SOLENNITÀ TAL-KONĊEPIMENT
IMMAKULAT
TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru, 2024
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!
Illum, solennità tal-Kunċizzjoni Immakulata, l-Evanġelju jirrakkuntalna wieħed mill-aktar mumenti importanti, mill-aktar sbieħ, fl-istorja tal-umanità: it-Tħabbira tal-Anġlu (cfr Lq 1,26-38), meta “bl-iva” ta’ Marija lill-Arkanġlu Gabrijel waslet l-Inkarnazzjoni ta’ Iben Alla. Hi xena li tqanqal fina meravilja kbira u kommozzjoni għaliex Alla, l-Aktar Għoli, l-Omnipotenti, permezz tal-Anġlu jiddjaloga ma tfajla min Nazaret, jitlob il-kollaborazzjoni tagħha għal-proġett tas-salvazzjoni tiegħu. Jekk illum issibu ftit ħin, fittxu dix-xena fl-Evanġelju ta’ San Luqa u aqrawha. Niżgurakom li tkunilkom ta’ ġid, ġid kbir!
Bħalma hemm fix-xena tal-ħolqien ta’ Adam li Michaelangelo pitter fil-Cappella Sistina, fejn is-sebgħa tal-Missier ċelesti kważi jmiss dak tal-bniedem; l-istess hawnhekk, l-uman u d-divin jiltaqgħu, fil-bidu tar-Redenzjoni tagħna, jiltaqgħu b’delikatezza meraviljuża, fil-waqt imbierek li fih il-Verġni Marija tlissen “l-iva” tagħha. Hi mara minn raħal ċkejken tal-periferija u tissejjaħ biex tkun iċ-ċentru tal-istorja għal dejjem: ix-xorti tal-umanità tiddependi mit-tweġiba tagħha, umanità li tista’ terġa tibda titbissem u tittama, għax id-destin tagħha tħalla f’idejn tajba. Kellha tkun Hi li ġġorr lis-Salvatur imnissel mill-Ispirtu s-Santu.
Għalhekk, Marija, kif isejħilha l-Arkanġlu Gabrijel, hi “l-mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28), l-Immakulata, kollha kemm hi għas-servizz tal-Kelma t’Alla, dejjem mal-Mulej, tintelaq kollha kemm hi fiH. Fiha mhemm xejn li jirreżisti r-rieda tiegħu, xejn li jopponi l-verità u l-karità. Din hi l-beatitudni tagħha, li jgħannu l-ġenerazzjonijiet kollha. Nifirħu aħna wkoll għax l-Immakulata tagħtna lil Ġesù b’don għas-salvazzjoni tagħna!
Ħuti, aħna u nikkuntemplaw dal-misteru nistgħu nsaqsu lilna nfusna: fi żmienna, mikdud bil-gwerer u mhedi biss fi sforz biex jakkwista u jiddomina, jien fejn inqiegħed it-tama tiegħi? Fis-saħħa tal-flus, tal-ħbieb setgħana? Hemm inqiegħed it-tama tiegħi? Jew inkella fil-ħniena bla tarf ta’ Alla? U quddiem tant mudelli jleqqu li jisquna l-mezzi tal-komunikazzjoni u l-internet, fejn infittex l-hena tiegħi? Fejn jinsab it-teżor ta’ qalbi? Jinsab fil-fatt li Alla jħobbni bil-gratwità, filli mħabbtu dejjem tasla qabli, u dejjem lest jaħfrili meta nerġa’ lura għandu niedem? F’dik it-tama filjali fl-imħabba t’Alla? Jew inkella nilludi ruħi nfittex li nafferma l-ego tiegħi u r-rieda tiegħi akkost ta’ kollox?
Ħuti, kif qed joqrob il-ftuħ tal-Bieb tal-Ġublew, ejjew niftħu l-bibien ta’ qlubna u ta’ moħħna għall-Mulej. Hu twieled minn Marija Immakulata: nitolbu bil-ħerqa l-interċessjoni ta’ Marija. U jien initkom parir. Illum hu jum tajjeb biex niddeċiedu li nagħmlu qrara tajba. Jekk illum ma tistgħux tmorru, tul dil-ġimgħa, sal-Ħadd li ġej, iftħu qlubkom u l-Mulej jaħfer kollox, kollox, kollox. U hekk f’idejn Marija nkunu aktar hienja.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
F’dis-solennità tal-Konċepiment Immakulat ta’ Marija, jien qrib b’mod partikolari man-nies tan-Nicaragua. Nistedinkom tingħaqdu fit-talb għall-Knisja u għall-poplu tan-Nicaragua, li qed jiċċelebra lill-Aktar Safja, bħala Omm u Patruna, u qed jerfa’ lejha għajta ta’ fidi u tama. Jalla l-Omm ċelesti tkun ta’ faraġ għalihom fid-diffikultajiet u l-inċertezzi, u tiftaħ il-qlub ta’ kulħadd, sabiex dejjem ifittxu t-triq td-djalogu rispettuz u kostruttiv bl-għan li jisseddqu l-paċi, il-fraternità u l-armonija fil-pajjiż.
U nkomplu nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna martri, fil-Lvant Nofsani – fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, u issa fis-Sirja -, fil-Myanmar, fis-Sudan u kull fejn hemm it-tbatija minħabba l-gwerer u l-vjolenza. Nagħmel appell lill-gvernijiet u lill-komunità internazzjonali biex possibbilment naslu għall-festa tal-Milied b’waqfien mill-ġlied fuq il-fruntieri kollha tal-gwerra.
Insellem lilkom ilkoll, rumani u Pellegrini. Partikolarment insellem lill-pellegrinaġġ tal-“Ancelle del Sacro Cuore”, minn Spanja, lill-grupp “Oasi Mamma dell’Amore”, lill-fidili mill-Istati Uniti, mill-Honduras u mill-Awstralja; kif ukoll lil dawk minn Calderara di Reno, minn Corpolò u Grado, lill-adoloxxenti tal-Griżma mill-parroċċa San Piju ta’ Pietralċina f’Ruma.
Illum minn qalbi nistieden lil kulħadd jitlob għall-ħabsin li fl-Istati Uniti jinsabu fil-kuridur tal-mewt. Jidhirli li huma 13 jew 15. Nitolbu biex il-piena tagħhom tinbidel. Niftakru f’dawn ħutna rġiel u nisa u nitlobu lill-Mulej il-grazzja li jeħlishom mill-mewt.
Illum fil-parroċċi tal-Italja qed jiġġedded it-tesserament fl-Azzjoni Kattolika. Nawgura lis-soċi kollha l-mixja tal-formazzjoni t-tajba, ta’ servizz u impenn appostoliku. Inbierek minn qalbi lill-fidili minn Rocca di Papa u l-fjakkola li biha se jixgħelu l-istilla kbira li hemm fuq il-fortizza tal-belt sbejħa tagħhom, għad unur ta’ Marija Immakulata. U jien qrib il-ħaddiema ta’ Siena, Fabriano u Ascoli Piceno li b’mod solidali qed jiddefendu d-dritt tax-xogħol, li hu dritt għad-dinjità! Ix-xogħol m’għandux jitteħdilhom għal raġunijiet ekonomiċi u finanzjarji.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-festa tal-Immakulata t-tajba. Niltaqgħu waranofsinhar fi Piazza di Spagna. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber