Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt.

 

ABORTION IN MALTA? NOT IN MY NAME (4)

  

Għar-raba’ darba qed nippreżentalkom l-istess suġġett li diġà ktibt dwaru. Għażilt li nieħu din id-deċiżjoni mhux għax m’hemmx suġġetti oħrajn interessanti fuqhiex nikteb u naqsam magħkom. Nemmen li bħalissa dan huwa wieħed  mis-suġġett li għandu jiġbed l-akbar interess, aktar w’aktar meta nafu li qed jiġi diskuss mhux biss fil-pjazzez u d-djar tagħna imma anke fil-Parlament Malti bi proposta li tressqet favur id-deskriminalizzazzjoni tal-abort.

Nixtieq nrodd ħajr lil dawk il-persuni, li mhumiex ftit, li għamluli kuraġġ sabiex inkompli nikteb fuq is-suġġett tal-abort. Inkompli nwassal mhux biss l-aspett ta’ ħażen kontra l-istess umanità meta omm tasal biex toqtol frott ġufha, imma wkoll l-aspett tad-dnub għax jmur kontra l-liġi ta’ Alla. Inkompli nwassslu l-leħen tagħna bħala Knisja, nevanġelizzaw billi nagħtu katekeżi favur il-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu tat-tnissil tagħha fil-ġuf tal-omm sal-mewt naturali.

Nixtieq inkompli nikteb fuq dan is-suġġett aktar w’aktrar wara li nhar l-24 ta’ Ġunju 2021, l-hekk imsejjaġ MATIĆ REPORT ġie approvat mill-Parlament Ewropew. Għalkemm dan ir-rapport jistqarr li “l-abort huwa dritt fundamentali” pero ma jorbotx lill-Istati membri sabiex bilfors jaċċettawh u jimxu fuqu. F’dan ir-rapport ġiet ukoll miċħuda l-objezzjoni tal-kuxjenza għat-tobba meta jiġu msejjħa biex iwettqu qtil ta’ tarbija f’ġuf ommha. Jiddispjaċina ferm li f’din il-votazzjoni kien hemm membri ta’ dawk li nsejjħulhom partiti popolari bi twemmin nisrani li vvutaw favur. Veru li llum ma tista’ tafda f’ħadd! Filwaqt li nifirħu lit-3 membri europarlamentari Maltin li vvutaw kontra dan id-dokument, jiddispjaċina ngħidu li kien hemm 2 minnhom li astjenew u ieħor li vvota favur. Interessanti dak li kien jgħid l-ex-President tal-Amerika: “Kull min jitkellem fuvur l-abort ikun diġa twieled”.

FIL-KUNTEST TAL-COVID-19

Nixtieq li fl-isfond ta’ dan is-suġġett li qed inwasslilkom billi nikteb favur il-ħajja, kontra l-abort, naqsam magħkom esperjenza persunali li f’dan il-kuntest fiha sens u messaġġ. Dawn ir-riflessjonijiet ktibthom meta jiena wkoll kont u għadni għaddej nissielet bejn ħajja u mewt. Ħafna minnkom jafu li ili dieħel u ħiereġ l-isptar minn Frar ta’ din is-sena. Fil-bidu ta’ Frar ġejt maħkum mill-Covid-19. Kont ferm gravi. Għaddejt 20 jum l-isptar, minnhom 5’t ijiem fl-ITU nissielet bejn ħajja u mewt. Grazzi lil Dr. George Grech u lil Mr. Dr. Tonio Piscopo flimkien mat-team tiegħu u l-kura li tawni. Għaddieli u ġejt mibgħut il-kunvent imfejjaq. Imma f’nofs Mejju t-tobba skoprew li għalkemm issa kont negattiv għall-Covid-19, dan kien attakkali qalbi. Kelli ngħaddi mill-esperjenza iebsa u twila bl-uġigħ kollu li ġġib magħha ta’ operazzjoni fil-qalb. Żewġ ‘by passes’.  Domt xahar l-isptar Mater Dei. Ħajr lil Mr. Dr. Walter Busuttil u t-team tiegħu kollu. Issa qiegħed lura l-kunvent, inkompli nirkupra bil-mod.

Li nikteb erba’ riflessjonijiet favur il-ħajja u s-sbuħija tagħha f’perijodu meta jiena stess qed nagħmel esperjenza ta’ ħajja jew mewt, tat-tbatija u l-uġigħ, fiha t-tifsira nobbli tagħna, il-valur tagħha. Kien hemm tobba li sejħuli ‘Covid survival’ u anke ‘Covid-miracle”. Huma x’inhuma, ċ-ċirkustanza l-aktra iebsa li l-bniedem jista’ jgħaddi minnhom, il-ġlieda favur il-ħajja trid dejjem tirbaħ kull priorità u valur assolut.

NIKKUNDUNAW ID-DNUB IMMA MHUX LILL-MIDNEB

Ġesù fl-Evanġelju, bl-eżempji tiegħu u bi kliemu, jgħallimna li fil-ħajja tagħna bħala nsara – dixxxipli tiegħu, qatt m’għandna niġġudikaw u wisq iżjed nikkundannaw lill-midneb. Nikkundannaw lid-dnub bħala ħażen li jmur kontra l-pjan tal-imħabba ta’ Alla iva, imma lill-midneb qatt, anzi  inħobbuh, naħfrulu, nitolbu għalih, ngħinuh u nitolbu għalih. Dan għandu jkun l-atteġġjament tagħna quddiem kull mara-omm li mqarr għal xi mument jgħaddila xi ħsieb minn moħħha li twettaq l-abort. Hekk jiena hawnhekk, b’dan li qed nikteb: il-ħsieb tiegħi mhuwiex li niġġudika jew nikkundanna, imma biss li nevanġelizza fis-sens li flimkien nitgħallmu l-verità u flimkien bħala soċjetà nbiegħedu minnha kull dnub, kull ħażen.

DESKRIMINALIZZAZZZJONI TAL-ABORT

Bħalissa meta nitkellmu mill-abort qed isir diskors fejn tissemma’ l-kelma “deskriminalizzazzjoni” tal-abort. Dan ifisser li meta mara b’mod voluntarju twaqqaf it-tqala tagħha, hi u min jgħinha b’mod idrett, u dawn jinqabdu mill-ġustizzja ma jieħdux is-sentenza tal-ħabs marbuta mall-liġi ta’ Malta. Tagħmel att kriminali skont il-liġi imma tiġi meħlusa mill-konsegwenza marbuta mall-istess liġi.

Il-Malta Today matul dawn l-aħħar xhur għamlet survey fejn ir-riżultat kien li l-maġġuranza tal-Maltin u l-Għawdxin huma kontra dan it-tip ta’ deskriminalizzazzjoni fejn jidħol l-abort. 66.9 % ma jaqblux mad-diskriminilizzazzjoni meta t-tqala fil-ġuf tiġi mwaqqfa, filwaq li 18 % huma favur u 15.1 % għadhom inċerti.

Dan is-survey sar bejn il-31 ta’ Mejju u l-4 ta’ Ġunju, jiġifier tlett ġimgħat wara li l-membru parlamentari ndipendenti Marlene Farrugia ppreżentatu bħala porposta parlamentari, emenda għal-liġi bil-għan li l-abort jitneħħa mill-kodiċi kriminali ta’ pajjiżna. Nixtieq minn hawn nifraħ it-tweġiba li fl-istess parlament ta l-membru parlamentari Clyde Puli. Hawnhekk stennejt li lil dan jingħata applaws miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-deputati. Imma kien hemm silenzju.

LOGĦOB TAL-KLIEM

Jiena nemmen li jekk naslu biex nagħmlu dan inkunu qed nilgħabu bil-liġi. Huwa logħob tal-kliem. L-ewwel nagħmillek il-liġi u fl-istess nifs ngħidlek ‘imma jekk tiksirha l-ġustizzja ma tfittxekx’. Immaġinaw, għeżież qarrejja, li kieku dan il-prinċipju kellu jiġi applikat għal atti kriminali oħra x’taħwid u abbużi jkollna? Sakemm il-qorti tifhimha li quddiem att kriminali minuri, għamiltu l-ewwel darba, mhux għal kollox tort tiegħek (bħalma huwa ħafna drabi fil-każ tad-droga) hawn tasal biex tifhem li l-maġistrat jaħfer, jagħti ċans, jibgħatek għall-programm ta’ riabilitazzzjoni u mhux il-ħabs. Imma li nagħmlu hekk quddiem qtil ta’ tarbija nnoċenti, quddiem l-abort, inkunu tassew qed nilgħabu bil-liġi. Noħolqu aktar abużi u qatt ma nwaslu messaġġ ta’ gravità u responsabiltà quddiem dan l-att ta’ qtil. B’dan il-mod l-abort jiżdied u mhux jonqos. U fuq kollox jidher ċar li min qed jipproponi din il-proposta ta’ “diskriminalazzazzjoni tal-abort” nara li hemm tentattiva ppjanat u malizzjuż sabiex tinfetaħ l-ewwel tieqa ħalli f’Malta jidħol l-abort.

 

Il-Mulej jagħtikom Is-Sliem!

 

Fr. Philip Cutajar ofm cap