ABORTION IN MALTA?  (8)

NOT IN MY NAME!

 

Għat-tmin darba ser nikteb dwar l-istess suġġett li bdejt nikteb dwaru minn Mejju 2021. Nistieden lil kull wieħed u waħda mill-qarrejja tagħna sabiex ifittxu li jaqraw dawn l-artikli bil-għan li jkompli jkollhom stampa sħiħa mhux biss dwar il-gravità morali u soċjali tal-abort imma wkoll dwar il-ħażen tiegħu bħala dnub mhux biss kontra Alla imma wkoll kontra l-umanità, kontra l-vittma maqtula bħala persuna innoċenti f’ġuf ommha u mhux inqas kontra l-persuna stess li qed twettaq l-abort li, forsi bla ma taf, qed tagħmel ħsara kbira lilha nfisha. Quddiem din is-sitwazzjoni preżenti, b’mod speċjali f’Malta, ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel, qisu mhu qed jiġri xejn.

IS-SITWAZZJONI PREŻENTI FIL-POLITIKA TA’ PAJJIŻNA

Hemm bżonn naqraw u nisimgħu aktar dwar is-suġġett għax qed isir wieħed aktar diskuss f’diversi oqsma tas-soċjetà speċjalment fil-qasam tal-politika. Jiddispjaċina ninnutaw li fiż-żewġ partiti l-kbar tal-politika maltija hemm elementi favur l-abort, favur il-kultura tal-mewt. Smajna u qrajna li hemm politiċi, jew kandidati ġodda li beħsiebhom joħorġu għall-politika, li qed jesprimu lilhom infushom favur l-abort. Meta membru parlamentari jew kandidat/a għall-elezzjonijiet li jmiss jitkellem favur id-dekriminalizzazzjoni tal-abort, favur il-morning after pill, favur il-pro-choice u d-dritt tal-mara li għax ġisimha hu tagħha tista’ toqtol lit-tarbija f’ġufha, favur kontraċettivi li fihom infushom huma abortivi, inkunu qed nisimgħu ilħna favur l-abort. Anke jekk ma jsemmux direttament il-kelma ‘abort’, imma jkunu qed jersqu ferm qrib tiegħu.

Donnhom iż-żewġ partiti l-kbar fix-xena politika f’Malta qed jidħlu f’kunflitt għax f’moħħhom għandhom biss ir-rebħ tal-voti li magħhom hemm ir-rebħ tal-elezzjoni li jmiss. Il-partit jiġi f’dilemma jekk iżommx mall-valuri u l-prinċipji nsara u umani li bħala Maltin dejjem għożżejna jew inkella biex nirbaħ xi voti tal-elettorat inċedi għal dawn il-valuri, fosthom dak tal-abort. Dan ġara diġa quddiem valuri oħrajn li issa b’referendum jew deċiżjoni tal-maġġuranza parlamentari tlifniehom u qed inbatu l-konsegwenzi tagħhom.

LA TOQTOLX

Fir-riflessjonijiet li diġa qsamt magħkom, speċjalment f’dawn tal-aħħar, ktibt dwar kif l-abort imur kontra tlieta mill-għaxar kmandamenti ta’ Alla. Aħna bħala nsara aħna msejjħin li nosservaw l-10 kmandamenti li huma u mhux 7. Min iwettaq l-abort ikun qed jikser tlett kmandamenti li tnejn minnhom diġà ktibt dwarhom.

Dawn huma:

L-1 Kmandament: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek. Ma jkollokx allat oħra għajri”. Meta qed twettaq abort tkun qed tagħmel lilek innifsek alla, tieħu l-liġi b’idejk, tiddeċiedi int x’inhu tajjeb jew ħażin. Sejjaħnielu d-dnub ta’ Adam u Eva.

Is-7 Kmandament: “La tisraqx”. Ktibt li kull tarbija maqtula fil-ġuf huwa għemil ta’ serq lill-umanità. U ta’ dan ppreżentajt 5 persunaġġi famużi li kien ser isir abort fuqhom imma ma sarx. Li kieku sar is-soċjetà kienet titlifhom.

Il-5 Kmandament:La toqtolx”. Dan huwa l-kmandament li dwaru nixtieq nikteb illum. Kemm huwa dnub / ħażen gravi l-qtil! Tant inħossuh u nemmnu li huwa gravi li saħansitra neħħejna anke l-piena tal-mewt għal min joqtol. X’kontradizzjoni: Neħħejna l-piena tal-mewt għal krimanli, għal min joqtol u rridu ndaħħlu b’liġi l-mewt għal min hu nnoċenti, għat-tarbija bla leħen f’ġuf ommha.

SOĊJETÀ TA’ KONTRADIZZJONIJIET

Qegħdin ngħixu f’soċjetà ta’ kontradizzjonijiet. Waħda minn dawn il-kontradizzjonijiet hija propju li filwaqt li nagħmlu minn kollox sabiex insalvaw għasfur mill-kaċċaturi, kelb jew qattus, kull annimal  li ma jiġix maħqur jew maqtul, fekruni li nieħdu ħsiebhom ħalli jfaqqsu f’saħħithom u nitfgħuhom fil-baħar għax hemm hu posthom u meta nagħmlu dan inkunu qed nagħmlu sewwa; imma fejn tidħol tarbija le! Dik għandna dritt noqtluha. F’nofs Novembru 2021, raġel barrani jixxabbat fuq is-swar tal-belt Valletta jaħsibha jekk jaqbizx jew le, morna bil-mobiles f’idejna nħajruh jaqbeż ħalli neħdulu video! Tlifna l-valur tal-ħajja. Nistaqsi: min hu l-aktar marid gravi? Ir-raġel li kien qed jittanta jaqbeż minn fuq is-swar jew dak il-grupp ta’ nies (maġġuranza nisa) bil-mobiles f’idejhom iħajruh jaqbeż? . Inżilna daqshekk fil-qiegħ!

ALLA BISS HUWA SID IL-ĦAJJA

Min tana l-permezz sabiex niddeċiedu bejn min għandu jgħix u min għandu jmut? Alla BISS huwa sid il-ħajja. Dan jgħodd mhux biss għall-abort imma wkoll għall-ewtanasja. M’għandna l-ebda dritt la fuq il-ħajja tiegħi (ewtanasija) u lanqas fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor (abort). Aħna bħala bnedmin umani rridu dejjem noqgħodu attenti li lanqas l-iċken ħsara m’għandna nagħmlu lil xulxin, la fuq il-persuna u lanqas fuq il-proprjetà tal-persuna. Aktar w’aktar kemm m’għandnhix noqtlu lill-persuna. Irridu nħarsu d-dritt ta’ kull persuna sabiex tgħix sa mill-bidu tat-tnissil tagħha fil-ġuf tal-omma sal-mewt naturali tagħha.

Kemm ikun isbaħ u aħjar li kieku fil-għerf tagħna, fil-maturità umana u reliġjuża tagħna, bl-iżvilupp li qed iseħħ speċjalment fil-qasam tax-xjenza medika u t-teknoloġija nfittxu nkunu aktar pożittivi, porattivi billi nfittxu mezzi kif ser ngħinu lil omm tqila sabiex twelled it-tarbija u din issib min jilqagħha bl-imħabba. Din għandha tkun il-ħidma u l-isforz kollettiv bejn Knisja u Stat, bejn kull ċittadin, tas-soċjetà sħiħa tagħna.

 

Fr. Philip Cutajar ofm cap