IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 2 ta’ Frar, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Lq 2,22-40) ikellimna dwar Marija u Ġużeppi meta ħadu lit-tarbija Ġesù fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Jippreżentawh fid-dar t’Alla skont kif tgħid il-Liġi, biex ifakkru li l-ħajja tiġi mill-Mulej. U filwaqt li l-Familja Mqaddsa tagħmel dak li l-poplu ta Iżrael kien jagħmel minn dejjem, minn ġenerazzjoni għal oħra, jiġri xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel.
Żewġ anzjani, Xmun u Anna jipprofetizzaw dwar Ġesù: it-tnejn ifaħħru ‘l Alla u jkellmu “lil kulmin kien jistenna l-fidwa ta’ Ġerusalemm” (v. 38), dwar it-tarbija. Leħinhom imqanqal jidwi qalb il-ġebel antik tat-Tempju, u jħabbar li l-istennija ta’ Iżrael waslet. Alla verament jinsab preżenti fost il-poplu tiegħu: mhux għax jgħammar bejn erba’ ħitan, iżda għax qed jgħix bħala bniedem fost il-bnedmin. Din hi n-novità ta’ Ġesù. Fix-xjuħija ta’ Xmun u Anna sseħħ in-novità li tibdel l-istorja tad-dinja.
Min-naħa tagħhom, Marija u Ġużeppi jistagħġbu b’dak li jkunu qed jisimgħu (cfr v. 33). Meta Xmun jerfa’ lit-tarbija f’dirgħajh, infatti, jiddeskrivih bi tliet kelmiet mill-isbaħ, kliem li jitlob riflessjoni. Tliet modi, tliet ismijiet itih. Ġesù hu s-salvazzjoni; Ġesù hu d-dawl; Ġesù hu sinjal u jmeruh. Qabel xejn Ġesù hu s-salvazzjoni. Hekk jgħid Xmun hu u jitlob lil Alla: “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha” (vv. 30-31). Dan dejjem iħallina mistagħġbin: is-salvazzjoni universali konċentrata f’persuna waħda! Iva, għax f’Ġesù tgħammar il-milja kollha ta’ Alla, il-milja ta’ mħabbtu (cfr Kol 2,9).
It-tieni aspett: Ġesù hu “dawl li jdawwal il-ġnus” (v. 32). Bħax-xemx li titla’ fuq id-dinja, din it-tarbija se tifdina mid-dlam tal-ħażen, mit-tbatija u mill-mewt. Kemm għandna bżonn ta’ dan id-dawl illum ukoll!
Fl-aħħar, it-tarbija mħaddna minn Xmun hi sinjal u jmeruh “biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna” (v. 35). Ġesù jiżvela l-kriterju li fuqu jsir il-ġudizzju tal-istorja kollha u tad-dramm tagħha, u wkoll tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. U liema hu dal-kriterju? Hu l-imħabba: min iħobb jgħix, min jobgħod imut. Ġesù hu s-salvazzjoni, Ġesù hu d-dawl u Ġesù hu sinjal ta’ kuntradizzjoni.
Imdawlin minn dil-laqgħa ma’ Ġesù, għalhekk, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien x’qed nistenna minn ħajti? Liema hi l-akbar tama tiegħi? Qalbi tixtieq verament tara wiċċ il-Mulej? Qed nistenniha l-manifestazzjoni tal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni għall-umanità?
Nitolbu flimkien lil Marija, l-omm l-iżjed safja, sabiex takkumpanjana fid-dawl u fid-dellijiet tal-istorja, takkumpanjana dejjem aħna u sejrin niltaqgħu mal-Mulej.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Illum fl-Italja hu Jum il-Ħajja, bit-tema “Nittrażmettu l-ħajja, tama tad-dinja”. Ningħaqad mal-Isqfijiet taljani u nesprimi rikonoxxenza lil tant familji li jilqgħu bil-qalb id-don tal-ħajja u ninkoraġġixxi lill-koppji żgħażagħ biex ma jibżgħux iġibu ‘l ulied fid-dinja. U nsellem lill-Moviment għall-Ħajja tal-Italja li għalaq 50 sena. Awguri!
Għada, fil-Vatikan se jitlaqqa’ s-Summit Internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal, bit-tema “Inħobbuhom u nipproteġuhom”, li jien kelli x-xorti nippromwovi u li se nieħu sehem fih. Hi okkażjoni unika biex niġbdu l-attenzjoni tad-dinja dwar il-kwistjonijiet l-aktar urġenti li jolqtu l-ħajja taż-żgħar. Nistedinkom tingħaqdu magħna bit-talb ħalli dan is-summit jagħti l-frott.
U a propożitu tal-valur primarju tal-ħajja umana, intenni “il-le” għall-gwerra, li tiddistruġġi, teqred kollox, teqred il-ħajja u ġġagħalna nddisprezzawha. U ma ninsew qatt li l-gwerra dejjem hi telfa. F’dis-Sena tal-Ġublew, inġedded l-appell tiegħi, speċjalment lill-governanti ta’ twemmin nisrani, biex jagħmlu ħilithom kollha fin-negozjati sabiex iġibu fi tmiemhom il-kunflitti kollha li għaddejjin bħalissa. Nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna mbiċċra, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, fil-Myanmar, fis-Sudan, f’Kiwu tat-Tramuntana.
Insellem lilkom ilkoll ġejjin mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja. Insellem partikolarment lill-fidili minn Valencia, minn Barcelona, minn Siviglia; lill-istudenti tal-Istitut “Rodríguez Moñino” minn Bajadoz, fi Spanja, u lil dawk tal-“École de Provence” minn Marsilja; lill-grupp parrokkjali min Nanterre u lil dawk mill-Polonja, mill-Kroazja, mill-Bulgarija u mill-Indja. Insellem lill-membri tal-Immacolata.
Insellem lill-fidili minn Cantù, minn Seregno u minn Cologno Monzese; l-Unitalsi mid-djoċesi ta’ Camerino-San Severo Marche; l-iskawts min Nola u lill-membri tas-Serra Club International. Insellem lill-ministranti tal-komunità pastorali Reġina tal-Appostli mid-djoċesi ta’ Milan.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber