SOLENNITÀ TA’
MARIJA SS.MA OMM ALLA
LVIII JUM DINJI TAL-PAĊI
IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
L-Erbgħa, 1 ta’ Jannar, 2025
Għeżież ħuti, is-sena t-tajba!
Is-sorpriża u l-ferħ tal-Milied ikomplu fl-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Lq,16-21), li jirrakkonta l-wasla tar-ragħajja fil-grotta ta’ Betlehem. Wara t-tħabbira tal-anġli, infatti, huma “marru jħaffu u sabu lil Marija, lil Ġużeppi u lit-Tarbija mimduda fil-maxtura” (v. 16). Dil-laqgħa timla lil kulħadd bi stagħġib għax ir-ragħajja “ bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija” (v. 17): l-imwieled hu s-Salvatur, Kristu, il-Mulej (v. 11)!
Nirriflettu dwar dak li raw ir-ragħajja f’Betlehem, it-tarbija, u wkoll dwar dak li ma rawx, jiġifieri l-qalb ta’ Marija, li kienet tgħozz u taħseb fuq dawn il-ħwejjeġ (cfr v. 19).
Qabel kollox it-tarbija Ġesù: bl-Għebrajk dan l-isem ifisser “Alla jsalva”, u dak hu propju li kellu jagħmel. Infatti l-Mulej ġie fid-dinja biex itina l-istess ħajtu. Naħsbu f’dan: il-bnedmin kollha huma ulied, imma ħadd minna ma għażel li jitwieled. Iżda Alla għażel li jitwieled għalina. Alla għażel. Ġesù hu r-rivelazzjoni tal-imħabba eterna tiegħu li ġġib il-paċi fid-dinja.
Il-qalb ta’ Marija, il-Verġni Omm, hi ħaġa waħda mal-Messija li hu l-manifestazzjoni tal-ħniena t’Alla. Din il-qalb hi l-widna li semgħet it-tħabbira tal-Arkanġlu; dil-qalb hi d-driegħ ta’ għarusa mogħti lil Ġużeppi; dil-qalb hi t-tħaddina li biha sellmet lil Eliżabetta fi xjuħitha. Fil-qalb ta’ Marija hemm tħabbat it-tama; hemm tħabbat it-tama tal-fidwa u tas-salvazzjoni għal kull kreatura.
L-ommijiet! L-ulied huma dejjem għal qalb ommijiethom. Illum, f’dan l-ewwel jum tas-sena, iddedikat lill-paċi, niftakru fl-ommijiet kollha li għandhom qalbhom mimlija ferħ, fl-ommijiet li qalbhom mimlija bl-imrar għax tilfu lil uliedhom minħabba l-vjolenza, minħabba s-suppervja tal-mibgħeda. Kemm hi sabiħa l-paċi! U kemm hi diżumana l-gwerra, li taqsam il-qalb tal-ommijiet!
Fid-dawl ta’ dawn ir-riflessjonijiet, kull wieħed u waħda minna nistgħu nsaqsu lilna nfusna: naf niskot u nikkontempla t-twelid ta’ Ġesù? Nipprova nżomm f’qalbi dil-ġrajja, dal-messaġġ ta’ tjubija u salvazzjoni? U jien, kif nista’ rrodd lura don daqstant kbir b’ġest gratwit ta’ paċi, maħfra, rikonċiljazzjoni? Kollha kemm aħna nsibu xi ħaġa x’nagħmlu, u dan ikunilna ta’ fejda.
Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, tgħallimna nħarsu fi qlubna u nkunu xhieda fid-dinja tal-ferħ tal-Evanġelju.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Lilkom ilkoll, rumani u pellegrini u lil dawk kollha li qed isegwuna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni nawguralkom kull ġid għas-sena l-ġdida. Irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika Taljana li ftakar fija fil-messaġġ lin-Nazzjon u minn qalbi nirreċiproka l-awguri flimkien mat-talb tiegħi. Is-sena t-tajba Sur President!
Il-Papa San Pawlu VI ried li dan l-ewwel jum tas-sena jkun il-Jum Dinji tal-Paċi. Din is-sena, minħabba l-Ġubew, dan għandu karatteristika speċjali: il-maħfra tad-dejn. L-ewwel ma jaħfer id-dejn huwa Alla, kif nitolbuh dejjem fit-talba “tal-Missierna”, meta nagħrfu dnubietna u nimpenjaw ruħna biex min-naħa tagħna naħfru lil min offendiena. Il-Ġublew jitlob li dil-maħfra tmiss ukoll l-aspett soċjali, sabiex ebda persuna, ebda familja, ebda poplu ma jispċċaw mgħaffġin taħt id-dejn. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ tradizzjoni nisranija biex ikunu ta’ eżempju u jneħħu jew inaqqsu kemm jista’ jkun possibbli d-dejn tal-pajjiżi l-aktar foqra.
Irrodd ħajr għall-inizjattivi ta’ talb u mpenn favur il-paċi li sar f’kull rokna tad-dinja mill-komunitajiet djoċesani u parrokkjali, mill-assoċjazzjonijiet, movimenti u gruppi ekkleżjali bħalma hu l-Marċ nazzjonali għall-paċi li sar ilbieraħ f’Pesaro. U nsellem lill-parteċipanti tal-manifesatzzjoni “Paċi fl-artijiet kollha”, organizzata mill-Komunità ta’ Sant’Egidio f’diversi pajjiżi. Insellem lill-komunità ta’ Sant’Egidio li qed narahom hemmhekk.
Nesprimi l-apprezzament tiegħi lil dawk kollha li fiż-żoni ta’ kunflitt jaħdmu għad-dajolgu u n-negozjati. Nitobu biex il-ġlied jieqaf fuq il-fruntieri kollha u b’rieda samma sl-partijiet jimmiraw għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Niftakar fil-martri Ukrajna, f’Gaża, f’Iżrael, il-Myanmar, Kivu u tant popli fi gwerra. Fil-programm “A Sua Immagine” rajt filmati u ritratti tal-qerda li ġġib il-gwerra. Ħuti, il-gwerra teqred, tfarrak kollox, dejjem! Il-gwerra dejjem hi telfa, dejjem.
Insellem minn qalbi lilkom ilkoll rumani u Pellegrini, partikolarment lill-baned mużikali minn xi skejjel fl-Istati Uniti tal-Amerika: mill-Michigan, California, Oklahoma u North Carolina. Grazzi tal-mużika li ttuna! Kif ukoll insellem lill-fidili minn Pontevedra, fi Spanja, u lill-volontarji tal-Fraterna Domus. U nsellem lill-membri tal-Immacolata: ibqgħu tqabdu għal-paċi!
Nawgura lil kulħadd il-bidu, tas-sena t-tajjeb, bil-barka tal-Mulej u tal-Verġni Omm. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber