IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ ĠESÙ
IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 12 ta’ Jannar, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Il-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù li qed niċċelebraw illum tfakkarna f’ħafna affarijiet, fil-Magħmudija tagħna wkoll. Ġesù jingħaqad mal-poplu tiegħu li jmur jitgħammed biex jinħafrulu dnubietu. Inħobb infakkar il-kliem tal-innu tal-liturġija tal-lum: Ġesù jmur biex jitgħammed minn Ġwanni “għalkemm safi minn kull ħtija”.
Waqt li Ġesù jitgħammed jidher l-Ispirtu u sseħħ l-Epifanija ta’ Alla, li juri wiċċu f’Ibnu, isamma’ leħnu li jgħid: “Int Ibni l-maħbub: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (v. 22). Il-wiċċ u l-leħen.
L-ewwel ħaġa: il-wiċċ. Meta juri ruħu bħala Missier permezz ta’ Ibnu, Alla joħloq spazju privileġġjat biex jidħol fi djalogu u f’komunjoni mal-umanità. Hu l-wiċċ ta’ Ibnu l-maħbub.
It-tieni, il-leħen: “Int Ibni l-maħbub” (v. 22). Dan hu sinjal ieħor li jakkumpanja r-rivelazzjoni ta’ Ġesù.
Għeżież ħuti, il-festa tal-lum iġġagħalna nikkuntemplaw il-wiċċ u l-leħen ta’ Alla li jimmanifestaw ruħhom fl-umanità ta’ Ġesù. Allura nsaqsu: inħossuna maħbubin? Jien inħossni maħbub u akkumpanjat minn Alla jew naħseb li Alla mbiegħed minni? Għandna ħila nagħrfu l-wiċċ ta’ Ġesù f’ħutna? Indorrijin nisimgħu leħnu?
Nagħmlilkom mistoqsija: kull wieħed u waħda minna niftakruha d-data tal-Magħmudija tagħna? Dan importanti ħafna! Aħseb ftit: f’liema ġurnata kont imgħammed, imgħammda? U jekk ma niftakrux, malli naslu d-dar insaqsu lill-ġenituri, lill-parrini, id-data tal-Magħmudija. U nagħmlu festa f’dik id-data daqslikieku kien għeluq sninna ieħor: dak li fih twelidna fl-Ispirtu ta’ Alla. Tinsewx! Din biċċa xogħol li għandha ssir meta taslu d-dar: id-data tal-Magħmudija.
Nintelqu f’idejn Marija u ninvokaw l-għajnuna tagħha. U tinsewx id-data tal-Magħmudija.
Wara l-Angelus
Jien qrib l-abitanti tal-Kontea ta’ Los Angeles, California, fejn fil-jiem li għaddew faqqgħu nirien qerrieda. Qed nitlob għalikom ilkoll.
Dalgħodu, b’ferħ, għammidt xi trabi, ulied dipendenti tas-Santa Sede u tal-Gwardja Svizzera. Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom. U nixtieq nitlob lill-Mulej, f’isem il-koppji żgħażagħ kollha, biex ikollhom il-ferħ li jilqgħu id-don tal-ulied u li jgħammduhom.
Fil-Bażilika ta’ San Giovanni in Laterano dalgħodu kien beatifikat Don Giovanni Merlini, saċerdot tal-Missjunarji tad-Demm l-Aktar Prezzjuż. Kien mogħti għall-missjoni fost il-poplu, kien jagħti pariri prudenti lil tant erwieħ u messaġġier tal-paċi. Ninvokaw l-interċessjoni tiegħu ukoll filwaqt li nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha. Applaws lill-Beatu l-ġdid!
Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini, partikolarment lill-istudenti minn Olivenza, fi Spanja, u lill-membri tal-Familja tad-Dixxipli flimkien mal-lajċi li jaħdmu fid-djar tal-Opra ta’ Padre Semeria u Padre Minozzi. U ma ninsewx nitolbu għall-paċi. Ma ninsewx li l-gwerra dejjem hi telfa. Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber