IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 3 ta’ Novembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

 

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 12,28-34) ikellimna dwar waħda mill-bosta diskussjonijiet li kellu Ġesù fit-tempju ta’ Ġerusalemm.  Wieħed  mill-iskribi jersaq lejh u jsaqsih:”Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” (v. 28). Ġesù jwieġeb billi jgħaqqad flimkien żewġ kelmiet fundamentali tal-liġi ta’ Mosè” “ħobb lill-Mulej Alla tiegħek” u “ħobb lil għajrek” (vv. 30-31)

 

Bill-mistoqsija tiegħu l-iskriba qed ifittex “l-ewwel” wieħed fost il-kmandamenti, jiġifieri l-prinċipju li hemm fis-sies tal-kmandamenti kollha; il-lhud kellhom bosta preċetti u kienu jfittxu l-bażi tagħhom, wieħed li kien fundamentali; kienu jippruvaw isibu qbil dwar wieħed fundamentali, u kienu jiddiskutu dan bejniethom, diskussjonijiet tajbin għax kienu jfittxu l-verità.  U dil-mistoqsija hi essenzjali għalina wkoll, għal ħajjtina u għall-mixja tal-fidi tagħna.  Infatti, aħna wkoll kultant inħossuna mifxulin minħabba l-bosta mistoqsijiet li jaqgħu f’moħħna: imma wara kollox liema hi l-aktar ħaġa importanti fost kollox?  Fejn nista’ nsib iċ-ċentru ta’ħajti, tal-fidi tiegħi?  Ġesù jtina t-tweġiba, jgħaqqad dawn iż-żewġ kmandamenti li huma l-ewlenin: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek” u “ħobb lill-proxxmu tiegħek”.  U dan ftit jew wisq hu r-ruħ tal-fidi tagħna.

 

Ilkoll kemm aħna - nafuha - għandna bżonn induru lura lejn ir-ruħ tal-ħajja u tal-fidi, għax il-qalb hi “l-għajn u l-għerq tal-forzi u l-konvinzjonijiet l-oħrajn kollha” (Enċ. Dilexit Nos, 9). U Ġesù jgħidilna li l-għajn ta’ kollox hi l-imħabba, li qatt m’għandna nifirdu lil Alla u l-bniedem.  Lid-dixxiplu ta’ kull żmien il-Mulej jgħidlu: l-aktar li jgħodd fil-mixja tiegħek mhumiex id-drawwiet esterjuri, bħalma huma l-olokawsti u s-sagrifiċċji(v. 33), imma d-dispożizzjoni tal-qalb li biha inti tinfetaħ għal Alla u għall-aħwa bl-imħabba.  Infatti, ħuti, ma nistgħux nagħmlu ħafna affarijiet, u nagħmluhom għalina nfusna biss u mingħajr imħabba, dan mhux sew; nagħmluhom b’qalb distratta inkella b’qalb magħluqa, dan mhux sew. Kollox għandu jsir bl-imħabba.

 

Il-Mulej jiġi u qabel kollox isaqsina dwar l-imħabba: ‘Kif ħabbejt?”  Importanti għalhekk li fi qlubna nittimbraw il-kmadament l-aktar importanti.  Liema hu?  Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek u lill-proxxmu bħalek innifsek.  U kuljum nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza u nsaqsu lilna nfusna: l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu huma ċ-ċentru ta’ ħajti?  It-talb tiegħi lil Alla iħeġġiġni biex nersaq lejn l-aħwa u nħobbhom bil-gratwità?  Fil-wiċċ tal-oħrajn nagħraf il-preżenza tal-Mulej?

 

Il-Verġni Marija li fil-qalb immakulata tagħha kellha stampata l-liġi t’Alla, tgħinna nħobbu lill-Mulej u lill-ħutna.

 

 

Wara l-Angelus

 

Insellmilkom ilkoll, rumani u Pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra!

 

Insellem lis-Sorijiet Karmelitani Missjunarji tal-Ispirtu s-Santu li qed jiċċelebraw il-25 sena tal-Fraternità sekulari tagħhom; insellem lill-fidili minn Venezia, Pontassieve, Barberino del Mugello, Empoli u Palermo, u ta’ Santa Maria alle Fornaci f’Ruma; kif ukoll lill-adoloxxenti minn Catanzaro flimkien mal-edukaturi parrokkjali tagħhom,

 

Insellem lid-donaturi tad-demm minn Coccaglio (Brescia); lill-grupp Emergency ta’ Roma Sud, li għandu l-impenn li jfakkar l-Artiklu 11 tal-Kostituzzjoni Taljana li jgħid: “L-Italja tiċħad il-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex issolvi kontroversji internazzjonali”.  Ftakruh dan l-artiklu!  Avanti!

 

U jalla dal-prinċipju jattwa ruħu fid-dinja kollha: il-gwerra għandha tkun imwarrba għal kollox u l-kwistjonijiet għandhom ikunu affrontati fid-dawl tad-dritt u bin-negozjati.  Għandhom jissiktu l-armi biex jeħdilhom posthom id-djalogu.  Nitolbu għall-Ukrajna mifluġa, għall-Palestina, għal-Iżrael, għall-Myanmar, għas-Sudan t’Isfel.

 

U nkomplu nitolbu għal Valencia u għall-komunitajiet l-oħra ta’ Spanja, li qed isofru ħafna f’dal-ġranet.  X’nagħmel jien għan-nies ta’ Valencia?  Nitlob?  Noffri xi ħaġa?  Aħsbu ftit f’dil-mistoqsija.

 

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber