IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

 Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 1 ta’ Diċembru, 2024

 Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

 

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Lq 21,25-28.34-36), l-ewwel Ħadd tal-Avvent, ikellimna dwar it-taqlib kożmiku kbir u l-ansjetà u l-biża’ tal-umanità.  F’dal-kuntest Ġesù jgħaddi kelma ta’ tama lid-dixxipli tiegħu: “qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (v. 28).  L-Imgħallem preokkupat biex id-dixxipli ma jtaqqlux qalbhom (cfr v. 34) u biex jishru huma u jistennew il-miġja ta’ Bin il-bniedem.

 

L-istedina ta’Ġesù hi din: erfgħu raskom lejn l-għoli u żommu qlubkom ħfief u dejjem lesti.

 

Fil-fatt ħafna nies ta’ żmien Ġesù, quddiem ġrajjiet katastrofiċi li jaraw iseħħu madwarhom – persekuzzjonijiet, kunflitti, diżastri naturali -,  kienu maħkumin mill-ansjetà u jaħsbu li tmiem id-dinja kien qrib.  Qalbhom tqila bil-biża’.  Iżda Ġesù jrid jeħlishom mit-tħassib żejjed li kellhom u mill-konvinzjonijiet foloz billi jurihom kif jibqgħu jishru fi qlubhom, kif jaqraw il-ġrajjiet billi jibdew mill-proġett ta’ Alla, li jopera s-salvazzjoni anki fl-aktar ġrajjiet drammatiċi tal-istorja.  Għalhekk jissuġġerilhom biex jerfgħu ħarsithom lejn is-Sema biex jifhmu dak li jiġri fl-art: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom” (v. 28).  Sabiħa: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom”.

 

Ħuti, ir-rakkomandazzjoni ta’ Ġesù hija importanti għalina wkoll: “Tħallux qlubkom jittaqqlu” (v. 34).  Ilkoll kemm aħna, f’ħafna ċirkostanzi tal-ħajja, nsaqsu lilna nfusna: x’nista’ nagħmel biex qalbi tkun “ħafifa”, tishar, tkun qalb ħielsa?  Qalb li ma tħallix is-swied il-qalb jgħakkisha?  Dan is-swied il-qalb hu ikraħ, ikraħ ħafna!  Infatti jista’ jiġri li l-ansjetajiet, il-biżgħat u l-qtigħ il-qalb minħabba l-ħajja personali tagħna inkella minħabba dak li qed jiġri fid-dinja, jiskoraġġuna għax jgħafsu fuqna qieshom blata żonqrija.  Meta l-preokkupazzjonijiet itaqqlulna qlubna nibdew ningħalqu fina nfusna.  Għall-kuntrarju Ġesù jistedinna nerfgħu rasna, nafdaw f’imħabbtu li trid issalvana u li tkun qribna f’kull sitwazzjoni tal-eżistenza tagħna, jitlobna nagħmlulu l-wisa’ biex mill-ġdid insibu t-tama.

 

Allura nsaqsu: qalbi tqila bil-biża’, bil-preokkupazzjonijiet, bl-ansjetà dwar il-futur?  Naf inħares lejn il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum u dawk tal-istorja mill-għajnejn ta’ Alla, bit-talb, fuq xefaq aktar wiesa’?  Jew inħalli l

-iskoraġġiment jaħkimni?  Daż-żmien tal-Avvent għandu jkun okkażjoni prezzjuża biex nerfgħu rasna lejh, għax Hu jħaffef qlubna u jweżinna fil-mixja tagħna.

 

Ninvokaw issa lill-Verġni Marija, li anki waqt il-mumenti tal-prova dejjem baqgħet lesta biex tilqa’ l-proġett ta’ Alla.

 

 

Wara Angelus

 

Għeżież ħuti!

 

Fil-jiem li għaddew tfakkar l-40 anniversarju tat-Trattat ta’ Paċi u Ħbiberija bejn l-Arġentina u ċ-Ċili.  Bil-medjazzjoni tas-Santa Sede, dan kien temm il-kwistjoni territorjali li kienet għodda wasslet lill-Arġentina u liċ-Ċili f’xifer il-gwerra.  Dan juri li meta nirrinunzjaw għall-armi u minflok nużaw id-djalogu, nimxu aħjar.

 

Bi pjaċir nilqa’ l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq dal-ġranet fil-Libanu u nawgura li jkun rispettat miż-żewġ naħat, ħalli hekk, il-popolazzjonijiet tar-reġjuni milqutin mill-kunflitt - kemm mil-Libanu u wkoll minn Iżrael – jerġgħu lura lejn djarhom fiż-żgur, bl-għajnuna prezzjuża wkoll tal-eżerċtu lebaniz u l-forzi tal-paċi tal-Ġnus Magħquda.  F’dis-sitwazzjoni, nagħmel appell pressanti lill-politiċi lebaniżi kollha sabiex minnufih jaħtru l-President tar-Repubblika ħalli l-istituzzjonijiet jerġgħu jibdew jiffunzjonaw normalment, u biex isiru r-riformi meħtieġa sabiex il-pajjiż jerġa jkun eżempju ta’ konvivenza paċifika bejn ir-reliġjonijiet differenti.  Hi tama tiegħi li x-xaqq dawl ta’ paċi li nfetaħ, iwassal għall-waqfien mill-ġlied fuq il-fruntieri kollha, speċjalment f’Gaża.  Għandi ħafna għal qalbi l-ħelsien tal-iżraeljani li għadhom maqbudin ostaġġi u li l-popolazzjoni palestinjana mifnija għall-aħħar ikollha aċċess għall-għajnuna umanitarja.  U nitolbu għas-Sirja fejn, sfortunatament, reġgħet tkebbset il-gwerra li qed tħalli bosta vittmi.  Jien qrib ħafna tal-Knisja tas-Sirja.  Nitolbu!

 

Nesprimi l-preokkupazzjoni tiegħi, u n-niket tiegħi, minħabba l-kunflitt li għadu għaddej u qed idemmi l-Ukrajna martirizzata.  Ilna kważi sentejn nassistu għal sensiela ta’ mwiet, feruti, vjolenza, distruzzjoni.  It-tfal, in-nisa, l-anzjani, il-persuni dgħajfin huma l-ewwel vittmi.  Il-gwerra hi orrur, il-gwerra toffendi lil Alla u lill-umanità, il-gwerra ma taħfirha lil ħadd, il-gwerra hi dejjem telfa, telfa għall-umanità kollha kemm hi!  Niftakru li x-xitwa tinsab wara l-bieb u hemm ir-riskju li l-kundizzjonijiet ta’ miljuni ta’ evakwati se jeħżienu għall-aħħar.  Għalihom se jkunu xhur iebsin ħafna.  Il-gwerra u l-kesħa flimkien huma traġedja.  Mill-ġdid nagħmel appell lill-komunità internazzjonali u lil kull persuna ta’ rieda tajba, biex jagħmlu ħilithom kollha biex iwaqqfu dil-gwerra u minflok, joħorġu minn fuq, id-djalogu, il-fraternità, ir-rikonċiljazzjoni.  F’kull livell għandu jkun intensifikat l-impenn u waqt li qed inħejju għall-Milied, aħna u nistennew it-twelid tar-Re tal-paċi, lil dawn il-popolazzjonijiet ejjew intuhom tama konkreta.  It-tfittxija għall-paċi mhix responsabbiltà tal-ftit, iżda ta’ kulħadd.  Jekk nidraw u nibqgħu indifferenti għall-orruri tal-gwerra, il-familja umana kollha kemm hi, kollha kemm hi, toħroġ telliefa.  Il-familja umana kollha titlef!

 

Għeżież ħuti, ma nehdew qatt nitolbu għal dik il-popolazzjoni daqstant mifnija u nitolbu lil Alla d-don tal-paċi.

 

Insellem b’għożża lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn bosta pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-gruppi minn Barcellona, Murcia u Valencia – niftakru f’Valencia, kemm qed issofri -! – u minn Gerovo fil-Korazja.  Insellem lill-fidili minn Arco di Trento u lil dawk minn Sciacca, u lill-grupp  minn Ruma tal-Gioventù Ardente Mariana.  U nsellem lill membri tal-Immacolata.

 

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-bidu tal-Avvent it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber