L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Quddiem l-Istilla ta' Betlehem

 

Minn Francesco Pio Attard
24 ta’ Diċembru 2017

 

 

Tbaxxew miegħi, aduraw
’l Alla l-kbir li sar tarbija;
Idħlu fl-għar, fis-skiet araw
lill-Ħallieq f’dirgħajn Marija.

 

F’dan l-imkien wisa’ ma hemmx
għal min qalbu wisq kburija;
irodd ferħ li ma jintemmx
lil min jaf b’qima jħejjiha.

 

In-nifs sħun ta’ baqra u ħmara
qed isaħħan lis-Sultan,
hawnhekk għażel hu b’għamara,
palazz rama f’dal-ħitan.

 

Nieqa għalih sab ġol-maxtura
f’ta’ ftit faxex it-tgeżwir,
hawn id-dinja ġiet tadura
lill-Feddej Ħobż qed isir.

 

Barra l-kewkba l-lejl iddawwal,
għanet l-anġli jħabbar “Glorja”,
f’daħlet l-għar xi ragħaj jittawwal –
tgħid, għarafx l’hawn Sid l-Istorja!

 

Betlem bħal ħuġġieġa nar
qamet tħuf b’passi mgħaġġlin,
għat-tagħrif ta’ din l-Aħbar
ġriet biex tara lill-Bambin.

 

X’lejl ta’ ġmiel l-ogħla smewwiet,
l-eħxen dlam mela bid-dija!
Min kien jemmen il-kelmiet
li f’għar fqir twieled Messija?

 

Imma hawn, fejn ħadd ma bassar,
ġie mistur t’Alla s-sigriet –
f’Ibnu lejna triqtu qassar;
hawn tkun taf li ġie Milied!

 

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta