji “mejda b’inbejjed fini” (Iż 25,6) u “l-inbid ġdid iqattar mill-muntanji (Għa 9,13); Ġesù hu l-għarus li jġib “l-inbid il-ġdid”.
F’dan l-Evanġelju nistgħu naqraw żewġ aspetti: in-nieqes u l-abbundanza kbira. Min-naħa jonqos l-inbid u Marija tgħid lil Binha: “M’għandhomx inbid” (v. 3); min-naħa l-oħra Ġesù jintervjeni u jġiegħel li jimtlew bl-ilma sitt ġarar kbar, u fl-aħħar, l-inbid hu tant abbundanti u tajjeb dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda jsaqsi lill-għarus għaliex ħalla l-itjeb inbid għall-aħħar (v. 10). Għalhekk, is-sinjal tagħna hu dejjem in-nieqes, imma “s-sinjal t’Alla dejjem hu abbundanza kbira” u din l-abbundanza f’Kana hi xhieda tagħha (cfr Benedittu XVI, Ġesù ta’ Nazaret, vol. 1, 294). Kif iwieġeb Alla għan-nieqes tal-bniedem? B’abbundanza kbira (cfr Rm 5,20). Alla mhux xħiħ! Meta jagħti, jagħti ħafna. Ma jtikx loqma, jagħtik ħafna. Alla jwieġeb għan-nieqes tagħna b’abbundanza kbira.
Tul l-ikla ta’ ħajjitna – nistgħu ngħidu – kultant nindunaw li jonqos l-inbid: li qed jonqsuna l-forzi f’tant affarijiet. Jiġri dan meta nkunu mgħakksin bil-preokkupazzjonijiet, bil-biżgħat li jaħkmuna jew minħabba l-qawwiet tal-ħażen li jifxluna, li jitfu fina s-sabiħ tal-ħajja, l-ewforija tal-ferħ u t-togħma tat-tama. Noqgħodu attenti: għal dawn id-difetti tagħna, meta jweġibna l-Mulej, itina, itina b’abbundanza kbira. Tidher kuntradizzjoni: aktar mhemm nieqes fina, aktar toktor l-abbundanza tal-Mulej. Għax il-Mulej irid jagħmel festa magħna, festa bla tmiem.
Allura nitolbu lil Verġni Marija. Hi li hi “l-Mara tal-inbid ġdid” (cfr A. Bello: Marija, mara ta’ żmienna), tinterċedi għalina u, f’dis-sena tal-Ġublew, tgħinna niskopru mill-ġdid il-ferħ.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Fil-jiem li għaddew tħabbar li llum se jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied f’Gaża. Nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-medjaturi. Biċċa xogħol sabiħa l-medjazzjoni għal-paċi. Grazzi lill-medjaturi! U grazzi wkoll lill-partijiet kollha għal dan ir-riżultat importanti. Nawgura li l-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehim u li l-ostaġġi kollha jkunu jistgħu saflaħħar jirritornaw lejn djarhom u jħaddnu mill-ġdid lill-għeżież tagħhom. Nitlob ħafna għalihom u għall-familji tagħhom. Nittama wkoll li l-għajnuna umanitarja tasal bla tnikkir u bl-abbundanza għand il-popolazzjoni ta’ Gaża għax għandha bżonnha urġentement.
Kemm l-iżraeljani kif ukoll il-palestinjani għandhom bżonn sinjali ċari ta’ tama: nittama li l-awtoritajiet politiċi taż-żewġ naħat, bl-għajnuna tal-Komunità Internazzjonali, jaslu għal soluzzjoni ġusta għaż-żewġ Stati. Jalla kulħadd ikun jista’ jgħid: iva għad-djalogu, iva għar-rikonċiljazzjoni, iva għall-paċi. U nitlobu għal dan: għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi.
Xi jiem ilu tħabbar il-ħelsien ta’ grupp ta’ ħabsin mill-ħabsijiet ta’ Cuba. Hu ġest ta’ tama kbira li jagħmel konkreti l-intenzjonijiet ta’ dis-sena tal-Ġublew. Nawgura li fix-xhur li ġejjin, fid-diversi nħawi tad-dinja, jkomplu jitwettqu inizjattivi bħal din, inizjattivi li jnisslu fiduċja fil-mixja tal-persuni u tal-popli.
U nsellem lilkom, rumani u pellegrini, lill-membri tal-Immacolata, lis-Sorijiet ta’ Santu Wistin ġejjin mill-Polonja, lill-grupp tal-fidili mill-Gwatemala li għandhom magħhom ix-xbieha tas-Señor de Esquipula, u lill-istudenti tal-iskejjel “Pedro Mercedes” minn Cuenca u “Juan Pablo II” minn Parla, fi Spanja, u lil dawk mill-Piggott School f’Wargrave, l-Ingilterra. Insellem lill-missjunarji żgħażagħ tal-moviment Operazione Mato Grosso; lill-fidili tal-Unità Pastorali ‘alla guizza’ minn Padova, lil dawk minn Malgrate, Civate u Lecco Alta u minn Locorotondo, kif ukoll lill-grupp “amici speciali” minn Este.
F’dal ġranet ta’ talb għall-għaqda fost l-insara ejjew ma nehdewxs ninvokaw minn Alla d-don prezzjuż tal-komunjoni sħiħa bejn id-dixxipli kollha tal-Mulej. U nitolbu dejjem għall-Ukrajna mbiċċra, għall-Palestina, għal Iżrael, għall-Myanmar u għall-popolazzjonijiet kollha li qed isofru minħabba l-gwerra.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber