Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani fil-Perjodi Bikri (I)

Minn David Rossi

Mad-dħul tat-Tereżjani fMalta bdiet ħidma ntensiva sabiex tinbena l-knisja u l-kunvent. Dan il-bini f` Bormla beda jservi sabiex jipprepara l-Karmelitani Skalzi għall-attivita missjunarja lil hinn minn xtutna fil-Mesopotania u pajjiżi oħrajn.  F`dak iż-żmien dawk li kienu jħossu l-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża fi ħdan il-Karmelu kienu jmorru barra minn Malta għan-novizzjat  u ghal xi zmien jipprofessaw f` Santa Maria della Scala f` Ruma.   Kienet meħtiega li kull Tereżjan addan isem ġdid b` dedikazzjoni partikolari.  Pereżempju f` Marzu tal-1603 insibu lil Patri Ambrosius a Santo Johannes Baptista waqt li f` April 1639 reliġjuż kien iġib l-isem ta` Patri Joseph Antonius a S Francesco.  Naraw li bejn l-1604 u 1604 il-patrijiet afdaw s-sejħa tagħhom lil diversi qaddisin bhal San Frangisk, San Ġakbu, u San Ġorġ.  Oħrajn għażlu lil San Pietru u lill San Nikola waqt li kien hemm reliġjużi ddedikati għal San Pawl u San Ippolitu flimkien ma` San Martin. Kien hemm oħrajn li ħaddnu mal- isem religjuz it-titolu ta` Gesu` Maria, Reżurrezzjoni kif ukoll Assunta`.

Skont il-kitba misjuba fl-Arkivju l-eta` ta` dawk li kienu jidħlu mal-Ordni Tereżjan kienet bejn sbatax u sitta w tletin sena.  Dawn kienu jiġu minn diversi postijiet l-aktar mill-kontinent mifrux tal-Ewropa. Insibu fost oħrajn reliġjużi minn Madrid, Cremona, Firenze, Ruma, it-Toskana, Fjandri, Genova, Borgonja, u l-Polonja.  Oħrajn ġew minn Rocca Centrale, Hibernia , Montes Politiani u Carrara.  Hekk kif il-missjoni bdiet tilħaq pajjiżi mbieda kien hemm vokazzjonijiet minn artijiet bħas-Sirja kif naraw fil-professjoni ta` Patri Franciscus a S Paolo fid-dinja Michael minn Aleppo. 

Il-preżenza tar-reliġjużi Tereżjani lokalment kienet esperjenza profonda u xi wħud f` Malta ħassew is-sea li jissieħbu mal-patrijiet.  Ta` min igħid li l-ewwel Malti misjub fil-kotba tal-Ordni ngħaqad mal-Karmelitani Skalzi qabel ‘il wasla tagħhom fi gziritna.  Hekk insibu li  Petrus Paulus Manduca Melitensis: minn Malta pprofessa fit-23 ta` Ġunju 1613 u sar magħruf bħala Frater Paulus Baptista a S Petro.  Kien hemm Maltin oħra li daħlu patrijiet wara l-miġja tat-Tereżjani f` Malta.  Fil-fatt insibu mhux inqas minn erbatax il-persuna bejn is-sena 1695 u l-1788 fosthom lil Benignius Pace minn Civis Victoriosa li pprofessa fil-25 t` Awwissu 1744 u beda jġib l-isem ta`F Rajmundus a S Bartholomeo.  Kien hemm ieħor bl-isem ta` Paulino Grech mill-Belt Valletta.  Huwa ħa l-voti fl-10 ta` Diċembru 1766 u sar magħruf bħala F. Theodosino a Conceptione.  Kien hemm oħrajn mill-Isla bħal Petrus Alcantra a S Teresia (J Andreas) u Carolus Raymondus a S Joseph (Nicolaus Grech).  Ismijiet oħra ġew mniżżla mingħajr ħjiel ta` minn fejn ġew minn Malta.  Hekk insibu lil F Franciscus Maria a Croce, Malti bl-isem ta` Michael Angelus Fenech li ħa l-voti fl-4 ta` Ottubru 1736.

Mir-Reġistru Liber Professorum inter Carmelitas Discalceatos in Novitiatu Melitensi 1790- 1857 naraw li l-ewwel professjoni solenni f` pajjiżna saret fit-28 ta` Diċembru 1791 hekk kif  F Carlos Joseph a S Francesco jew, kif kien magħruf qabel ma daħal patri, Jo Baptist Grech mwieled il-Belt fit-8 ta` Awwissu 1774 mill-koppja Francesco u Theresia Grech kien għamel iż-żmien tiegħu ta` novizzjat f` Malta għas-sodisfazzjon tas-superjuri tiegħu.   Dawn taw l-approvazzjoni tagħhom bħala Pirjol f` dan il-każ F Raimundus a San Bartholomeo u l-Mastru tan-novizzi F Stanislau di Gesu`. Il-patri l-ġdid bħala Korista wiegħed Poverta`, Kastita` u Ubbidjenza lil Alla u lil Beata Verġni Marija kif ukoll lil F Adriano a S Theresa Preposito Generale tal-Kongregazzjoni ta` San Elija u lis-suċċessuri tiegħu sal-mewt skont ir-Regola primittiva tal-Ordni. 

Kien hemm oħrajn li għamlu bħal dan il-patri Malti.   Hekk insibu lil F Emmanuel Aloysius a S Maria ad Nives jew Aloysius Baldacchino imwieled fl-Isla fl-1775 minn Cajetano u Maria Baldacchino u lil Belti F Julius a SS Salvatore jew Raphael Calleya mwieled fit-30 ta` Diċembru 1771 minn Pio u Ursula Calleya.    Dawn kienu għamlu n-novizzjat f` Malta minflok barra minn xtutna kif kien meħtieġ li jagħmlu l-ewwel reliġjużi li daħlu patrijiet minn Malta.  Oħrajn kienu jidħlu bħala fratello donato mhux fil-livell ta`Chorista  imma f` dak ta` converso fil-kunvent ta` Bormla b` novizzjat mqassam fuq mhedda ta` sentejn.                   

 

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani fil-Perjodu Bikri (I) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Sezione Convento D  6  Liber Professarum inter Carmelitas Discalceatos in Novitiatu Melitensi 1790 – 1857 -----Liber I delli Nostri Religiosi e delle Nostre Religiose and  Liber II Necrologio dei Religiosi Defunti in Convento di SM Teresa dell` anno 1634 al 1722 – Nomen Seculi  La Scala Rome 1602 – 1789.