Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt.

ABORTION IN MALTA?  NOT IN MY NAME (1)

Min hu midħla tal-facebook min jaf kemm il-draba ltaqa’ ma’ dan il-kliem li jiena llum qed inpoġġih bħala titlu għal dawn il-ftit ħsibijiet li ser naqsam magħkom. Din hija paġna fil-fb li tistieden lil kull wieħed u waħda minna sabiex b’mod pożittiv nuru ċ-ċaħda u l-istmerrija tagħna għal kull tip ta’ abort. Dan huwa metodu kif noħolqu għarfien u kuxjenza favur il-kultura tal-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt li donnha bil-mod il-mod qed tinfiltra anke f’pajjiżna. U dan mhuwiex biss kwistjoni ta’ fidi u reliġjon kristjana, għax it-tagħlim nisrani hekk jgħidilna, imma hija wkoll kwistjoni umana għax fin-nofs hemm il-ħajja ta’ tarbija umana fil-ġuf tal-omm, hija kwistjoni etika fejn jidħlu d-drittijiet tat-tarbija, li nkunu aħna l-vuċi tagħha, hi li hi mingħajr vuċi.

 

INĦARSU L-ĦAJJA KONTRA L-KULTURA TAL-ISKART

Fil-ħajja normali, f’dinja normali, il-ħajja tiġi dejjem irrispetata, tingħata merħba b’għożża kbira, tiġi ċċelebrata b’ferħ kbir, u mhux inqas tiġi wkoll akkompanjata, kulħadd jiddefendiha u sal-aħħar ikkurata bl-aħjar mod possibli u sa fejn ix-xjenza medika tista’ tasal. Għax il-ħajja ma tappartienji lill-ebda ideoloġija: dik tradizzjonali jew progressiva, tal-lemin jew tax-xellug, bajda jew sewda, liberali jew konservattiva. Hija dejjem u tibqa’ valur li, bla ebda kundizzjoni, għandna ngħożżuh, niddefenduh u nħarsuh bħalma nagħmlu ma’ diversi valuri oħra li nemmnu fihom.

 

NGĦIXU F’DINJA TA’ KONTRADIZZJONIJIET

U proprju din il-hija waħda, fost il-ħafna, kontradizzjonijiet li qed ngħixu fid-dinja tallum. Kif wieħed jista’ jifhem kemm min-naħa l-waħda għandek tobba li jissieltu u anke jirriskjarw saħħithom jekk mhux ħajjithom biex jiġġieldu kontra il-virus Covid-19, kemm għandek tobba li b’ħila kbira jissieltu ħalli jsalvaw pazjenti b’attak tal-qalb fuqhom u anke b’kapaċità kbira jaslu biex jagħmlu ‘heart transplant’ biex isalvaw il-ħajja tal-bniedem, imbagħad min-naħa l-oħra tiltaqa’ ma’ saħansitra tobba li jiddikjaraw li huma favur l-abort, u ma’ membri paralamentarji li jivvutaw favur l-abort u l-ewtanasja!?

Għandek movimenti favur l-ambjent u arahom joħorġu bil-qawwa kollha  jipprotestaw meta l-gvernijiet ikun ser jagħmlu xi sfeġju kontra l-ambjent ... u jagħmlu sew, pero mbagħad dawn it-talin fl-istqarrijiet tagħhom jgħidu li huma favur il-qtil ta’ tarbija f’ġuf ommha. Għandek ukoll movimenti oħra li joħorġu jiddefendu l-annimali, u jagħmlu sew, imma mbagħad meta niġu quddiem il-kwistjoni biex insalvaw tarbija li qed tissawwar f’ġuf ommha dawn jisktu, jagħlqu ħalqhom jew agħar minn hekk jgħidu li huma favur l-abort. Dawn mhumiex kontradizzjonijiet. Tlifna kull sens tar-raġuni. Qlibna l-valuri ta’ taħt fuq.

 

MA QED ISSIR FAĊLI LI TIĠI MAQTUL LEGALMENT!

Proprju fis-soċjetà post-moderna li ngħixu fiha nistgħu ngħidu kemm tassew qed isir faċli li tiġi maqtul legalment, bla ma tikser l-ebda liġi. F’ħafna pajjiżi, fosthom l-Olanda, nirringrazzjaw lil Alla sa issa Malta mhix wieħed minnhom, qed issr faċli li toqtol, taħt l-isem ta’ ‘mercy killing’ anke tfal taħt it-12-il-sena meta dawn huma maħkuma minn diżabilità inkurabbli. Hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar dan anke fi Spanja, il-Portugall u l-Italja.

L-istess nistgħu ngħidu fejn jidħol l-abort. Dan qed isir speċjalment bil-legalizzazzjoni ta’ diversi pilloli kontraċettivi bħalma hija issa il-‘EllaOne (R)’. Dawn il-pilloli l-funzjoni tagħhom mhix biss li ma jħallux l-isperma tar-raġel tiltaqa’ mall-bajda tal-mara imma, agħar minn hekk, jekk dawn jkunu diġà ltaqgħu u għalhekk il-ħajja bdiet, dawn il-pilloli jeqerdu l-embrijun, il-ħajja tat-tarbija fi spazju ta’ ħamest ijiem, għalhekk huma abortivi. U dan huma pilloli li tidħol fl-ispiżerija u tixtrihom mingħajr l-ebda riċetta. Qisek qed tixtri stoċċ mustardini biex tneħħi s-sogħla tal-influwenza. Id-diferenza hi li bil-mustardina tneħħi is-sogħla imma b’dawn il-pilloli tneħħi, teqred, toqtol tarbija fil-ġuf. Imma l-liġi ma tagħmel l-ebda differenza bejn il-mustardina u l-pillola tal-‘EllaOne’ jew l-hekk imsejjħa l-‘after 5 days pill’.

 

L-ABORT: L-EWWEL KAWŻA TA’ MEWT FID-DINJA

Kemm qegħdin nitwerwru  meta ta’ kuljum nisimgħu fl-aħbarijiet in-numru ta’ mwiet li l-Covid-19 qed iħalli fid-dinja! Kuntant anke nibżgħu u nallarmaw lilna nfusna meta nisimgħu biss b’ta’ pajjiżna. Imma donnu quddiem in-numru għoli u allarmanti ta’ mwiet li qed iħalli l-abort fis-sena r-reazzjoni tagħna tibqa’ waħda passiva u ndifferenti, qisu m’hu qed jiġri xejn.

Skont il-WHO fl-istatistika li jagħtuna għas-sena 2020, in-numru ta’ vittmi li ħalla l-abort fid-dinja  kien ta’ 50 miljun. Dan ifisser 125,000 tarbija maqtula kuljum f’ġuf ommha. L-ogħla rata nsibuha fir-Russja b’53.7 għal kull 1,000 mara. L-Amerika huwa ta’ 20.8 abort għal kull 1,000 mara. Minn dan jidher ċara kemm l-ewwel kawża ta’ mwiet fid-dinja huwa l-abort. Aktar mill-cancer, aktar mill-AIDS, mill-malaria (li sa ftit snin ilu n-nemusa li toħloq il-marda tal-malaria konna nqisuha bħala ‘the first killer in the world’) u saħansitra aktar mill-corona virus. Fis-sena li l-Covid-19 ilu magħna, jiġifieri bejn Marzu 2020 u Marzu 2021 il-għadd ta’ dawk li ġew maħkuma minn dan il-virus kien ta’ 116 miljun u 778,730 fuq livell dinji. Filwaqt il-vittmi li l-corona virus ħalla warajh f’sena kien ta’ 2 miljuni u 579,067. X’differenza bejn il-50 miljun ta’ trabi maqtula f’ġuf l-omm bl-abort fis-sena 2020 u ż-2.5 miljuni li mietu f’sena kawża tal-Covid-19!  Aktar minn hekk l-imwiet kawża tal-abort qed noħolquhom aħna b’mod legalizzat u m’aħna nagħmlu xejn sabiex inwaqqfuh, anzi diversi pajjiżi qed jestenduh, filwaqt li dawk tal-corona virus qed jiġu fuqna bla ma rridu u qed nagħmlu kull  ma nistgħu biex nelleminawh. Il-WHO li trid testendi l-abort u qed tuża l-pandemija tal-Covid-19 bħala skuża. Qed toffri jew li jsir abort id-dar tiegħek jew jibgħathulek pilloli kemikali abortivi bil-għan li dan jagħmluh faċli. Għal WHO it-tarbija f’ġuf l-omm hija numru, għalina hija persuna, hija ħlejqa ta’ Alla bi dritt li titwieled u tgħix.

 

MA NAGĦMLUX LILNA NFUSNA ALLAT

L-appell tiegħi huwa li filwaqt li noħolqu kuxjenza dwar il-kruha tal-qtil tal-innoċneti f’ġuf ommhom, nagħtu wkoll is-sehem tagħna sabiex inwasslu l-għarfien neċessarju dwar il-gravità ta’ dan id-dnub, mhux biss mill-aspett morali imma wkoll mill-aspett uman u etiku. L-appell tiegħi huwa li nagħrfu li l-valuri favur il-ħajja huma u jibqgħu validi f’kull żmien u f’kull kultura.

Alla biss huwa sid il-ħajja. Ħadd m’għandu dritt li jiddeċiedi hu min imut u min jibqa’ ħaj. Ma nirrepetux id-dnub ta’ Adam u Eva, li waqgħu għat-tentazzjoni tax-xitan, meta qallhom li jekk jieħdu mill-frotta projbita jsiru bħala Alla. U huma ħadu minn dik il-frotta għax riedu jsiru bħal Alla, jgħidu huma x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. It-tentazzjoni fejn Alla ma jibqax ir-riga li fuqu nfasslu l-liġijiet tagħna, il-ħajja tagħna u l-attitudnijiet tagħna.

Ningħaqdu flimkien bil-għan li niddefendu l-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil tagħha f’ġuf ommha sal-mewt naturali. Inkunu wlied il-kultura tal-ħajja u mhux dik tal-mewt.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

 

Minn Fr Philip Cutajar ofm cap