Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt. 

Abortion in Malta? Not in my name (7)

L-ABORT U L-KMANDAMENT LA TISRAQX

 

Fl-aħħar kontribut tiegħi fuq il-Laikos, jiġifieri f’Diċembru 2021, kont ktibt li min jagħmel abort ikun qed jikser tlett kmandamenti mill-10 kmandamenti ta’ Alla. Għal tlett darbiet ikun qed imur kontra dak li Alla jrid minn kull maħluq, l-kmandamenti Tiegħu li huma minquxa fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna bħala Liġi naturali li tmexxina lejn il-verità sħiħa u tħares il-ħajja tagħna u dik tal-oħrajn.

 

Diġà fl-aħħar artiklu ktibt dwar kif bl-abort inkunu qed imorru kontra l-Ewwel Kmandament ta’ Alla ... “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek ... ma jkollokx allat oħra għajri ...” (Eżodu 20, 2). Għidna li min jagħmel l-abort, jipparteċipa fl-abort  jew huwa favur l-abort, minbarra li huwa favur il-kultura tal-mewt, ikun ukoll qiegħed mhux biss joħloq allat oħra minbarra Alla l-Mulej ta’ Ġesù Kristu, imma jkun qed jagħmel lili nnifsu Alla. Il-bnidem favur l-abort ikun qed jgħix forma ta’ ateiżmu għax ikun qed jagħmel lilu nnifsu daqs u aktar minn Alla billi jiddeċiedi hu x’inhu tajjeb jew ħażin. Sejjaħnhielu ‘id-dnub ta’ Adam u Eva’ – dawn wettqu d-dnub mhux biss għax kissru l-kmand ta’ Alla imma, wisq agħar, għax emmnu aktar lill-gidba tax-xitna milli l-Kelma ta’ Alla. Dak li hu ħażin u Alla ma jridux, il-bniedem jasal biex jgħid mhux biss li huwa tajjeb imma li huwa ‘dritt’ – ‘dritt tal-mara’ li tieħu l-liġi ta’ Alla b’idejja u tagħmel dak li trid hi u mhux dak li Alla jrid li jseħħ minn kull maħluq. 

 

IS-SEBA’ KMANDAMENT – LA TISRAQX

 

Illum, f’din ir-riflessjoni qed naqsam magħkom, ser nikteb dwar kmandament ieħor li jinkiser minn min jwettaq l-abort. Huwa is-7 kmandament: LA TISRAQX. Kull mara li ssir omm u toqtol f’ġufha lit-tarbija tagħha tkun qed tisraq lid-dinja, lis-soċjetà, lill-familja tagħha mhux biss mill-presenza ta’ dik il-ħlejqa ta’ Alla imma wkoll mill-ġid li dik it-tarbija meta tikber, ladarba tiġi edukata u ffurmata tajjeb, tista’ tagħti lill-umanità.

 

Ser nikteb dwar 5 ommijiet li għaddew minn esperjenzi iebsa fejn kienu ser iwettqu abort imma m’għamluhx. Naraw ftit x’kien jiġri li kieku dawn il-5 nisa wettqu abort u qatlu t-tarbija li kellhom fil-ġuf.

 

1. CELINE DION

 

Ilkoll kemm aħna smajna b’din il-kantanta Kanadiża famuża. Hija ferm magħrufa għall-qawwa tal-vuċi tagħha flimkien mall-kapaċita li tipposiedi biex tagħti pjaċir lil kull min jismagħha tkanta. Mhux biss, hija wkoll magħrufa u apprezzata għall-karattru ħelu u l-qalb tajba tagħha. Allavolja llum armla, u minn dejjem xtaqet li jkollha familja numeruża bħal ġenituri tagħha imma kellha biss tlett itfal li tiddedika ħajjitha għalihom.

 

Hija twieledet fit-30 ta’ Marzu tas-sena 1968, jiġifieri llum għanha 54 sena. Il-ġenituri tagħha diġà kellhom 13-il-wild, 13 tfal. Hija kienet l-14-il-tarbija li kienet ġejja fid-dinja. Minħabba f’hekk ommha kienet qed taħsibha bis-serjetà sabiex tagħmel abort. Immaġinaw id-dinja speċjalment dik tal-mużika mingħajr din il-kantanta ċelebri Celine Dion. Li kieku ommha wettqet il-ħsieb tal-abort li kien qed iberren f’moħħha li kieku llum m’għandnhiex lil Celine Dion. F’dan is-sens l-abort huwa  serq, imur kontra l-kmandmanet ta’ Alla “La tisraqx”. Kien ikun serq mid-dinja, mis-soċjetà.

 

2. ANDREA BOCELLI

 

It-tieni persunaġġ li nixtieq nikteb dwaru huwa kantant ieħor ta’ fama internazzjonali. Qed nirreferi għal Andrea Bocelli. Kantant, tenur, kapaċi jdoqq diversi stumenti mużikali twieled fl-Italja fit-2 ta’ Settembru tas-sena 1958

It-tobba qalu lil ommu li l-wild kien ser ikollu problemi serji, probabiltà kien ser jitwieled b’xi diżabilità. Is-suġġeriment kien li jkun aħjar li tagħmel abort imma l-omm qatt ma aċċettat. Żammet it-tarbija kontra l-parrir tat-tobba. Fil-fatt ta’ 5 snin ħarġitlu l-marda tal-congenital gluacoma u ta’ 12-il-sena għama kompletament wara li kellu aċċident waqt logħoba ballun.

 

Andrea Bocelli għadu sallum jirringrazzja lil ommu li qatt ma semgħet mit-tobba. Qatt m’għamlet abort. Iħobbha b’imħabba tal-ġenn għall-fatt li welditu ħaj. Hawnhekk għandna każ ieħor ta’ omm li ma serqitx lid-dinja minn dan il-persunaġġ fenominali fid-dinja tal-mużika. B’mod eroj tatna lil binha bit-talenti kollha li jippossiedi.

 

3. STEVE JOBS

 

U xi ngħidu għal Steve Paul Jobs! Ilkoll kemm aħna nafuh u nafu x’ħalla warajh speċjalment fid-dinja tal-komunikazzjoni soċjali. Huwa twieled fl-24 ta’ Frar tas-sena 1955, f’San Francisco, California, l-Amerika. Miet b’cancer fil-5 ta’ Ottubru tas-sena 2011 fl-età ta’ 56 sena. Huwa meqjus bħala l-pijunier tar-revoluzzjoni li ġab miegħu l-computer fid-dinja tallum. Kreajatur tal-Appple II, tal-Macintosh, iPod, iPhone, u l-iPad.

 

Meta ommu Schieble welldet lil Steve kien għad kella 19-ilsena. Kienet relazzjoni barra miż-żwieġ. Faċilmnet setgħet wettqet abort. Hekk kien il-parrir tal-ġuvni li kella relzzjoni miegħu. Imma riedet issalva t-tarbija. Marret San Francisco fejn welldet it-tarbija u tagħtu b’adozzjoni lill-koppja Paul u Clara.

 

Steve, għalkemm meta aktar tard sar jaf li huwa iben adottat, inħasad. Imma baqa’ jfaħħar u jirringrazzja lil ommu li għalkemm kella 19-il-sena ma għamlitx abort. Ma setgħetx iżżommu hi, tagħtu b’adozzjoni. Immaġinaw id-dinja mingħajr Steve Jobs! Omm oħra li b’kuraġġ ma serqitx lid-dinja minn dan il-persunaġġ li bl-intelliġenza fenominali tiegħu ġab rivoluzzjoni fid-dinja tal-media.

 

4. JUSTIN BIEBER

 

Hawnhekk għandna kantant famuż ieħor ġej mill-Kanada. Twieled fl-1 ta’ Marzu tas-sena 1994. Għadu żagħżugh ta’ 28 sena. Huwa ferm popolari speċjalment fost iż-żgħażagħ – huwa idolu għaż-żgħażagħ. Fil-bidu tal-karriera tiegħu kiseb suċċess bl-album tiegħu My world (2010).

