Inħarsu, nipproteġu u niddefendu l-ħajja

Kontra l-kultura tal-iskart u l-mewt.

ABORTION IN MALTA?  NOT IN MY NAME  (3)

 

Għat-tielet darba qiegħed magħkom bl-istess suġġett li diġà tkellimt  dwaru. Is-suġġett tal-abort, kif ilkoll nafu, qed isir ukoll f’Malta u f’Għawdex, suġġett fuq fomm ħafna. Kienu diversi li mhux biss tawna prosit li qed nittrattaw dan is-suġġett imma wkoll li komplew jikkorraġuna sabiex inkomplu ntabbru bil-għan li ngħallmu u nagħtu nformazzjoni ċara u fuq kollox mhux biss umana w etika  imma wkoll kristjana u evanġelika. Dan huwa d-dmir tagħna bħala Knisja – ma tistax’ teżesiti Knisja u li tkun il-KNISJA TA’ KRISTU li ma tiddefendhix il-ħajja mill-bidu sal-aħħar.

 

JEKK INTI TASSEW NISRANI QATT MA’ TISTA’ TAĊĊETTA

 

Huma diversi l-ilħna ġejjin,  kemm minn persuni prominenti speċjalment fil-qasam tal-politika kif ukoll minn gruppi bħalma huma l-L-Għaqda Studenti tal-Liġi f’Malta u oħrajn, li qed jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġett. Dan juri biċ-ċar kemm l-ilħna favur l-abort qed jiżdiedu mhux biss pubblikament b’xi dikjarazzzjoni li naqrawha fil-gazzetti u nisimgħuha fuq l-aħbarijiet imma anke f’ambjenti privati ta’ gruppi li jiltaqgħu jitkellmu bejniethom kuljum. Ħafna jsostnu illi, li kieku kellu jsir xi tip ta’ tfittxija għall-opinjoni pubblika dwar dawk li huma favur u dawk li huma kontra l-abort, jista’ jkollna xi sorpriża. Sorpriża mhux daqstant għax dawk li jivvutaw favur l-abort jirbaħ fuq dawk li jgħidu ‘le’, imma għax niskopru kemm in-numru ta’ dawk li huma ‘pro choice’, favur l-abort, għalkemm mhux maġġuranza, imma huwa għoli aktar milli nistgħu nobsru. U hawn forsi nagħmlu esperjenza oħra ta’ disullużjoni bħalma ġara fil-Liġi tad-divorzju f’Malta fis-sena 2011.

 

U dawn, għalkemm isejjħu lilhom infushom insara u forsi jmorru għall-quddies u t-tqarbin, jistqarru pubblikamant li huma favur il-qtil tat-tarbija fil-ġuf. Mhux il-għan tagħna li niġġudikaw u wisq iżjed nikkundannaw. Min aħna biex nagħmlu dan? Imma dak li huwa iswed ma nistgħux ngħidu mhux biss li huwa abjad, imma lanqasli huwa griż.Dan it-tipi ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li huma favur l-abort arahom iġibulek xi raġuni jew oħra, li mhumiex raġunijiet mibnija fuq loġika u etika imma fuq sentimentaliżmu b’xejra egoista u anke kapriċċuża, ħafna drabi politika/partiġjana.

 

L-GĦAQDA STUDENTI TAL-LIĠI

 

Diġa għamilna referenza għall-Għaqda Studenti tal-Liġi. Dawn fid-dikjarazzzjoni pubbblika li għamlu,  ħarġu bi ħġarhom favur id-deskriminalizzazzjoni tal-abort f’pajjiżna. Aħna m’aħniex kontra li ċittadin jew grupp ta’ ċittadini flimkien jiddiskutu xi suġġetti u joħorġu b’xi dikjarazzjoni. Dan huwa dritt ta’ kulħaddd minbi fuq id-demokrazija. Anzi aktar ma jkun hemm minn dawn il-gruppi, aktar ma jkun hemm studju u diskussjonijiet, minbarra li neżerċitaw id-dritt li tagħtina d-demokrazzija, inkunu wkoll qegħdin nitgħallmu u niffurmaw opinjoni fuq raġunijiet validi u sodi. Għalkemm tidher bla sens li tiddiskutu suġġet bħalma huwa “toqtolx jew le”!!! Jiddispjaċini li fid-dikjarazzjoni li ppubblikaw l-Għaqda Studenti tal-Liġi dawn ir-raġunijiet validi u sodi mhumiex qegħdin dejjem hemm. Speċjalment meta jgħidu li d-dritt tal-mara li tagħmel  l-abort huwa dritt fundamentali. (Għalkemm issa dan id-dritt ġie ddikkjarata fil-Parlament Ewropew – dwar dan nikteb darb’oħra).

 

B’relazzzjoni ma’ dan li qed isostnu L-Għaqda Studenti tal-Liġi għandna dikjarazzjoni tal-Imħallef Emeritu tal-Qorti tal-Ewropa Giovanni Bonello. Dan l-Imħallef mimli b’esperjenza u għerf jgħid li fl-Ewropa huwa aċċettat universalment li d-drittijiet umani fundamentali huwa dawk li l-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem tistqarr li huma tali, li speċifikament huma hekk. L-Imħallef Bonello jkompli jgħid li fil-61 sena li ilha teżisti din il-qorti, fl-eluf ta’ deċiżjonijiet li tat, li numru minnhom huma relatati speċifikament mall-abort, qatt ma ġie stabbilit li l-abort huwa dritt fundamentali. Il-Qorti Suprema Ewropeja qatt ma qalet li l-istat għandu jillegalizza l-abort.     

 

INĠUSTIZZJI ĠODDA TA’ ŻMIENNA

 

Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Enċiklika dwar L-EVANĠELJU TAL-ĦAJJA (25 Marzu 1995) jitkellem ċar dwar din it-theddida li qed taħkem id-dinja preżenti, hekk imsejħa liberali u post moderna. Huwa jikteb b’mod ċar li mall-inġustizzji li kienu hemm matul  is-sekli li għaddew u li wħud minnhom, anke taħt forom differenti għadhom hemm, issa qed inżidu nġustizzja oħra: dik tal-abort:

 

“Qed ikunu mkasbra fid-dritt fundamentali tagħhom għall-ħajja llum għadd kbir ta’ bnedmin dgħajfa u bla difiża, bħalma huma, b’mod partikulari, it-trabi li għad ma tweldux. Jekk ma kienx permess lill-Knisja, fi tmiem is-seklu li għadda, li żżomm is-skiet quddiem l-inġustizzji li kienu qed iseħħu f’dak iż-żmien, wisq anqas illum ma tista tibqa’ siekta meta mal-inġustizzji soċjali tal-imgħoddi, qed jiżdiedu inġustizzji u moħqrija aktar serji, ukoll jekk qegħdin jitqiesu bħala sinjal ta’ progress, bil-għan li jitwaqqaf ordni ġdid fid-dinja.” (EV, 5,4).

 

Din hija l-istedina li Alla, permezz tal-Knisja tiegħu, fil-qiegħ ta’ qalbna qed jagħmel lil kull wiħed u waħda minna. Ejjew ma nkunux aħna li bl-opinjoni jew aktar agħar bil-voti żbaljati tagħna, inkunu qed nagħtu sehemna fit-tkattir tal-inġustizzji li qed iseħħu fid-dinja tagħna permezz tal-abort. Inkomplu mexjin wara Kristu fejn din id-darba qed isejjħilna biex nimxu wara l-istandard tal-“Pro-Life”. Aħna favur il-ħajja sa mill-ġuf tal-omm sal-mewt naturali ta’ kull bniedem.

 

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

 

Fr. Philip Cutajar ofm cap