Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt. 

Abortion in Malta? Not in my name (6)

L-ABORT: KSUR TA’ TLETT KMANDAMENTI TA’ ALLA

 

Għas-sitt darba qed nerġa’ nkun magħkom bl-istess tema tal-abort. Inħoss li għandna nkomplu nisħqu fuq din it-tema għax aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir tema attwali li nitkellmu mhux biex niddiskutu jekk l-abort  hux tajjeb jew ħażin, il-ħażin fih innifsu bħalma huwa il-qtil, mhux tema ta’ diskussjoni. Niddiskutu kemm niddiskutu dak li hu ħażin qatt ma jista’jsir tajjeb. Imma niddiskutu sabiex nitgħallmu aktar u b’hekk nagħrfu iżjed il-kruha ta’ dan il-ħażen bl-effetti negattivi li jħalli warajh.

 

Reċentement anke l-Papa Franġisku stieden lilna li b’xi mod jew ieħor imissu mall-mezzi tal-kommunikazzjoni soċjali u nużaw dawn il-mezzi għall-evanġelizzazzjoni, sabiex fuq ċerti suġġetti li nippreżentaw ma nġibux magħna fuq xi ‘panel’ lil dawk li ma jaqblux magħna biex jesprimu l-oponjoni tagħhom. Għal suġġettti li fihom infushom huwa ħżiena u totalment imorru kontra l-għeruq tal-fidi tagħna, fuq panel ma nġib lil ħadd biex jipprova jikkonvinċi li dak li hu ħażin, ngħidu li hu tajjeb. U dan, disgrazzjament qed jiġri anke fuq mezzi ta’ kommunikazzjoni (radjijiet u stazzjonijiet ta-televiżjoni Maltin b’ispirazzjoni Krisjana / Kattolika). Suġġett minnhom huwa proprju l-abort. B’liema dritt niġu fuq programm jew nistiednu lil min jiġi fuq xi programm sabiex jiddiskutu jekk xi wieħed mill-Kmandamenti ta’ Alla għadhux relevanti jew le, għandniex nosservawh jew le. Attenti! Inkunu qed nilagħbu man-nar apparti li nħawwdu lis-semmiegħa.

 

L-ABORT: KSUR TA’ TLETT KMANDAMENTI TA’ ALLA

 

Qed nikteb u naqsam ftit ħsibijiet magħkom dwar kemm u safejn għandna niddiskutu s-suġġett tal-abort ma’ minn għandu opinjoni kontra l-ħajja u favur il-mewt. Bħalma diġà għidna, il-valuri li huma maqgħuda mall-fidi tagħna qegħdin hemm biex nitkellmu fuqhom, infissruhom, naraw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ meta nosservahom jew le, din hija evanġelizzazzjoni, imma mhux biex niddiskuti r-relevanza tagħhom.

 

Meta nitkellmu mill-abort ma nkunux qed nitkellmu minn ksur ta’ Kmandament wieħed mill-10 Kmandamenti ta’ Alla; imma pjuttost mill-ksur ta’ mill-inqas tliet kmandamenti. Hawnhekk il-ħażen isir aktar serju u gravi

 

1. KSUR TAL-1 KMANDAMENT

 

‘Jiena  hu l-Mulej, Alla tiegħek. Ma jkollokx allat oħra għajri.’

 

Dan il-kmandamenti huwa l-ewwel wieħed mhix biss fil-lista tal-10 kmandamenti imma wisq iżjed minħabba l-importanza tiegħu. Nistgħu ngħidu li jekk min jemmen jasal sabiex josserva dan il-kmandament ikun għalih aktar faċli li josserva l-bqija. Kollox jinbena fuq l-1 kmandament. Li tistqarr lil Mulej ta’ Ġesù Kristu bħala l-Alla veru u ħaj tiegħek, lili tagħraf, lilu tħobb u lili taqdi huwa l-ewwel kmandament li anke Ġesù kkonfermah. Meta ġie mistoqsi: ‘Liema huwa l-ewwel u l-aqwa kmandamenti’ it-tweġiba tiegħu kienet: “Ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’ġismek kollu, bil-moħħ tiegħek kollu …”

 

Tħobb lil Mulej, Alla tiegħek u li ma jkollokx allat oħra għajru jfisser li tagħraf, tirrispetta, tħobb u tagħmel dejjem u kullimkien il-liġi tiegħU. Tagħmel dejjem ir-rieda tiegħU. Qatt ma tieħu l-liġi b’idejk u tkun int l-alla minfloku, li tgħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Dan insejħulu d-dnub ta’ Adam u Eva. Din kienet it-tentazzjoni tax-xitan lill-ewwel ġenituri tagħna. L-ewwel gidba li l-bniedem emmen, waqa’ skjav tagħha u dineb. It-tentazzjoni li rridu nsiru allat bħalu u niddeċiedu aħna, mhux Hu, x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, x’inhu dnub u x’mhux.

 

U l-bniedem tallum bl-għajta tal-abort dan hu li qed jagħmel. Qed jaqa’ għal darb’oħra għall-ingann tax-xitan, dak li hu ‘missier il-gidba’ – ‘li gideb sa mil-bidu’; jieħu l-liġi b’idejh u jwettaq dak Alla ma jridx: il-qtil ta’ tarbija nnoċenti.  F’dan is-sens l-abort isir ukoll forma ta’ atejiżmu prattiku, forma fejn il-bniedem iwarrab mhux biss il-liġi ta’ Alla imma wkoll  Alla, forma fejn il-bniedem isir alla u b’mod relattiv jiddeċiedi hu. Alla u l-kmandamenti tiegħu ma jibqgħux ir-riga li fuqha nfassslu ħajjitna. Alla biss u waħdu huwa s-sid tal-ħajja. Ħadd minna m’għandu d-dritt fuq il-ħajja la tiegħu (l-ewtanasja) u lanqas tal-oħrajn (l-abort).

 

X’kontradizzjoni qed ngħixu! Id-dinja ċivilizzata maż-żmien neħħiet mil-qrati tagħha s-sentenza tal-mewt għall-kriminali u minflok daħħlet is-sentenza ta’ għomor il-ħabs. Storikament f’Malta dan seħħ 50 sena ilu. Propju din is-sena qed infakkru t-tmiem tal-piena kapitali f’Malta, jew aħjar kif kienet margħufa f’pajjiżna: ‘l-għoti tal-forka’. U għamilna tajjeb. Imma neħħejna l-piena hekk imsejjħa ‘kapitali’ għal min hu kriminali u daħħalna jew qed nippruvaw indaħħlu f’pajjiżna  ‘piena kapitali’ oħra kontra tarbija nnoċenti fil-ġuf tal-omm. Piena kapitali li matul is-sena li għaddiet ħasdet il-ħajja ta’ 50 miljun embrijun – tarbija fil-ġuf tal-omm. 

 

Huwa minnu li qegħdin ngħixu f’dinja, f’soċjetà ta’ kontadizzjonijiet. U aħna għandna sehem minn dan? Tlifna aħna wkoll kull raġuni? Kull loġika? Kull sens komun? Kull valur u kriterju validu li fuqhom jinħtieġ li nfasslu l-liġijiet taggħna u l-istess ħajjitna.

 

Fr. Philip Cutajar ofm cap