 

Justin huwa iben Jeremy Jack Bieber u Pattie Mallette li ma kienux miżżewġin. Għat-trobbija tiegħu daħlu responsabbli Diane, omm Pattie flimkien ma’ żewġha Bruce. Jeremy, il-missier natural ta’ Justin kien diġa miżżewweġ u anke kellu tfal oħra. Għalhekk l-omm natural ta’ Justin, b’sagrifiċċji kbar, żammet lit-tarbija li twieldet minnbarra żwieġ u kemm bl-għajnuna ta’ ommha u missierha kif ukoll bil-flus li kienet taqla’ mix-xogħol li kienet tagħmel, irnexxiela trabbih.

 

Għalhekk f’omm Justin Bieber għandna mudell ieħor ta’ mara li ssir omm b’relazzjoni barra ż-żwieġ minn raġel miżżewweġ b’ulied oħra li meta ndunat li hija tqila ma għamlitx abort. Talbet l-għajnuna tal-ġenituri tagħha, ħarġet taħdem u b’hekk illum għandna lill-famuż kantant internazzjoni Justin Bieber. Anke f’Pattie Mallette għandna omm li ma serqitx lid-dinja minn dan il-kantant li huwa l-idolu taż-żgħażagħ moderni.

 

5. IL-PAPA ĠWANN PAWLU II

 

Dwar il-Papa San Ġwann Pawl II m’hemmx għalfejn nikteb fit-tul. Ilkoll nafuh. Nafu x’għamel kemm f’pajjiżu bħala Isqof u Kardinal kif ukoll fid-dinja u fil-Knisja Kattolika bħala Papa. Forsi ftit nafu dwar it-twelid tiegħu – li fil-kuntest li qed nikteb, dwar l-abort, l-aktar li jinteressana.

 

Jòzef Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju tas-sena 1920. Għal 27 sena (1978-2005)  serva lill-Knisja bħala Papa. Kien l-iżgħar fost it-tlett aħwa. Ommu Emilia Kaczorowska qabel ma kien ser ikollha lilu, kienet diġà tilfet lil oħtu Olga, għada tarbija f’ġufha. It-tobba matul it-tqala ta’ tifel ieħor qalulha li dan kien ser ikun riskju kbir għalhekk l-aħjar tagħmela abort. Mn’Alla ma semgħetx mill-parrir tat-tobba għax kieku d-dinja u l-Knisja Kattolika kienu jitilfu Papa kariżmatiku li għamel tant ġid mhux biss lill-Knisja imma lid-dinja kollha.

 

LA TISRAQX

 

Dan hu li jfisser LA TIXRAQX. Meta mara li toħroġ tqila b’tarbija f’ġufha u tiddeċiedi li tagħmel abort tkun qed TISRAQ lis-soċjetà, ħolqien ta’ Alla li fil-futur tiegħu jew tagħha jista’ jagħmel ħafna ġid. Mela l-abort huwa dnub doppju: dnub li jikser l-1 kmandamenti għax tkun qed tieħu l-liġi ta’ Alla b’idejk billi tagħmel lilek innifsek Alla u tiddeċiedi inti li tgħid u tagħmel tajjeb għalik dak li fih innifsu huwa ħażin, huwa dnub. Tkun qed tikser ukoll is-7 kmandament għax bl-abort tkun qed tisraq tarbija li tiġi maqtula fil-ġuf u għalhekk id-dinja, is-soċjetà mhix ser tgwadi mit-tajjeb li ‘l quddiem dik it-tarbija tista’ twettaq.

 

Darb’oħra nitkellmu mit-tielet kmandament li jinkiser bl-abort. Dak li huwa tant ovvju u ċar, il-5 kmandament: LA TOQTOLX.

 

Fr. Philip Cutajar ofm cap