Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt.

ABORTION IN MALTA?  NOT IN MY NAME (5)

Għal darb’oħra, għal-ħames darba, qed nerġa’ nkun magħkom bl-istess suġġett li mix-xahar ta’ Mejju 2021 ili nikteb dwaru. Għal darb’oħra ser inkompli naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar l-abort:

  Dwar il-ħażen u l-kruha tiegħu, għaliex huwa dnub li jmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla u l-liġi tan-natura minquxa f’qalbna,

  mill-konsegwenzi koroh li jħalli warajh mhux biss fuq it-tarbija li bħala vittma innoċenti tiġi maqtula imma anke fuq l-omm li tiddeċiedi li toqtol il-bina jew bintha f’ġufha,

  L-abort huwa ikrah, ħażin, ta’ min jistmerru u jikkundanah, mhux ta’ min joqgħod jiddiskutih mhux biss għax huwa dnub u jmur kontra r-rieda ta’ Alla għal kull bniedem ima għax huwa ħażin fih innifsu, imur kontra n-natura tal-bniedem, huwa inġustizzja toqtol persuna bla vuċi, innoċenti u li ma tistax tiddefendi lilha nfisha.

 

  Imma wkoll qed inkompli naqsam magħkom, b’mod pożitiv, ħsibijiet dwar is-sbuħija u l-valur tal-ħajja,

  dwar kemm tkun tassew deċiżjoni għaqlija meta akkost ta’ kollox l-omm flimkien mall-partner tagħha jiddeċiedu li jżommu ħajja lit-tarbija,

  dwar is-sabiħ li tgħix billi tosserva l-liġi ta’ Alla li tidher b’mod ċar fil-ħames kmandament “la toqtolx”,

  dwar il-maturità li omm jew il-koppja flimkien juru meta ma jaqgħux għat-tentazzjoni li huma stess ikunu vittmi tal-“kultura tal-mewt” anzi li bid-deċiżjoni tagħhom jagħtu xhieda li huma favur il-kultura “tal-ħajja”.

 

ĦAFNA GĦAMLULI KURAĠĠ

Diġà diversi minn dawn il-punti ktibt dwarhom fis-sensiela ta’ erba’ artikli li wassaltilkom. Ħafna minnkom urewni biċ-ċar u anke saħansitra għamluli kuraġġ sabiex inkompli nitkellem dwar dan. Hemm bżonn u bżonn urġenti li bħala Knisja, bħala soċjetà u mhux inqas bħala nsara ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-indifferenza. Qisu mhu qed jiġri xejn, qisu mhu qed jingħad xejn, qisu li l-valuri, l-opinjonijiet u l-idejat f’relazzjoni mall-valur tal-ħajja fil-ġuf mhux qegħdin fi kriżi. M’hemmx agħar mill-indifferenza. Żgur li mhuwiex il-mument li ndaħħlu rasna fir-ramel qisu mhu qed jinħema xejn minn warajna. Il-lobbying favur l-abort f’Malta huwa wieħed qawwi u organizzat. Għaliex aħna, bħala nsara, m’għandnhiex ukoll nużaw il-mezzi tagħna u b’mod pożittiv nitkellmu favur il-ħajja? Saħansitra kien hemm min kitibli u qalli sabiex meta nispiċċa din is-sensiela ta’ riflessjonijiet mimlija tagħlim fuq l-abort, niġborhom flimkien fi ktejjeb u nippubblikah. Suġġeriment tajjeb. Naraw ‘il quddiem!

 

L-ABORT QED ISIR

Hemm min jirraġuna u jgħid  li ladarba l-abort qed isir xorta waħda, għax l-omm tqila bit-tarbija tista’ ssiefer u faċilment tmur f’pajjiż fejn dan huwa legalizzat u hemm tagħmel dak li tixtieq tagħmel, allura għaliex ma nillegalizzawhx? Jekk nillegalizzawh inkunu qed nagħtu servizz f’Malta lill-omm tqila, nagħmlu l-proċess aktar faċli u b’inqas spejjeż u skariġġ.

Quddiem dan l-argument jinħtieġ li nagħtu t-tweġibiet tagħna:

  L-ewwelnett mhux dak kollu li qed isir barra minn Malta huwa tajjeb fih innifsu,

  Nimmitaw lil min hu aħjar minna u mhux lil min hu agħar minna,

  Il-qofol tal-problema huwa mhux li niffaċilitaw il-proċess tal-abort billi nagħmluh permess f’pajjiżna imma li niffaċiltaw mezzi fejn nistgħu ngħinu aktar lil omm tqila ħalli żżomm it-tarbija. U dan jidher li qed isir bid-diversi djar li hemm u li qed jinfetħu ġodda kemm min-naħa tal-Knisja kif ukoll min-naħa tal-Gvern, jew it-tnejn flimkien.

  Inkomplu ntejbu l-edukazzjoni sesswali sa mill-adolexxenza tat-tfajla u tal-ġuvni. Meta qed ngħid ‘edukazzjoni sesswali’ mhiniex nirreferi biss u unikament għall-funzjonament tal-organi sesswali mill-aspett fiżiku u reprodutttiv, imma aktar aktar irridu nenfassizzaw dwar l-edukazzjoni għas-sesswalità mill-aspett psikoloġiku, emozzjonali, affettiv, spiritwali fejn dawn iwasslu għall-għola livell ta’ matururità u responsabilità meta persuna tiġi biex tibni relazzjoni ta’ mħabba ma’ persuna oħra tas-sess oppost. B’dan il-mod inkunu qed nevitaw mhux biss li tfajla għada żagħżugħa, toħroġ tqila bla ma trid imma wkoll li ‘l-quddiem ikollna aktar żwiġijiet mibnija fuq is-sod. Mibnija fuq il-vera mħabba, u mhux biss fuq il-ġibda tal-ġisem u l-isfog ta’ passjoni.

  Meta xiħadd ipoġġi dan l-argument bħala bażi għad-deċiżjoni favur l-abort, jiġifieri dik li lill-mara tqila nagħmluhielha aktar faċli għax tkun tista’ tagħmel dan fl-isptarijiet tagħna, inkunu aħna stess, forsi bla ma nafu, qed inħeġġu lit-tfajliet, lin-nisa sabiex jibqgħu għaddejjin bir-relazzjonijiet sesswali bla kontroll, moħħhom mistrieħ li jekk tinqabad hemm soluzzjoni, hemm l-abort. Għalhekk dan l-argument iżid il-problema u mhux isolviha.

 

NIBŻGĦU GĦALL-VALURI

Dejjem iridu noqgħodu attenti li nibżgħu għall-valuri li sa issa bħala Maltin u Għawdxin għandna nemmnu fihom u nkomplu nżommuhom. Qatt m’għandna nistħu, anke meta mmorru barra minn Malta, li xiħadd jgħidilna li Malta hija wieħed mill-uniċi pajjiżi fejn l-abort huwa illegali. Pjuttost għandna nħossuna kburin li aħna favur il-‘ħajja’ u mhux il-‘mewt’. Ma nħallu qatt li tkompli tikber f’pajjiżna l-mentalità ta’ xejn mhu xejn, mentalità fejn dak li hu ħażin ngħidu li hu tajjeb u dak li hu tajjeb ngħidu li hu ħażin, spiċċa żmienu, antik u konservattiv. Diġà hemm sintomi li tajna bidu għal din it-triq f’diversi oqsma tas-soċjetà tagħna, imma fejn jidħol l-abort nibqgħu bla heda nirrepetu: “Abortion in Malta? NOT IN MY NAME.

 

Minn Fr Philip Cutajar ofm cap